8.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/24


REGOLAMENT (UE) Nru 1231/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 fir-rigward tar-regoli għall-implimentazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti taħt il-politika agrikola komuni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (3) jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat sabiex timplimenta ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 378/2007 jeħtieġu jkunu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 378/2007, fl-Istati Membri kkonċernati, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

(4)

Is-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-integrazzjoni tal-modulazzjoni volontarja fil-programmazzjoni tal-iżvilupp rurali u għall-amministrazzjoni finanzjarja tal-modulazzjoni volontarja għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (4).

(5)

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implementazzjoni u, minħabba n-natura speċjali tagħhom, filwaqt li taġixxi mingħajr l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, tiffissal-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 378/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 378/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), il-kliem introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja għandhom jiġu ffissati mill-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 6a, abbażi ta’:”;

(2)

l-Artikolu 6 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta dispożizzjonijiet speċifiċi għall-integrazzjoni ta’ modulazzjoni volontarja fl-ipproggrammar ta’ żvilupp rurali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 6a(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni finanzjarja ta’ modulazzjoni volontarja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 6a(2).”;

(3)

Għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Dak il-kumitat huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 (*).

Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-fondi agrikoli stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1290/2005. Dak il-kumitat huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

W. SZCZUKA


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 87.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta Ottubru 2011

(3)  ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 325.

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.