10.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1135/2011

tad-9 ta’ Novembru 2011

li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li jintbagħtu mill-Malasja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3), 14(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tissoġġetta għar-reġistrazzjoni l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le.

(2)

Din it-talba tressqet fis-27 ta’ Settembru 2011 minn Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozó és Műszakiszövet-gyártó Bt., Valmieras “Stikla Skiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba’ produtturi ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

B.   IL-PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat fil-possibbiltà ta’ evażjoni huwa ċertu drapp b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs tax-xibka ta’ 1,8 mm kwadri (kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’) u li jiżen iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jidħol fil-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(4)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak iddefinit fil-premessa preċedenti, iżda mibgħut mill-Malasja, sew jekk ikun iddikjarat li joriġina mill-Malasja u sew jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat.

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri ta’ antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 (2).

D.   IR-RAĠUNIJIET

(6)

It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta’ trasbord mill-Malasja.

L-evidenza mressqa hija kif ġej:

(7)

It-talba turi li saret bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u mill-Malasja lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li ma hemmx kawża jew ġustifikazzjoni biżżejjed għajr l-impożizzjoni tad-dazju għal din il-bidla.

(8)

Din il-bidla fil-mudell tal-kummerċ tidher li toriġina mit-trasbord ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jgħaddu mill-Malasja.

(9)

Barra minn hekk, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri ta’ antidumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn dan, teżisti biżżejjed evidenza li l-importazzjoni tal-prodott qed isir bi prezzijiet bil-wisq aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(10)

Fl-aħħar nett, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott investigat qegħdin ikunu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(11)

Jekk tul l-investigazzjoni jiġu identifikati prattiki ta’ evażjoni permezz tal-Malasja koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   PROĊEDURA

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tissoġġetta l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għal reġistrazzjoni, kemm jekk jiġi ddikjarat li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Il-Kwestjonarji

(13)

Biex tikseb it-tagħrif meqjus li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Malasja, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Malasja. Jista’ wkoll jintalab tagħrif, kif xieraq, mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(14)

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(15)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-Malasja se jiġu nnotifikati bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(b)   Il-ġbir tat-tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

(16)

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(17)

B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix evażjoni.

(18)

Peress li l-possibbiltà ta’ evażjoni qed isseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, għal produtturi fil-Malasja ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li jistgħu juru li ma huma relatati (3) ma’ ebda produttur li hu soġġett għall-miżuri (4) u li jinstab li mhumiex involuti fi prattiki ta’ evażjoni kif iddefiniti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jibagħtu talba sostnuta b’evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni biex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’evażjoni, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji tal-anti-dumping ta’ ammont xieraq retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet li jinbagħtu mill-Malasja.

G.   IL-LIMITI TA’ ŻMIEN

(20)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li matulhom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, jew kull tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fil-Malasja jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(21)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien imsemmijin fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(22)

F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(23)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(24)

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

J.   IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

(25)

Huwa nnutat li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (5).

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(26)

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ difiża, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u l-ipproċessar tal-fehmiet mressqa bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-Internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan tnediet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex jiġi ddeterminat jekk importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs tax-xibka ta’ 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżen iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk jiġi ddikjarat li dawn oriġinaw fil-Malasja kif ukoll jekk le, li preżentement jidħlu fil-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (kodiċijiet TARIC 7019510011 u 7195900), humiex jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Doganali b’dan huma mitluba, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati mill-produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mingħand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet interessati, jekk iridu li jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom waqt l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw rwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fil-Malasja li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew mill-miżuri għandhom iressqu talba sostnuta bi provi fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

5.   Il-partijiet interessati huma mitluba li jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni iffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f’għamla ta’ dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence. Kull preżentazzjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata ‘Limited (6) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata ‘For inspection by interested parties’.

Indirizz għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 4/92

1049 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË

Faks + 32 2 299 37 04

E-Mail: TRADE-AC-MESH@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1.

(3)  B’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) huma uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-istokk tal-voti li fadal jew tal-ishma jew it-tnejn; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw direttament jew indirettament terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(4)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji suġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-antidumping), tingħata xorta waħda eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew intużat biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (imsemmi r-Regolament bażiku fit-test) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).