21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1353/2011

tal-20 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward taż-żamma tal-kontijiet mill-aġenziji tal-pagamenti, id-dikjarazzjonijiet tal-infiq u tad-dħul u l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-infiq taħt l-FAEG u l-FAEŻR

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 70[(4c)] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (2) jippermetti żieda fir-rata tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal massimu ta’ 95 % għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja.

(2)

Sabiex l-Istati Membri jitħallew jibbenefikaw kemm jista' jkun malajr mir-rata miżjuda ta’ kofinanzjament, ir-regoli għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-kontijiet tal-FAEŻR, previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (3), għandhom jiġu adattati b'effett immedjat.

(3)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 883/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artiklu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2006 jiżdied is-subparagrafu li jmiss:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, għall-programmi tal-iżvilupp rurali mmodifikati skont l-Artikolu 70[(4c)] tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, matul il-perjodu li fih tapplika d-deroga msemmija fl-Artikolu 70[(4c)] ta’ dak ir-Regolament, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-pjan finanzjarju fis-seħħ fl-aħħar jum tal-perjodu ta’ referenza. Għall-aħħar perjodu ta’ referenza meta tapplika d-deroga msemmija fl-Artikolu 70[(4c)] tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, id-dikjarazzjoni tal-infiq imsemmija fl-Artikolu 16 għandha tindika separatament in-nefqa mġarrba qabel u wara li d-deroga ma baqgħetx tapplika. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni li trid titħallas fir-rigward ta’ dawn il-perjodi ta’ referenza sekondarji għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-pjan ta’ finanzjament fis-seħħ matul kull perjodu ta’ referenza sekondarju”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1