1.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/9 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1240/2011
tat-30 ta’ Novembru 2011
li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 64(2) u 187, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor ilhom f’livell qrib jew saħansitra ogħla mill-prezz tas-suq intern tal-Unjoni għal bosta xhur. It-tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji għal Marzu, Mejju u Lulju 2012, imsejjes fuq is-swieq tal-iskambji futuri taz-zokkor ta’ New York u Londra, ikompli jindika li l-prezz tas-suq dinji se jibqa’ kostantament għoli. Matul is-sena tas-suq 2011/2012, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn ċerti ftehimiet preferenzjali huma għaldaqstant mistennija li jiżdiedu b’mod moderat biss. |
(2) |
Il-previżjoni għall-bilanċ taz-zokkor fl-Unjoni għas-sena tas-suq 2011/2012 tindika defiċit ta’ madwar 700 000 tunellata bejn l-utilizzazzjoni ta’ zokkor tal-kwota u dak li kellu jkun disponibbli. Ir-riżultat huwa livell baxx ta’ stokkijiet aħħarin li jhedded li jfixkel id-disponibbiltà tal-provvista tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni u jgħolli l-prezz taz-zokkor fis-suq intern tal-Unjoni. |
(3) |
Min-naħa l-oħra, il-ħsad tajjeb f’xi partijiet tal-Unjoni wassal għall-produzzjoni ta’ zokkor li taqbeż il-kwota stipulata fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ta’ kważi 5 miljun tunnellata. Meta jitqiesu l-istimi fuq l-impenji kuntrattwali tal-produtturi taz-zokkor fir-rigward ta’ ċerti użi industrijali kif ipprovduti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-impenji għall-esportazzjoni tal-2011/2012 għal zokkor ‘il fuq mill-kwota, xorta se jibqgħu disponibbli kwantitajiet sostanzjali ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota ta’ madwar 1 000 000 tunnellata. Parti minn dan iz-zokkor għandu jsir disponibbli għas-suq taz-zokkor tal-Unjoni sabiex jissodisfa d-domanda parzjalment u biex jevita żidiet eċċessivi fil-prezz. |
(4) |
L-Artikolu 187 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa għas-settur jekk il-kwotazzjonijiet jew il-prezzijiet fis-suq dinji jilħqu livell li jfixkel jew jhedded li jfixkel id-disponibbiltà tal-provvista fis-suq tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, miżuri possibbli mhumiex limitati għall-miżura msemmija espliċitament ta’ sospensjoni sħiħa jew parzjali tad-dazji tal-importazzjoni. |
(5) |
Fis-sena tas-suq 2010/2011, il-prezz tas-suq dinji għaz-zokkor kien qrib jew saħansitra ogħla mill-medja rreġistrata tal-prezz tas-suq tal-Unjoni għal ċerti perjodi ta’ żmien. F’dan l-isfond u b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u d-dewmien relatat mal-importazzjonijiet, l-istrument ta’ tnaqqis ta’ dazji tal-importazzjonijiet waħdu jista’ ma jkunx biżżejjed biex jindirizza n-nuqqas ta’ zokkor tal-kwota u l-pressjoni biex il-prezzijiet fis-suq tal-UE jogħlew. |
(6) |
L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed ta’ zokkor u iżoglukożju prodotti ‘l fuq mill-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex jiġi evitat l-akkumulu ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2) stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata. |
(7) |
Il-provvista kontinwament baxxa taz-zokkor fis-suq intern fis-sena tas-suq 2011/2012 tista’ tippermetti l-bejgħ ta’ 400 000 tunnellata ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota fis-suq intern. Minħabba li l-iskarsezza taz-zokkor hija inqas gravi minn dik tas-sena tas-suq 2010/2011 u l-miżura qed tittieħed fi stadju aktar bikri meta kkumparata mas-sena tas-suq 2010/2011 xorta waħda b’xi inċertezzi fir-rigward tal-kwantitajiet eżatti disponibbli fis-suq tal-UE, ikun xieraq li tiġi stabbilita imposta mnaqqsa, sabiex jiġu evitati kwalunkwe riskji ta’ akkumulazzjoni tal-kwantitajiet. Għal dik il-kwantità limitata ta’ produzzjoni ta’ zokkor ‘il fuq mill-kwota għandha tiġi stabbilita imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed, fuq livell għal kull tunnellata li jirrappreżenta d-differenza bejn l-aktar prezz medju reċenti tal-Unjoni li huwa pubblikament disponibbli u l-prezz tas-suq dinji. |
(8) |
Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ‘il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor. |
(9) |
Għal dik ir-raġuni u bil-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet prodotti ‘l fuq mil-limitu tal-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed. |
(10) |
Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun limitata fil-ħin sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista. |
(11) |
L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista’ japplika kull produttur f’perjodu wieħed ta’ applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament. |
(12) |
Meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użat fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet. |
(13) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, xi mudelli għandhom isiru disponibbli. |
(14) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti. |
(15) |
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament. |
(16) |
L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha tiġi mħallsa wara li tiddaħħal l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat. |
(17) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati bi tnaqqis tal-imposti fuq l-ammont żejjed. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni. |
(18) |
Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jkun ipprovdut li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li joħroġ fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat imwassal lilu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament. |
(19) |
Għall-fini tal-istabbiliment ta’ prezzijiet medji għaz-zokkor tal-kwota u ‘l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 fir-rigward tal-ġestjoni tas-suq Komunitarju fiz-zokkor u s-sistema tal-kwoti (3), zokkor kopert b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jitqies bħala zokkor tal-kwota. |
(20) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed
B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta’ 400 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 21 000 tunnellata iżoglukożju f’materja xotta, prodotti ’l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2011/2012, għandu jiġi stipulat għal EUR 85 kull tunnellata. L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha tiġi mħallsa wara li tiġi ammessal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.
Artikolu 2
Applikazzjoni għal ċertifikati
1. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.
2. L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2011/2012, skont l-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament.
3. Kull applikant jista’ jissottometti sa mhux aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u waħda għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.
4. L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ feks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (4).
5. Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:
|
(b) |
il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju; |
(c) |
jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament; |
(d) |
l-applikazzjoni għandha ssir bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata; |
(e) |
l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-perjodu ta’ applikazzjoni inkwistjoni; |
(f) |
l-applikant ma għandu jintroduċi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament; |
6. Applikazzjoni li ma tiġix ippreżentata skont il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhiex tkun ammissibbli.
7. Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.
Artikolu 3
Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet
1. L-ewwel perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fis-7 ta’ Diċembru 2011 f’nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.
2. Il-perjodi li fihom jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għat-tieni perjodu ta’ applikazzjoni u għal dawk sussegwenti għandhom jibdew fl-ewwel jum tax-xogħol wara li jintemm il-perjodu ta’ qabel. Dawn għandhom jintemmu f’nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell, fl-14 ta’ Diċembru 2011, fil-11 ta’ Jannar 2012, fil-25 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Frar 2012, fil-15 ta’ Frar 2012, fis-6 ta’ Ġunju 2012, fis-27 ta’ Ġunju 2012 u fil-11 ta’ Lulju 2012.
3. Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal perjodu ta’ applikazzjoni wieħed jew aktar.
Artikolu 4
Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhix valida, għandhom jinfurmaw lill-applikant mingħajr dewmien.
2. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard minn nhar il-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet validi ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ feks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex ikun fiha d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2011/2012, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.
3. Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.
Artikolu 5
Limiti maqbuża
Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:
(a) |
tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata; |
(b) |
tirrifjuta applikazzjonijiet li ma ġewx innotifikati qabel; |
(c) |
tagħlaq il-perjodu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. |
Artikolu 6
Ħruġ ta’ ċertifikati
1. Bla preġudizzjoni għall-Artikolu 5, fl-għaxar jum ta’ xogħol ta’ wara ġimgħa li fiha jkun intemm perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2), matul dak il-perjodu ta’ applikazzjoni.
2. Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.
3. Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness.
Artikolu 7
Validità taċ-ċertifikati
Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.
Artikolu 8
Trasferibbiltà taċ-ċertifikati
Kemm id-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħux jiġu trasferiti.
Artikolu 9
Rappurtaġġ tal-prezzijiet
Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħ koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha tiġi kkunsidrata bħala zokkor tal-kwota.
Artikolu 10
Monitoraġġ
1. L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.
2. Qabel il-31 ta’ Ottubru 2012, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikat tiegħu kienu rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta minn ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni, għal raġunijiet oħra barra ta’ forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 415 kull tunnellata.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta’ zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur ‘il fuq mill-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ‘l fuq mill-kwota ta’ produttur li jifdal ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata ta’ dik id-differenza.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.
(3) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.
(4) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.
ANNESS
Mudell taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 7(3)
ĊERTIFIKAT
għat-tnaqqis, għas-sena tas-suq 2011/12, tal-imposta prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006
Stat Membru: |
||
Detentur tal-kwota: |
||
|
||
Prodott |
|
|
Kwantitajiet li għalihom saret l-applikazzjoni: |
|
|
Kwantitajiet li għalihom inħareġ iċ-ċertifikat: |
|
|
Imposta mħallsa (EUR/t) |
EUR 85/tunnellata |
|
Għas-Sena tas-Suq 2011/2012, l-imposta msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 ma għandhiex tapplika għall-kwantitajiet maħruġa b’dan iċ-ċertifikat, soġġett għall-ħarsien tar-regoli stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 1240/2011, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(5)(c). |
||
Firma tal-Awtorità Kompetenti tal-Istat Membru |
Data tal-ħruġ |
|
Dan iċ-ċertifikati għandu jkun validu sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara d-data tal-ħruġ. |