11.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/6


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 999/2011

tal-10 ta’ Ottubru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/666/PESK tal-10 ta’ Ottubru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (1)

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 (2) jipprovdi għall-iffriżar tal-assi tal-President Lukashenko u ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja.

(2)

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 588/2011 tal-20 ta’ Ġunju 2011 (3), il-Kunsill żied aktar ismijiet mal-lista tal-persuni fil-mira tal-iffriżar tal-assi. Dawn l-ismijiet li żdiedu jinkludu entitajiet.

(3)

Permezz ta’ Deċiżjoni 2011/666/PESK, il-Kunsill iddeċieda li għandha tiġi pprovduta deroga mill-iffriżar tal-assi, sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji tal-UE ma jkunux ipprojbiti mill-irkupru ta’ fondi li għandhom jieħdu mill-entitajiet elenkati taħt kuntratti li daħlu fihom qabel ma’ dawn l-entitajiet ġew elenkati.

(4)

Din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tidħol fis-seħħ, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa b’dan emendat kif ġej: Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

B’deroga mill-Artikolu 2(1), fejn ħlas minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew l-Anness IA ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li okkorra għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, qabel id-data li fiha dik il-persuna, l-entità jew il-korp ġiet indikata fil-lista, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fuq is-siti tal-Internet elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk:

(i)

l-awtorità kompetenti kkonċernata iddeterminat li l-ħlas mhuwiex direttament jew indirettament ta’ jew għall-benefiċċju tal-persuna entità jew korp elenkat fl-Anness I jew l-Anness IA; u

(ii)

l-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-anaqs ġimagħtejn qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ara paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1

(3)  ĠU L 161, 21.6.2011, p. 1.