|
30.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/32 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1340/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Diċembru 2011
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(1) u 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-31 ta’ Ottubru 2011 (1),
Billi:
|
(1) |
Sabiex jitjiebu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-ippjanar u l-provvista ta’ attivitajiet ta’ għajnuna. Dan jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (4), ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (5), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 300/2007 tad-19 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (6), ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (8). |
|
(2) |
Fl-implimentazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà għal finanzjament mill-Unjoni tal-ispejjeż relatati ma’ taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn. Fid-dawl ta’ dan, hu propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 1889/2006 sabiex ikun konformi mal-istrumenti l-oħrajn. |
|
(3) |
Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 13(6) tar-Regolament (KE) Nru 1889/2006 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. Fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Unjoni m’ għandhiex tiġi wżata għall-ħlas ta’ taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
M. SZPUNAR
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 7 E, 12.1.2011, p. 14). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011.
(2) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.
(3) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.
(4) ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.
(5) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.
DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL DWAR L-UŻU TAL-ATTI DELEGATI FIL-QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (MFF) FUTUR GĦALL-2014–2020
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Baġit għall-Ewropa 2020” (COM (2011) 500 (1)), b'mod partikolari fir-rigward tal-użu propost tal-atti delegati fl-istrumenti futuri ta' finanzjament estern u jistennew il-proposti leġiżlattivi, li għandhom ikunu debitament ikkunsidrati.
(1) Fil-Komunikazzzjoni tagħha “Baġit għall-2020” (COM(2011) 500), il-Kummissjoni tiddikjara li:
“Barra minn hekk, il-bażijiet legali futuri għall-istrumenti differenti se jipproponu l-użu estensiv ta’ atti delegati biex jippermettu li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-politiki matul il-perjodu ta’ finanzjament, filwaqt li jiġu rrispettati l-prerogattivi taż-żewġ fergħat tal-leġiżlatur.”
kif ukoll
“Qiegħed jitqies biex jiżdied l-iskrutinju demokratiku tal-għajnuna esterna.. Dan jista’ jinkiseb bl-użu ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għal ċerti aspetti tal-programm, mhux biss jitpoġġew il-koleġiżlaturi fuq livell ekwu iżda tiġi ggarantita wkoll aktar flessibbiltà fl-ipprogrammar. Għall-FEŻ, qiegħed jiġi propost li l-iskrutinju jinġab fuq l-istess livell mad-DCI, filwqat li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dan l-istrument.”