|
15.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 270/20 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1022/2011
tal-14 ta’ Ottubru 2011
li jikkonċerna n-nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċiklanilid skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 u l-Artikolu 78(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-sustanza attiva ċiklanilid kienet inkluża fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (2) għal perjodu li jiskadi l-31 ta’ Ottubru 2011. |
|
(2) |
Biex l-applikanti jkunu jistgħu jħejju l-applikazzjonijiet tagħhom u jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta u tiddeċiedi fuq applikazzjonijiet bħal dawn, dik l-inklużjoni ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015 mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/KE tal-10 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tad-dati ta' skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta' ċerti sustanzi attivi. (3). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dik is-sustanza kienet inkluża fil-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4) u għandu jitqies li kien approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni madankollu ma rċeviet l-ebda applikazzjonijiet għas-sustanza attiva kkonċernata u l-perjodu taż-żmien għat-tressiq ta' dawn l-applikazzjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (5), skada. |
|
(5) |
Għaldaqstant, l-approvazzjoni ta' dik is-sustanza attiva ma għandhiex tiġġedded u għandha titneħħa mill-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, sa minn dakinhar meta l-approvazzjoni tagħha kienet tiskadi kieku ma ġietx estiża mid-Direttiva 2010/77/KE. |
|
(6) |
L-Istati Membri għandhom jingħataw l-perjodu li jeħtieġu biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iċ-ċiklanilid. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għal din is-sustanza skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Nuqqas ta' tiġdid tal-approvazzjoni
L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċiklanilid mhix tiġġedded.
Artikolu 2
Miżuri tranżitorji
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iċ-ċiklanilid jiġu revokati sat-30 ta’ April 2012.
Artikolu 3
Perjodu ta' grazzja
Kull perjodu ta' grazzja mogħti minn Stat Membru għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom iċ-ċiklanilid għandu jiskadi mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru 2012 għall-bejgħ u t-tqassim u mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru 2013 għar-rimi, il-ħżin u l-użu ta' ħażniet eżistenti.
Artikolu 4
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 540/2011
Il-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont l-Anness ma' dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.
(3) ĠU L 293, 11.11.2010, p. 48.
ANNESS
Ir-ringiela 21 tal-Parti A tal-Anness mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandha tinbidel b'dan li ġej:
|
Numru |
Isem komuni, numri ta' identifikazzjoni |
Isem IUPAC |
Purità (*1) |
Data tal-approvazzjoni |
Skadenza tal-approvazzjoni |
Dispożizzjonijiet speċifiċi |
|
“21 |
Ċiklanilid Nru CAS 113136-77-9 Nru CIPAC 586 |
Mhux disponibbli |
960 g/kg |
1 ta’ Novembru 2001 |
31 ta’ Ottubru 2011 |
L-użu biss bħala regolatur tal-iżvilupp tal-pjanti jista' jiġi awtorizzat. Il-kontenut massimu tal-impurità 2,4-dikloroanilina (2,4-DCA) fis-sustanza attiva kif immanifatturata għandu jkun ta' 1 g/kg. Id-data tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti li fiha ġie finalizzat ir-rapport ta’ reviżjoni: 29 ta' Ġunju 2001.” |
(*1) Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni ta' sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapporti ta' reviżjoni tagħhom.