|
21.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 338/27 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1350/2011
tal-20 ta’ Diċembru 2011
li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2011/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) [ir-Regolament dwar l-OKS Unika] (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Għall-promozzjoni tal-provvista taċ-ċereali fis-suq Komunitarju matul l-ewwel ftit xhur tas-sena tas-suq 2011/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 633/2011 (2) issospenda, sal-31 ta Diċembru 2011, id-dazji doganali fuq il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-qamħ komuni ta’ kwalità baxxa u medja u tax-xgħir għall-għalf li nfetħu permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (3) u (KE) Nru 2305/2003 (4) rispettivament. |
|
(2) |
Il-prospettivi tal-iżvilupp fis-suq taċ-ċereali tal-Unjoni Ewropea għal tmiem is-sena tas-suq 2011/2012, jissuġerixxu li l-prezzijiet se jibqgħu għoljin, meta wieħed iqis il-livelli baxxi tal-istokkijiet u l-istat attwali tal-istimi tal-Kummissjoni rigward il-kwantitajiet li se jkunu disponibbli effettivament mill-ħsad tal-2011. Sabiex tiġi ffaċilitata ż-żamma tal-flussi tal-importazzjoni meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ fis-suq tal-Unjoni, jeħtieġ li tkun żgurata kontinwità fil-politika tal-importazzjoni taċ-ċereali billi sat-30 ta’ Ġunju 2012 tinżamm is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012 għall-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni li llum qed igawdu minn din il-miżura. |
|
(3) |
Barra minn hekk, l-operaturi m’għandhomx jiġu ppenalizzati f’każijiet fejn il-kunsinna taċ-ċereali diġà tkun intbagħtet għall-importazzjoni fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-ħin meħtieġ għat-trasport u l-operaturi għandhom jitħallew iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ċ-ċereali skont l-iskema ta’ sospensjoni tad-dazji doganali prevista f’dan ir-Regolament għall-prodotti kollha fejn it-trasport dirett lejn id-destinazzjoni fl-Unjoni jkun inbeda tal-anqas sat-30 ta’ Ġunju 2012. Għandha tiġi stabbilita wkoll l-evidenza li trid tingħata biex tiġġustifika t-trasport dirett lejn l-Unjoni u d-data ta’ meta jkun inbeda t-trasport. |
|
(4) |
Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti tal-proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2012 ‘il quddiem, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ppreżentax fehmtu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-prodotti rilevanti tal-kodiċi tan-NM 1001 99 00 , ta’ kwalunkwe kwalità barra l-kwalità għolja skont id-definizzjoni fl-Anness II għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (5), u tan-NM 1003 hija sospiża għas-sena tas-suq 2011/2012, għall-importazzjonijiet kollha li jsiru skont il-kwoti tariffarji bid-dazju mnaqqas miftuħa permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 2305/2003.
2. Fejn it-trasport taċ-ċereali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jsir direttament lejn destinazzjoni fl-Unjoni, u dan it-trasport ikun inbeda sa mhux aktar tard mill-30 ta’ Ġunju 2012, is-sospensjoni tad-dazji doganali skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ tgħodd għall-finijiet tar-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa.
Għandha tiġi pprovduta evidenza tat-trasport dirett lejn destinazzjoni fl-Unjoni u tad-data meta jkun inbeda t-trasport, b’mod li tissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti, permezz tad-dokument oriġinali tat-trasport.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 170, 30.6.2011, p. 19.
(3) ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.