6.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 990/2011

tat-3 ta’ Ottubru 2011

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 11, il-paragrafi (2), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv anti- dumping ta’ 30,6 % fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-“miżuri oriġinali”). Wara investigazzjoni dwar evażjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, dan id-dazju ġie estiż bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3) għall-importazzjonijiet ta’ ċertu parts ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ). Barra minn hekk ġie deċiż li tinħoloq ‘skema ta’ eżenzjoni’ abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Id-dettalji tal-iskema ġew stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (4). Biex jirċievu eżenzjoni mid-dazju estiż il-produtturi tar-roti fl-Unjoni jridu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jirrispettaw proporzjon ta’ anqas minn 60 % tal-parts tar-roti Ċiniżi fl-operazzjoni tagħhom jew iż-żieda ta’ valur ta’ aktar minn 25 % għall-parts kollha mdaħħla fl-operazzjoni. Sa issa ngħataw aktar minn 250 eżenzjoni.

(2)

Wara t-twettiq ta’ reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1524/2000 (5), iddeċieda li dawn il-miżuri għandhom jinżammu.

(3)

Wara reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (l-“investigazzjoni preċedenti”), il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (6), iddeċieda li jżid id-dazju anti-dumping fis-seħħ għal 48,5 %.

2.   L-investigazzjoni preżenti

(4)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni ħabbret b’avviż (‘Avviż ta’ tnedija’) (7), ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kienet se tinbeda reviżjoni ta’skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-RPĊ.

(5)

Ir-reviżjoni ngħatat bidu wara talba sostanzjata mressqa mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tar-Roti (‘EBMA’, “l-applikant”) f’isem il-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, mill-produzzjoni ta’ roti tal-Unjoni.

(6)

It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta’ dumping u r-rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

3.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, il-produtturi tal-Unjoni msemmija fit-talba, il-produtturi l-oħra kollha magħrufa fl-Unjoni, il-produtturi esportaturi, l-importaturi kif ukoll l-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati u l-awtoritajiet tar-RPĊ dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(8)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li juru fehmiethom bil-miktub u li jitolbu seduta fi l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-avviż ta’ tnedija.

(9)

Għadd ta’ produtturi tal-Unjoni rappreżentati mill-applikant, produtturi oħrajn tal-Unjoni li kkooperaw, produtturi esportaturi, importaturi, u assoċjazzjonijiet li jużaw il-prodott wasslu fehmiethom.

(10)

Il-partijiet interessati kollha li talbu dan u li ppreżentaw raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw seduta ta’ smigħ.

4.   It-teħid ta’ kampjuni

(11)

Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi esportaturi, produtturi tal-Unjoni u importaturi involuti fl-investigazzjoni, it-teħid ta’ kampjuni kien ippjanat fl-avviż ta’ tnedija, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(12)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn ta’ teħid ta’ kampjuni u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi u r-rappreżentanti li jidhru f’isimhom, il-produtturi tal-Unjoni u l-importaturi ntalbu jippreżentaw lilhom infushom u jagħtu tagħrif kif speċifikat fl-avviż ta’ tnedija. Il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ produtturi esportaturi u lill-awtoritajiet rilevanti tar-RPĊ. Dawn il-partijiet ma qajmu ebda oġġezzjoni li jintuża t-teħid ta’ kampjuni.

(13)

B’kollox, 7 esportaturi/produtturi, madwar 100 produttur tal-Unjoni u 4 importaturi ipprovdew it-tagħrif mitlub fil-limiti ta’ żmien stabbiliti.

(14)

Billi 7 produtturi Ċiniżi biss wieġbu għat-tagħrif mitlub għat-teħid ta’ kampjuni fl-avviż ta’ tnedija, ġie deċiż li ma jiġix applikat it-teħid ta’ kampjuni. Intbagħtu kwestjonarji lil dawn is-seba’ kumpaniji, li minnhom tlieta biss wieġbu. Minn dawn it-tliet kumpaniji tnejn biss irrappurtaw esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni” jew “RIP”).

(15)

Rigward il-produtturi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kampjun intagħżel wara konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet rilevanti u bi qbil magħhom fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ u produzzjoni fi ħdan l-Unjoni.B’riżultat ta’ dan tmien produtturi tal-Unjoni ġew magħżula fil-kampjun. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tmien kumpaniji magħżula, li wieġbu b’mod komplut.

(16)

Minħabba l-għadd limitat ta’ importaturi li wieġbu u wrew ħeġġa li jikkooperaw (4 importaturi), ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni mhuwiex meħtieġ fir-rigward tal-importaturi. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-4 importaturi. Sussegwentement, importatur wieħed biss wieġeb il-kwestjonarju, iżda din it-tweġiba ma kinitx kompluta billi l-importatur kien impenjat fil-proċess tal-għeluq definittiv tal-operazzjonijiet tiegħu.

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li dehrilha meħtieġ biex tistabbilixxi l-probabbilità tal-kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu u l-interess tal-Unjoni. It-tagħrif mibgħut mill-kumpaniji li ġejjin ġie vverifikat fuq il-post:

(a)

Produtturi fl-Unjoni

Accell Group N.V., Heerenveen, Il-Pajjiżi l-Baxxi,

Decathlon S.A., Villeneuve d’Ascq, Franza,

Cycleurope Industries S.A.S., Romilly sur Seine, Franza,

Denver S.R.L., Dronero, l-Italja,

Derby Cycles Werke GmbH, Cloppenburg, il-Ġermanja,

MIFA Mitteldeutsche Fahrradwerke AG, Sangerhausen, il-Ġermanja,

Sprick Rowery Sp.zo.o., Świebodzin, il-Polonja u Sprick Cycle GmbH, Gütersloh, il-Ġermanja,

UAB Baltik Vairas u UAB Baltic Bicycle Trade, Šiauliai, il-Litwanja, u Pantherwerke AG u Onyx Cycle GmbH, Löhne, il-Ġermanja.

(b)

Produtturi esportaturi fir-RPĊ

Oyama Bicycles (Taicang) Co., iċ-Ċina,

Tianjin Golden Wheel Bicycle (Group) Co. Ltd., iċ-Ċina.

(18)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet l-eżami tat-tendenzi fil-kuntest tal-analiżi tal-ħsara li kopra l-perjodu minn Jannar 2007 sa tmiem l-PIR (“il-perjodu meqjus”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(19)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal dak kopert bir-Regolament (KE) Nru 1524/2000, jiġifieri roti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti għall-kunsinni, iżda esklużi ċikletti ta’ rota waħda), mingħajr magna, li attwalment jaqgħu fil-kodiċijiet tan-NM eks 8712 00 10, 8712 00 30 u eks 8712 00 80.

(20)

Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, ir-roti ġew ikklassifikati fil-kategoriji li ġejjin:

(A) ATB (roti għal kull tip ta’ art inklużi roti tal-muntanja 24″ jew 26″),

(B) roti tal-ittrekkjar/tal-ibliet/ibridi/VTC/tal-ġiti 26″ jew 28″,

(C) roti taż-żgħar (B.M.X) u tat-tfal 16″ jew 20″,

(D) roti/ċikletti oħra (esklużi ċikletti ta’ rota waħda).

(21)

Kull tip ta’ rota kif definit hawn fuq għandha l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi. Barra minn hekk, jinbiegħu permezz tal-istess mod ta’ distribuzzjoni bħal bejjiegħa speċjalizzati bl-imnuta, katina ta’ ħwienet tal-isport u negozjanti bil-massa fis-suq tal-Unjoni. Billi l-applikazzjoni bażika u l-użu tar-roti huma identiċi, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma interskambjabbli u għaldaqstant mudelli minn kategoriji differenti jikkompetu ma’ xulxin. Abbażi ta’ dan, ġie konkluż li l-kategoriji kollha jifformaw prodott wieħed uniku.

(22)

L-investigazzjoni wriet ukoll li r-roti prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, dawk prodotti u mibjugħa fis-suq ta’ pajjiż analogu u dawk impurtati fis-suq tal-Unjoni li joriġinaw fir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użi bażiċi.

(23)

Wara l-iżvelar, waħda mill-partijiet allegat li kien hemm ftit kompetizzjoni jew kważi xejn bejn ir-roti Ċiniżi u r-roti prodotti fis-suq tal-Unjoni. Iżda, ma kien hemm ebda tagħrif fil-fajl li seta’ jkun ta’ appoġġ għal din l-istqarrija u ma ntbagħat ebda dokument ta’ evidenza b’appoġġ għal din l-istqarrija. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota wkoll li kif jissemma hawn taħt fil-premessa (26), il-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienet ta’ livell baxx ħafna u huma pprovdew tagħrif limitat ħafna dwar il-prodotti magħmula u mibjugħa mill-produtturi Ċiniżi lis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ xi tagħrif ieħor li ta’ min jorbot fuqu, din l-istqarrija ma ntlaqgħetx.

(24)

Ir-roti prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, dawk prodotti u mibjugħa fis-suq tal-pajjiż analogu u dawk importati fis-suq tal-Unjoni u li joriġinaw fir-RPĊ huma għalhekk meqjusa indaqs skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA’ TKOMPLIJA JEW TA’ RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Kummenti preliminari

(25)

B’mod konformi mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx probabbli li d-dumping jitkompla jew jerġa’ jseħħ mal-possibbiltà ta’ skadenza tal-miżuri fis-seħħ.

(26)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-proċediment kien baxx ħafna mit-tnedija tiegħu. Kif intwera fil-premessa (14), tliet produtturi Ċiniżi biss bagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kienu lesti li jikkooperaw inizjalment. Minn dawn it-tliet kumpaniji tnejn biss irrappurtaw esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PIR, u dawn flimkien jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-esportazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(27)

Saru żjarat ta’ kontroll fuq il-post fiż-żewġ kumpaniji li għandhom bejgħ ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni. Iżda, għal waħda minnhom, ma kienx possibbli li jkun ivverifikat it-tagħrif mogħti fit-tweġiba tal-kwestjonarju billi l-kumpanija naqset milli tipprovdi dokumenti li jissostanzjaw id-data li bagħtet. Il-kumpanija l-oħra kkooperat b’mod sodisfaċenti, iżda l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni matul il-PIR jirrappreżentaw anqas minn 5 % tal-esportazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni.

(28)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet Ċiniżi u t-tliet kumpaniji ġew innotifikati bil-possibbiltà li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jista’ jiġi applikat minħabba livell baxx ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi u ngħataw opportunità li jressqu l-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment bi tweġiba għal din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant il-konklużjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping ta’ hawn taħt huma msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq l-istatistika kummerċjali u s-sottomissjonijiet mill-partijiet interessati, inkluża t-talba.

2.   Dumping ta’ importazzjonijiet Ċiniżi matul il-PIR

2.1.   Pajjiż analogu

(29)

Fl-Avviż ta’ tnedija, kien hemm il-ħsieb li jintuża l-Messiku bħala pajjiż analogu għall-fini li jkun stabbilit il-valur normali għar-RPĊ. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar kemm din l-għażla kienet xierqa.

(30)

Waħda mill-partijiet ikkummentat dwar kemm kienet xierqa l-għażla tal-Messiku bħala pajjiż analogu u qalet li l-prezzijiet domestiċi tar-roti fil-Messiku mhumiex ta’ min jorbot fuqhom u mhumiex xierqa għall-fini ta’ din l-investigazzjoni. Ġiet proposta l-Indja bħala alternattiva. Din l-istqarrija, iżda, ma kinitx issostanzjata u għalhekk ma ntlaqitx.

(31)

Il-Messiku ntuża bħala pajjiż analogu fl-investigazzjonijiet ta’ qabel u ma ġiet ippruvata li teżisti ebda ċirkustanza ġdida jew ta’ xort’oħra li tista’ tiġġustifika bidla. Il-profil tas-suq tal-Messiku għall-prodott ikkonċernat, l-għadd ta’ operaturi, il-kompetizzjoni domestika u l-karatteristiċi tal-proċess ta’ produzzjoni kkonfermaw li l-Messiku kien għadu pajjiż analogu xieraq.

(32)

Intbagħtu kwestjonarji lil tliet kumpaniji Messikani. Mit-tliet kumpaniji, waħda biss xtaqet tikkoopera u bagħtet it-tweġiba tal-kwestjonarju.

2.2.   Valur normali

(33)

Il-prezzijiet domestiċi tal-bejgħ mill-pajjiż analogu ntużaw biex jiġi stabbilit valur normali medju, filwaqt li ntużat ir-rata ta’ valuta medja waqt il-PIR bejn l-Euro u l-Peso biex jinkiseb prezz medju differenzjat ex-fabbrika f’Euro.

2.3.   Prezz ta’ esportazzjoni

(34)

Minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 u n-nuqqas ta’ tagħrif ieħor ta’ min jorbot fuqu, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni ġew fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat u fuq it-tagħrif pprovdut mill-uniku esportatur Ċiniż li kkoopera.

(35)

Matul l-investigazzjoni ta’ qabel ġie konkluż li l-prezzijiet misjuba fl-Eurostat ma kinux konklużivi għall-fini tal-analiżi (8). Iżda, minħabba l-kooperazzjoni ta’ livell baxx mill-esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni qieset il-prezzijiet ta’ importazzjoni tal-Eurostat għar-RPĊ bħala sors raġonevoli għall-fini tal-investigazzjoni attwali. Madankollu, il-Kummissjoni tagħraf il-limitazzjonijiet ta’ din l-analiżi u li tista’ biss tkun ta’ użu bħala indikatur tat-tendenzi tal-prezzijiet.

(36)

Il-prezz ta’ esportazzjoni miksub mill-Eurostat huwa prezz CIF, li kellu jiġi aġġustat għall-ispiża medja ta’ trasport bil-baħar għal kull tranżazzjoni biex jiġi kkalkolat livell ex-fabbrika. It-tagħrif li kien hemm fit-tweġiba tal-uniku produttur Ċiniż li kkoopera ntuża biex tiġi stabbilita l-ispiża medja ta’ trasport bil-baħar għal kull unità, li nstabet li kienet EUR 8,30. Il-prezz ta’ esportazzjoni ex-fabbrika lejn l-Unjoni tal-unika kumpanija Ċiniża li kkooperat ġie stabbilit fuq bażi simili. Il-prezz għal kull unità li jirriżulta ntuża mbagħad biex tiġi kkalkolata l-medja differenzjata tal-prezz ex-fabbrika Ċiniż.

2.4.   Tqabbil

(37)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-medja differenzjata tal-valur normali għall-Messiku tqabblet mal-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni Ċiniż fuq bażi tal-prezz ex-fabbrika. B’hekk ġiet stabbilita medja differenzjata tal-marġni ta’ dumping.

2.5.   Marġni ta’ dumping

(38)

Il-kalkoli tad-dumping urew marġni ta’ dumping mal-pajjiż kollu ta’ aktar minn 20 %. Iżda dan il-livell għandu jitqies bħala wieħed konservattiv minħabba l-fatt li d-data tal-Eurostat ma tikkunsidrax id-differenzi sostanzjali ta’ prezz fost it-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat. Ta’ min jinnota f’dan il-kuntest li skont it-tagħrif mibgħut fit-talba, il-marġnijiet ta’ dumping laħqu livelli ta’ aktar minn 100 %.

3.   L-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk jiġu revokati l-miżuri

3.1.   Kumment preliminari

(39)

L-iżvilupp probabbli tal-importazzjonijiet mir-RPĊ ġie analizzat f’termini kemm ta’ tendenzi ta’ prezzijiet mistennija kif ukoll ta’ volum.

3.2.   Il-kapaċità ta’ riżerva tal-produtturi esportaturi Ċiniżi

(40)

Abbażi tat-tagħrif mibgħut fit-talba, l-industrija Ċiniża tal-manifattura tar-roti hija, f’termini ta’ volum, l-ikbar waħda fid-dinja. Ir-RPĊ għandha kapaċità ta’ produzzjoni ta’ bejn 100 miljun sa 110 miljun rota u produzzjoni ta’ madwar 80 miljun rota fis-sena. L-industrija tar-roti Ċiniża hija orjentata lejn l-esportazzjoni: minn produzzjoni annwali ta’ 80 miljun rota, 25 miljun rota huma għas-suq domestiku u l-55 miljun rota li jibqgħu, jew 69 % tal-produzzjoni totali, huma għall-esportazzjoni.

(41)

Il-kapaċità ta’ riżerva annwali fir-RPĊ hija stmata għal madwar 20 sa 30 miljun rota, li hija aktar mid-doppju tal-produzzjoni attwali fl-Unjoni kif msemmi fil-premessa (66). Barra minn hekk, it-tagħrif miksub matul l-investigazzjoni juri li l-kapaċità ta’ produzzjoni fir-RPĊ għar-roti tista’ tiżdied faċilment, fost l-oħrajn, permezz tal-impjieg ta’ forza tax-xogħol addizzjonali, f’każ ta’ żieda fid-domanda.

(42)

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ma jistax jiġi eskluż li l-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ tista tintuża biex jiżdiedu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping.

(43)

Wara l-iżvelar waħda mill-partijiet stqarriet li l-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża msemmija fir-regolament kienet bla bażi u msejsa fuq spekulazzjoni pura. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kienet baxxa ħafna u fil-biċċa l-kbira tagħhom is-sejbiet kellhom jissejsu fuq il-fatti disponibbli. F’dan il-każ, u kif jissemma fil-premessa (40) hawn fuq, fin-nuqqas ta’ xi tagħrif ieħor li wieħed jista’ jorbot fuqu, il-Kummissjoni użat l-evidenza prima facie mibgħuta fit-talba. L-investigazzjoni ma żvelatx xi tagħrif li seta’ jissuġġerixxi li din l-evidenza prima facie ma kinitx eżatta. Il-parti msemmija wkoll ma bagħtitx xi tagħrif jew evidenza li setgħat turi livelli ta’ kapaċità ta’ riżerva sostanzjalment differenti fir-RPĊ. Għaldaqstant, dan l-argument ma ntlaqax.

3.3.   L-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(44)

Id-data mill-Eurostat u mit-talba wriet li l-Unjoni tikkostitwixxi suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(45)

It-tagħrif dwar il-prezz ipprovdut mill-unika kumpanija Ċiniża li tesporta juri li l-medja differenzjata tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni ex-fabbrika tal-prodott fir-rigward tal-pajjiżi terzi hija iktar baxxa mill-medja tal-prezzijiet ta’ bejgħ ex-fabbrika fl-Unjoni għall-PIR. Meqjusal-kapaċità ta’ produzzjoni fir-RPĊ u meqjusa d-domanda fis-suq tal-Unjoni, huwa probabbli ħafna li l-produtturi Ċiniżi jżidu minnufih l-esportazzjonijiet tagħhom ta’ roti lejn l-Unjoni, kemm-il darba jitneħħew il-miżuri. Barra minn hekk, il-kapaċità żejda attwali tagħti lill-produtturi Ċiniżi l-possibbiltà li jkunu preżenti fis-suq Ewropew bi prezzijiet baxxi ħafna.

3.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ tkomplija tad-dumping

(46)

Fid-dawl tal-fatt li anki jekk jitqiesu l-miżuri attwalment fis-seħħ, it-tqabbil konservattiv bl-użu taċ-ċifri tal-Eurostat u t-tagħrif mibgħut mill-uniku esportatur Ċiniż li kkoopera wrew marġni ta’ dumping ta’ aktar minn 20 % għall-esportazzjonijiet Ċiniżi matul il-PIR, jidher li x’aktarx id-dumping se jitkompla fin-nuqqas ta’ miżuri.

(47)

L-analiżi ta’ hawn fuq uriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet taħt il-prezz tas-suq. L-aktar minħabba l-kapaċità ta’ riżerva disponibbli fir-RPĊ, li tista’ faċilment tiżdied anki aktar jekk ikun meħtieġ, kif ukoll l-analiżi tal-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni u pajjiżi oħra terzi, wieħed jista’ jikkonkludi li d-dumping x’aktarxikompli, kemm-il darba jitneħħew il-miżuri.

D.   IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

(48)

Fil-kors tal-investigazzjoni attwali nstab li r-roti ġew prodotti minn madwar 100 produttur tal-Unjoni li ppreżentaw lilhom infushom waqt l-investigazzjoni flimkien ma’ produtturi oħra, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma rrappreżentati mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Dawn il-kumpaniji jiffurmaw l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-industrija qed tgawdi mill-iskema ta’ eżenzjoni deskritta fil-premessa (1) hawn fuq.

(49)

It-tagħrif kollu disponibbli, inkluż it-tagħrif ipprovdut fit-talba, id-data miġbura mill-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali qabel u wara l-bidu tal-investigazzjoni, kif ukoll l-istatistika dwar il-produzzjoni ġenerali ntużaw biex tiġi stabbilita l-produzzjoni totali fil-Unjoni.

2.   Il-konsum fis-suq tal-Unjoni

(50)

Il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġie vvalutat abbażi tad-data miġbura mill-produtturi fit-tweġiba tal-formoli tat-teħid ta’ kampjuni u d-data rrappurtata fit-talba mressqa mill-applikant. Id-data fit-talba nġabret minn bosta assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tar-roti fl-Unjoni.

(51)

Il-konsum apparenti tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-bejgħ tal-produtturi kollha tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, kif stmat fil-premessa (68), flimkien mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha, kif irrappurtat mill-Eurostat.

(52)

Bejn l-2007 u l-PIR, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 11 % minn 22 912 066 unità fis-sena 2007 għal 20 336 813 unità matul il-PIR. Il-konsum niżel b’mod partikolari bejn l-2008 u l-2009. Id-data fid-dettall, espressa f’unitajiet, hija kif ġej:

Tabella 1 –   Konsum

 

2007

2008

2009

PIR

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

+ Importazzjoni totali

10 073 428

10 017 551

8 973 969

9 202 752

+ Produzzjoni tal-Unjoni mibjugħa fis-suq tal-Unjoni

12 838 638

12 441 446

11 604 072

11 134 061

= Konsum

22 912 066

22 458 997

20 578 041

20 336 813

Indiċi (2007 = 100)

100

98

90

89

3.   Volum u sehem mis-suq ta’ importazzjonijet oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(53)

Il-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġie stabbilit abbażi tat-tagħrif statistiku pprovdut mill-Eurostat. Il-volum ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ naqas bi 38 % matul il-perjodu kkunsidrat għal 615 920 unità matul il-PIR (ara t-Tabella 2). L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat kienu 26 % ogħla minn dawk importati matul il-PIR tal-investigazzjoni ta’ qabel (l-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004: 733 901 unità (9)). L-ikbar tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat seħħ bejn l-2008 u l-2009 u dan jaqbel ma’ dak li seħħ fil-konsum totali tal-Unjoni (ara t-Tabella 1 u 2).

(54)

Billi l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu aktar mill-konsum matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem tas-suq tar-RPĊ naqas ftit minn 4,4 % fl-2007 għal 3,1 % fil-PIR.

(55)

L-iżvilupp tal-importazzjonijiet u s-sehem tas-suq tar-roti li joriġinaw fir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat jidher fit-tabella li ġejja:

Tabella 2 –   Importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2007

2008

2009

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (unitajiet)

986 514

941 522

598 565

615 920

Indiċi (2007 = 100)

100

95

61

62

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4,4  %

4,3  %

3,0  %

3,1  %

4.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet ikkonċernati

4.1.   L-evoluzzjoni tal-prezzijiet

(56)

Kif ġie spjegat fil-premessa (35) il-Kummissjoni kkunsidrat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-Eurostat għar-RPĊ bħala sors raġonevoli għall-fini tal-investigazzjoni preżenti.

(57)

Skont id-data tal-Eurostat, il-medja differenzjata tal-prezzijiet ta’ importazzjoni, minn issa ‘l quddiem indikati bl-indiċi, mir-RPĊ żdiedet b’125 % bejn is-sena 2007 u l-PIR. Il-prezzijiet ta’ importazzjoni żdiedu b’mod sinifikanti fl-2009 u wara baqgħu kważi xorta. Id-data fid-dettall tidher fit-tabella li ġejja:

Tabella 3 –   Prezzijiet tal-importazzjonijiet ikkonċernati

 

2007

2008

2009

PIR

RPĊ

 

 

 

 

Indiċi (2007 = 100)

100

128

224

225

4.2.   Twaqqigħ tal-prezz

(58)

Biex jiġi ddeterminat it-twaqqigħ fil-prezz tar-roti li joriġinaw fir-RPĊ, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq it-tagħrif mibgħut matul l-investigazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u l-prezzijiet medji mill-Eurostat. Il-prezzijiet rilevanti tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu dawk li ngħataw lill-klijenti indipendenti li ġew aġġustati fejn kien meħtieġ għal-livell ex-fabbrika. It-tqabbil wera wkoll li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 53 %, wara t-tnaqqis tad-dazju anti-dumping.

5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(59)

Abbażi tad-data tal-Eurostst, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra naqsu minn 9 087 000 unità fl-2007 għal 8 587 000 unità fil-PIR; tnaqqis ġenerali ta’ 6 %. Segwew it-tendenza ta’ tnaqqis tal-konsum tal-Unjoni (– 11 %), b’pass inqas mgħaġġel. Is-sehem tas-suq tal-pajjiżi terzi żdied minn 40 % għal 42 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iżda kif intqal fil-premessa (35) u (56), il-prezzijiet tal-Eurostat ma jqisux il-bosta taħlitiet ta’ prodotti minn kull pajjiż u għalhekk jintużaw biss l-indiċijiet għall-indikazzjoni tat-tendenzi tal-prezzijiet. Billi t-taħlita tal-prodotti tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhijiex magħrufa, ma jagħmilx sens li jitqabblu l-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ hawn taħt ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, intalab u nkiseb xi tagħrif addizzjonali dwar l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet l-oħra ta’ roti. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 4 –   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

 

2007

2008

2009

PIR

It-tipi kollha

Unitajiet ‘000

Sehem mis-suq

Prezz EUR/unità

Unitajiet ‘000

Sehem mis-suq

Prezz EUR/unità

Unitajiet ‘000

Sehem mis-suq

Prezz EUR/unità

Unitajiet ‘000

Sehem mis-suq

Prezz EUR/unità

It-Tajwan

3 186

14  %

 

3 428

15  %

 

2 949

14  %

 

2 958

15  %

 

Indiċjati

100

100

100

108

110

104

93

103

125

93

105

125

It-Tajlandja

1 534

7  %

 

1 522

7  %

 

1 384

7  %

 

1 397

7  %

 

Indiċjati

100

100

100

99

101

107

90

100

127

91

103

127

Il-Filippini

690

3  %

 

437

2  %

 

449

2  %

 

476

2  %

 

Indiċjati

100

100

100

63

65

105

65

73

106

69

78

103

Il-Malasja

475

2  %

 

361

2  %

 

193

1  %

 

265

1  %

 

Indiċjati

100

100

100

76

77

106

41

45

116

56

63

99

Is-Sri Lanka

574

3  %

 

749

3  %

 

1 017

5  %

 

1 101

5  %

 

Indiċjati

100

100

100

131

133

107

177

197

108

192

216

107

It-Tuneżija

550

2  %

 

527

2  %

 

530

3  %

 

495

2  %

 

Indiċjati

100

100

100

96

98

105

96

107

113

90

101

113

Oħrajn

2 078

9  %

 

2 052

9  %

 

1 854

9  %

 

1 895

9  %

 

Indiċjati

100

100

100

99

101

110

89

99

131

91

103

127

TOTALI

9 087

40  %

 

9 076

40  %

 

8 375

41  %

 

8 587

42  %

 

Indiċjati

100

100

100

100

102

109

92

103

125

94

106

122

(1)   It-Tajwan

(60)

L-importazzjonijiet mit-Tajwan naqsu matul il-perjodu kkunsidrat minn 3 158 600 unità fl-2007 għal 2 958 000 unità fil-PIR u s-sehem tas-suq tagħhom żdied ftit minn 14 % għal 15 % matul l-istess perjodu. L-importazzjonijiet tar-roti mit-Tajwan huma maħsuba għas-suq għoli. Matul l-investigazzjoni, ġie muri, bl-applikazzjoni tat-tqabbil ma’ mudell, li l-importazzjonijiet mit-Tajwan jinbiegħu bi prezz ogħla mill-mudelli simili magħmula mill-industrija tal-Unjoni bħal fil-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ qabel (10). Barra minn hekk, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz tal-importazzjonijiet kellu tendenza li jiżdied, b’żieda ta’ 25 % reġistrata fil-PIR bi tqabbil mal-2007.

(2)   It-Tajlandja

(61)

L-importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja naqsu matul il-perjodu kkunsidrat minn 1 534 000 unità fl-2007 għal 1 397 000 unità matul il-PIR. It-tnaqqis fl-importazzjonijiet kien jaqbel mat-tendenza fil-konsum billi s-sehem tas-suq tagħhom baqa’ l-istess, ta’ 7 %. Iżda, l-importazzjonijiet tar-roti mit-Tajlandja huma roti tal-medda tan-nofs u l-investigazzjoni wriet li bl-applikazzjoni tat-tqabbil ma’ mudell, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja jinbiegħu bi prezz ogħla mill-mudelli prodotti mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz tal-importazzjonijiet kellu tendenza li jiżdied, b’żieda reġistrata ta’ 27 % fil-PIR bi tqabbil mal-2007.

(3)   Is-Sri Lanka

(62)

L-importazzjonijiet mis-Sri Lanka kważi rduppjaw matul il-perjodu kkunsidrat minn 574 000 unità fl-2007 għal 1 101 000 unità matul il-PIR u s-sehem tas-suq tagħhom laħaq 5 % fi tmiem il-perjodu kkunsidrat. Iżda, ġie allegat minn parti waħda li l-esportaturi Ċiniżi qed jevitaw b’qerq id-dazji ta’ anti-dumping billi jibagħtu l-merkanzija minn Sri Lanka. F’dan il-mument, il-Kummissjoni ma għandhiex biżżejjed tagħrif biex tiġbed xi konklużjoni fir-rigward tal-qagħda ta’ dawn l-importazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jiġi eskluż li l-importazzjonijiet rrappurtati bħala li joriġinaw fis-Sri Lanka mhux qed jikkontribwixxu għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(63)

Wara l-iżvelar, waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-konklużjonijiet dwar evitar possibbli ta’ miżuri permezz tas-Sri Lanka kienu biss konġettura u kull allegazzjoni dwar prassi ta’ evitar ta’ miżuri permezz tas-Sri Lanka ma għandhiex titqies fil-konklużjonijietfinali. Bi tweġiba għal din l-istqarrija, ta’ min jissottolinja li, kif ġie espress b’mod ċar fil-premessa (62) hawn fuq, il-Kummissjoni ma ġibdet l-ebda konklużjoni dwar din il-kwistjoni.

6.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

6.1.   Kummenti preliminari

(64)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha rilevanti li għandhom piż fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(65)

Kif spjegat hawn fuq, minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni li lmentaw, kellhom jintużaw id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ kampjuni. Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti kif ġej:

L-elementi makroekonomiċi (kapaċità ta’ produzzjoni, volum ta’ bejgħ, sehem tas-suq, impjieg, produttività, tkabbir, kobor tal-marġini tad-dumping u rkupru mill-effetti tad-dumping tal-passat) ġew evalwati fuq il-livell tal-produzzjoni sħiħa fl-Unjoni, fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-produtturi tal-Unjoni u kumpaniji individwali. Dawn il-fatturi ġew kontrovverifikati, meta possibbli, mat-tagħrif ġenerali provdut mill-istatistika uffiċjali rilevanti.

L-analiżi tal-elementi mikro-ekonomiċi (ħażniet, prezzijiet ta’ bejgħ, likwidità, kapaċità ta’ profitt, dħul mill-investimenti, kapaċità ta’ żieda fil-kapital, investimenti u pagi) twettqet għall-kumpaniji individwali, jiġifieri fil-livell ta’ dawk il-produtturi tal-Unjoni li ġew inklużi fil-kampjun.

6.2.   Indikaturi makroekonomiċi

(a)   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u utilizzazzjoni tal-kapaċità

(66)

Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat. Sa tmiem il-PIR, il-produzzjoni naqset bi 11 % meta mqabbla mal-2007 u skont it-tendenza tal-konsum. Id-data fid-dettall tidher fit-Tabella 5:

Tabella 5 –   Produzzjoni totali tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Produzzjoni

13 813 966

13 541 244

12 778 305

12 267 037

Indiċi (2007 = 100)

100

98

93

89

(67)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni żdiedet bi 2 % bejn l-2007 u l-PIR. Hekk kif il-produzzjoni naqset, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità li rriżultat uriet tnaqqis ġenerali ta’ 13 % bejn l-2007 u l-PIR, b’tlaħħiq ta’ 81 % ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità matul il-PIR. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 6 –   Il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

 

2007

2008

2009

PIR

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Il-kapaċità ta’ produzzjoni

14 785 000

15 804 000

15 660 000

15 118 000

Indiċi (2007 = 100)

100

107

106

102

L-utilizzazzjoni tal-kapaċità

93  %

86  %

82  %

81  %

Indiċi (2007 = 100)

100

92

87

87

(b)   Volum ta’ bejgħ

(68)

Il-volum ta’ bejgħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati naqas bi 13 % matul l-2007 u l-PIR. Dan l-iżvilupp huwa konformi max-xejra ġenerali ta’ tnaqqis fil-konsum fis-suq tal-Unjoni. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 7 –   Bejgħ lil klijenti mhux relatati

 

2007

2008

2009

PIR

Volum (unitajiet)

12 838 638

12 441 446

11 604 072

11 134 061

Indiċi (2007 = 100)

100

97

90

87

(ċ)   Sehem tas-suq

(69)

Is-sehem tas-suq f’idejn l-industrija tal-Unjoni iċċaqlaq bi ftit bejn l-2007 u l-RIP. Kumplessivament, kien hemm tnaqqis ta’ 1,3 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 8 –   Sehem tas-suq tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Sehem tas-suq tal-Unjoni

56,0  %

55,4  %

56,4  %

54,7  %

Indiċi (2007 = 100)

100

99

101

98

(d)   L-impjieg u l-produttività

(70)

L-impjieg naqas b’9 % matul il-perjodu kkunsidrat minn 14 925 impjegat fl-2007 għal 13 646 matul il-PIR.

(71)

Il-produttività żdiedet bi ftit fl-2008 bi tqabbil mal-2007, iżda mbagħad naqset. Kumplessivament, tul il-perjodu meqjus il-produttività naqset bi 3 %. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 9 –   Impjieg u produttività totali tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Numru ta’ impjegati

14 925

14 197

14 147

13 646

Indiċi (2007 = 100)

100

95

95

91

Produttività (unitajiet/sena)

926

954

903

899

Indiċi (2007 = 100)

100

103

98

97

(e)   Tkabbir

(72)

Kumplessivament, ta’ min jinnota li s-sehem tas-suq tal-produtturi kollha tal-Unjoni naqas bi ftit b’1,3 punti perċentwali, filwaqt li l-livell ta’ konsum naqas b’11 %, u dan juri biċ-ċar li ma kinux f’qagħda li jikbru.

(f)   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(73)

Id-dumping mir-RPĊ issokta matul il-PIR. Kif ġie spjegat fil-premessa (34), il-kalkolu tad-dumping huwa bbażat fuq il-medja tal-prezzijiet mill-Eurostat minħabba l-kooperazzjoni baxxa mill-esportaturi Ċiniżi. Kif intqal fil-premessa (35), il-prezzijiet medji mill-Eurostat fihom tagħrif limitat dwar it-taħlita tal-prodott u dan huwa ta’ importanza sinifikattiva għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping; madankollu, minħabba l-kapaċità ta’ riżerva mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġnijiet attwali ta’ dumping ma jistax jitqies bħala negliġibbli.

(g)   Irkupru minn dumping fil-passat

(74)

Ġie analizzat jekk l-industrija tal-Unjoni rkupratx mill-effetti ta’ dumping fl-imgħoddi. Ġie konkluż li l-irkupru mistenni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti tad-dumping tal-imgħoddi ma seħħx sa fejn kien mistenni kif jidher, b’mod partikolari, mill- profitt baxxa li baqà jippersisti u tnaqqis fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità.

6.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(h)   Ħażniet

(75)

Produttur wieħed ma setax jipprovdi tagħrif konsistenti dwar ħażniet għall-perjodu kkunsidrat minħabba l-istruttura interna attwali tiegħu. Skont dan, id-data minn din il-kumpanija kellha titwarrab fit-twettiq tal-analiżi tal-ħażniet għall-perjodu kkunsidrat.

(76)

Il-ħażniet tar-roti żdiedu tul il-perjodu tal-analiżi minn 880 935 fl-2007 għal 1 091 516-il unità fil-PIR, żieda ta’ 24 %. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 10 –   Ħażniet

 

2007

2008

2009

PIR

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Ħażniet tal-għeluq

880 935

1 132 612

818 276

1 091 516

Indiċi (2007 = 100)

100

129

93

124

(i)   Prezzijiet tal-bejgħ u spejjeż

(77)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ex-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni segwew tendenza ta’ żieda matul il-perjodu kkunsidrat. Kumplessivament, l-industrija tal-Unjoni żiedet il-prezzijiet tagħha b’9 % bejn l-2007 u l-PIR bi qbil maż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni kif spjegat fil-premessa (79).

Tabella 11 –   Prezz ta’ unità fis-suq tal-Unjoni

 

2007

2008

2009

PIR

Prezz ta’ unità tal-bejgħ tal-Unjoni (EUR kull unità)

163

170

176

178

Indiċi (2007 = 100)

100

104

108

109

(78)

L-ispejjeż ta’ produzzjoni ġew kkalkolati abbażi tal-medja differenzjata tat-tipi kollha tal-prodott simili magħmul mill-produtturi fil-kampjun.

(79)

L-ispejjeż ta’ produzzjoni matul il-perjodu kollu żdiedu b’9 %. Din iż-żieda ġejja l-aktar minn bidla fit-taħlita tal-prodotti. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 12 –   Spiża tal-produzzjoni ta’ unità

 

2007

2008

2009

PIR

Spiża tal-produzzjoni ta’ unità (EUR kull unità)

165

169

180

180

Indiċi (2007 = 100)

100

102

109

109

(80)

Wara l-iżvelar, waħda mill-partijiet allegat li l-ispiża ta’ produzzjoni li dejjem tiżdied seħħet fuq sfond ta’ tnaqqis sinifikanti f’xi spejjeż ta’ materja prima, l-aktar l-azzar u l-aluminju, u dan jagħti x’tifhem li l-ħsara mġarrba kienet ġejja minn ġewwa stess. Madankollu, din l-allegazzjoni ma kinitx sostanzjata b’xhieda suffiċjenti. Tabilħaqq, il-parti involuta pprovdiet biss data li turi, f’termini ġenerali ħafna, l-evoluzzjoni tal-prezz tal-aluminju u l-azzar matul il-perjodu kkunsidrat, iżda ma wrietx sa fejn dawn l-iżviluppi kellu jkollhom impatt fuq l-ispiża ġenerali tal-produzzjoni tar-roti. Barra minn hekk, dan l-argument tqajjem biss wara l-iżvelar, jiġifieri fi stadju avvanzat tal-proċediment u ma setax, għaldaqstant, jiġi vverifikat. B’hekk, l-allegazzjoni ma ntlaqatx.

(j)   Kapaċità ta’ profitt

(81)

Kumplessivament il-kapaċità ta’ profitt tal-produtturi fil-kampjun fir-rigward tal-prodott ikkonċernat matul l-ewwel sena tal-perjodu kkunsidrat kienet fin-negattiv (– 1,7 %). Fl-2008, il-produtturi tal-Unjoni bdew jagħmlu profitt. Iżda, fl-2009 u fil-PIR, l-industrija reġgħet bdiet tagħmel it-telf.

(82)

Din it-tendenza turi li l-industrija tinsab f’qagħda fraġli mqabbla mal-investigazzjoni ta’ qabel meta l-kapaċità ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni kienet 3,6 % matul il-PIR.

Tabella 13 –   Kapaċità ta’ profitt

 

2007

2008

2009

PIR

Kapaċità ta’ profitt tal-bejgħ tal-Unjoni

–1,7  %

0,6  %

–2,2  %

–1,1  %

Indiċi (2007 = 100)

– 100

33

– 129

–68

(83)

Wara l-iżvelar, ġie allegat mingħajr, madankollu, ebda xhieda ta’ dokumenti ta’ sostenn, li l-industrija tal-Unjoni naqset milli ttejjeb l-effiċjenza u r-rendiment tagħha. Għall-kuntrarju l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni għamlet sforzi ċari biex tadatta għall-pressjoni tal-prezzijiet li kienet ġejja mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping billi ċaqilqet mill-ġdid il-faċiltajiet ta’ produzzjoni fi ħdan l-Unjoni, u dan, biex iżżid l-effettività fl-infiq, kif jissemma fil-premessa (85) hawn taħt. B’hekk, dawn l-allegazzjonijiet ma ntlaqgħux.

(k)   Dħul mill-investiment

(84)

L-investiment fin-negozju tal-prodott ikkonċernat naqas b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat, minn EUR 21 491 000 fl-2007 għal EUR 11 738 000 matul il-PIR. Dan jista’ jiġi spjegat fil-biċċa l-kbira bil-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008 u laħqet l-iktar punt baxx tagħha matul il-PIR meta l-aċċess għal kapital ġdid kien terġa’ iktar diffiċli u t-tbassir ta’ bejgħ kien wieħed ħażin ħafna.

(85)

Ta’ min jinnota li biċċa mdaqqsa mill-investimenti saret biex tiżdied l-effiċjenza tal-proċess ta’ manifattura u jkun hemm aġġornament mal-aħħar żviluppi tat-teknoloġija. F’dan il-proċess, xi partijiet tal-kapaċità ta’ produzzjoni ġew imċaqilqa mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, bit-twessigħ tal-bażi ta’ produzzjoni lejn kważi l-Istati Membri kollha u b’turija tal-vitalità tal-industrija tal-Unjoni u tal-isforzi biex tibqa’ kompetittiva.

Tabella 14 –   Investimenti u Dħul mill-Investiment

 

2007

2008

2009

PIR

Investmenti (EUR ‘000)

21 491

21 743

10 701

11 738

Indiċi (2007 = 100)

100

101

50

55

Dħul mill-investiment

–16  %

5  %

–20  %

–10  %

(86)

Wieħed mill-produtturi ma setax jipprovdi tagħrif konsistenti dwar il-produzzjoni netta ta’ assi fissi għall-perjodu kkunsidrat għall-kalkolu tad-dħul mill-investiment minħabba l-istruttura interna tiegħu. Skont dan, id-data minn din il-kumpanija kellha titħalla barra waqt it-twettiq tal-analiżi tad-dħul mill-investiment għall-perjodu kkunsidrat.

(87)

Id-dħul mill-investiment segwa tendenza ta’ kapaċità ta’ profitt. Fl-2007 il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun rreġistraw dħul negattiv mill-investiment ta’ 16 % li żdied bi ftit għal 10 % fin-negattiv matul il-PIR.

(l)   Fluss ta’ flus u kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital

(88)

Wieħed mill-produtturi ma setax jipprovdi tagħrif konsistenti dwar il-likwidità għall-perjodu kkunsidrat minħabba l-istruttura tiegħu li ma kinitx tippermetti li ssir stima tal-likwidità għall-part ta’ rota biss mill-attività totali tiegħu. Skont dan, id-data minn din il-kumpanija kellha titħalla barra waqt it-twettiq tal-analiżi tal-likwidità għall-perjodu kkunsidrat.

(89)

Il-likwidità, li hija l-kapaċità tal-industrija li tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha, baqgħet pożittiva matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Madankollu, bejn l-2007 u l-PIR, hija naqset bi kważi 33 %. Id-data fid-dettall tidher hawn taħt:

Tabella 15 –   Likwidità

 

2007

2008

2009

PIR

Likwidità (EUR ‘000)

19 981

20 767

19 261

13 350

Indiċi (2007 = 100)

100

104

96

67

(90)

Il-produtturi fil-kampjun jiġbru l-kapital jew minn ġewwa meta jkunu parti minn grupp ta’ kumpaniji jew permezz ta’ self mill-bank. F’każijiet oħra, il-likwidità ġġenerata mill-kumpannija tintuża bħala sors ta’ finanzjament. Ebda wieħed mill-produtturi fil-kampjun ma wera xi diffikultà sinifikanti biex jiġbor il-kapital.

(m)   Pagi

(91)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-ispiża tal-pagi għal kull ħaddiem żdiedet bi 11 %. Dan juri ċaqliq ta’ produzzjoni lejn prodotti daqsxejn aktar sofistikati.

Tabella 16 –   Pagi

 

2007

2008

2009

PIR

Spiża tal-pagi għal kull impjegat (f’EUR)

20 239

20 880

22 499

22 541

Indiċi (2007 = 100)

100

103

111

111

(92)

Wara l-iżvelar, ġie allegat li l-ispiża tal-pagi għal kull impjegat kienet qed tiżdied, filwaqt li fl-istess ħin, id-domanda naqset f’daqqa, u dan juri li l-ħsara kienet ġejja minn ġewwa. Tabilħaqq, kif jidher fit-tabella hawn fuq, l-ispiża tal-pagi għal kull impjegat żdiedet bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iżda, kif ġie spjegat fil-premessa (70), l-għadd ta’ impjegati naqas b’9 %. Għaldaqstant, l-ispiża totali tal-pagi żdiedet bi 2 % biss. Għalhekk, l-impatt ġenerali fuq il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni nstab li kien żgħir ħafna.

7.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(93)

Il-miżuri attwali ta’ anti-dumping kellhom impatt ċar fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, din tal-aħħar irnexxielha, sa ċertu punt, tgawdi mill-eżistenza tal-miżuri u żammet sehem tas-suq stabbli. Iżda, il-produzzjoni tal-Unjoni naqset u l-marġni ta’ profitt baqa’ insuffiċjenti. Kull possibbiltà ta’ aktar tkabbir u profitti ġiet mhedda mill-pressjoni tal-prezz u tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(94)

Kif jidher fil-premessa (53), il-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu bejn l-2007 u l-PIR. Iżda, l-ikbar tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet kien bejn l-2008 u l-2009 meta l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ żdiedu b’mod sinifikanti. Madankollu, kif uriet l-investigazzjoni u kif ġie spjegat fil-premessa (58), din iż-żieda fil-prezz xorta ma kinitx biżżejjed biex tippermetti li l-industrija ttejjeb il-qagħda tagħha. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet mir-RPĊ waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 53 %.

(95)

L-industrija tinsab b’mod ċar f’qagħda fraġli billi qed tagħmel it-telf. Kważi l-indikaturi tal-ħsara kollha marbuta mal-prestazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni – bħall-kapaċità ta’ profitt, id-dħul mill-investiment u l-likwidità – marru għall-agħar matul il-perjodu kkunsidrat. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-qagħda tal-industrija tal-Unjoni hija mingħajr periklu. Barra minn hekk, din il-qagħda setgħet tmur aktar għall-agħar minħabba l-pressjoni tal-importazzjonijiet li possibbilment evitaw il-miżuri

(96)

Abbażi ta’ dan, il-konklużjoni hi li l-industrija tal-Unjoni, fis-sħiħ tagħha, għadha f’qagħda ekonomika vulnerabbli u kompliet iġġarrab ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

8.   Impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u fatturi oħra

8.1.   Impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(97)

B’mod parallel għall-konsum dejjem jonqos fl-Unjoni, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas bi ftit minn 4,4 % għal 3,1 % (ara l-premessa (53)). Kif imsemmi fil-premessa (58) hawn fuq, abbażi ta’ kalkolu li jeskludi d-dazju anti-dumping, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu 53 % inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-PIR. Ta’ min ifakkar li r-rata tad-dazju tammonta għal 48,5 %. Għaldaqstant, il-livell ta’ kemm kien iktar baxx juri minn naħa l-effettività tad-dazji fis-seħħ, u min-naħa l-oħra l-bżonn li l-miżuri jkomplu. Din il-konklużjoni tissaħħaħ bil-fatt li l-ammont inqas kien fl-istess livell tal-aħħar investigazzjoni tar-reviżjoni. B’hekk, l-impatt ta’ ħsara fil-prezz tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ fuq l-industrija tal-Unjoni baqa’ sinifikanti u, kif ġie spjegat fil-premessa (58), x’aktarx li jkompli.

8.2.   Impatt tal-kriżi ekonomika

(98)

Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi li seħħew matul il-PIR, il-konsum tar-roti naqas. Il-produzzjoni u l-impjieg naqsu wkoll biex isegwu t-tendenza tal-konsum. Billi l-industrija tar-roti ma għandhiex spejjeż fissi għolja, it-tnaqqis fil-produzzjoni ma kellux impatt fuq il-kapaċità ta’ profitt tal-industrija tar-roti tal-Unjoni.

(99)

Wara l-iżvelar, ġie allegat li l-industrija tal-Unjoni ħolqot kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali meta l-konsum tal-Unjoni kien qed jonqos u dan kellu impatt negattiv fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni. Din l-istqarrija hija f’kontradizzjoni mal-iżvilupp tal-konsum u l-kapaċità kif deskritt fil-premessi (52) u (67) hawn fuq. Tabilħaqq, il-konsum l-aktar li naqas kien bejn l-2008 u l-2009 filwaqt li l-kapaċità ta’ produzzjoni kienet diġà żdiedet sena qabel, jiġifieri fl-2007 u l-2008. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ma ntlaqatx.

8.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(100)

Kif ġie spjegat fil-premessa (59) il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra naqas b’6 %, b’konfomità mat-tendenza fil-konsum. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra żdied minn 40 % fl-2007 għal 42 % fil-PIR. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet tagħhom kellu tendenza li jiżdied b’6 % bejn l-2007 u l-RIP. Il-pajjiżi ewlenin li minnhom ġie impurtat il-prodott ikkonċernat kienu t-Tajwan, it-Tajlandja u s-Sri Lanka.

(101)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan żdied bi ftit matul il-perjodu kkunsidrat (minn 14 % għal 15 %). Iżda, it-tagħrif disponibbli juri li, kif ġie spjegat fil-premessa (60), l-importazzjonijiet mit-Tajwan qed jikkompetu b’kundizzjonijiet ġusti mar-roti prodotti mill-Unjoni.

(102)

Is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan baqa’ kostanti matul il-perjodu kkunsidrat. Kif ġie spjegat fil-premessa (61), it-tagħrif disponibbli juri li matul il-PIR dawn l-importazzjonijiet inbiegħu bi prezz kompetittiv ma’ roti simili prodotti fl-Unjoni.

(103)

L-importazzjonijiet li joriġinaw fis-Sri Lanka żdiedu bi 92 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem tas-suq tagħhom matul il-PIR kien ta’ 5 %. Iżda, kif ġie spjegat fil-premessa (62), l-importazzjonijiet mis-Sri Lanka huma allegati li jinkludu roti ta’ oriġini Ċiniża.

(104)

Fl-aħħar nett, fost l-akbar esportaturi tar-roti lejn l-Unjoni, l-importazzjonijiet mit-Tajwan u t-Tajlandja ma setgħux ikollhom impatt negattiv fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni l-aktar minħabba l-livelli tal-prezzijiet tagħhom (simili jew ogħla wkoll minn dawk tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni). B’kuntrast, ma jistax jiġi eskluż li l-importazzjonijiet irrappurtati bħala li joriġinaw fis-Sri Lanka qed jikkontribwixxu għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

8.4.   Evażjoni

(105)

Ġie allegat b’xhieda li l-esportaturi Ċiniżi kontinwament qed jevadu l-miżuri permezz ta’ importazzjonijiet minn bosta pajjiżi u dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Meqjusa x-xhieda ta’ evażjoni li nstabet mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (“OLAF”) fl-imgħoddi, b’mod aktar speċifiku għall-importazzjonijiet permezz tal-Filippini, ma jistax jiġi eskluż li dan l-aġir illegali għadu jseħħ fis-suq u li jikkawża ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

E.   IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAL-ĦSARA

1.   Kummenti preliminari

(106)

Kif deskritt fil-premessi minn (66) sa (91), l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ppermettiet lill-industrija tal-Unjoni tirkupra mill-ħsara mġarrba, iżda sa ċertu punt biss. Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni dehret f’qagħda fraġli u vulnerabbli, miftugħa għall-effett ta’ ħsara tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ.

(107)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ġew ivvalutati sabiex tiġi stabbilita l-probabilità ta’ tkomplija tal-ħsara.

2.   Volumi ta’ esportazzjoni Ċiniżi

(108)

Kif jissemma fil-premessa (40), l-industrija Ċiniża tar-roti hija orjentata lejn l-esportazzjoni. Ir-roti Ċiniżi jinsabu fis-swieq tad-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Istati Uniti u l-Ġappun, fejn għandhom pożizzjoni dominanti. Kif jissemma f’investigazzjoni preċedenti (11), fi tmiem is-snin disgħin, wara assenza mis-suq tal-Istati Uniti ta’ sentejn wara l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, il-produtturi esportaturi Ċiniżi rnexxielhom iżiedu b’mod sinifikanti l-preżenza tagħhom f’dak is-suq f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna. Fl-2009, l-esportazzjonijiet tar-roti Ċiniżi lejn l-Istati Uniti kienu madwar 14 055 000 unità, minn konsum totali ta’ 14 888 000 unità.

(109)

Din il-qagħda turi li l-produtturi Ċiniżi jafu jesportaw u jidħlu malajr fi swieq ġodda u jżommu pożizzjoni dominanti għal perjodu twil ta’ żmien.

(110)

Wara l-iżvelar, waħda mill-partijiet stqarret li jekk jitħallew jiskadu l-miżuri ma jkunx hemm żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet ta’ roti Ċiniżi billi l-esportaturi Ċiniżi kellhom diffikultajiet ta’ konformità mal-istandards ta’ sikurezza tar-roti Ewropej (EN 14764, EN 14765, EN 14766 u EN 14781). Iżda, din l-allegazzjoni ma kinitx sostanzjata b’xhieda dokumentata. Għall-kuntrarju, l-investigazzjoni wriet li proporzjon sinifikanti ta’ roti u parts tar-roti diġà qed jiġu impurtati mir-RPĊ b’konformità mal-istandards meħtieġa ta’ sikurezza. Għalhekk ma kien hemm ebda raġuni biex wieħed jaħseb li l-produtturi Ċiniżi mhumiex kapaċi jikkonformaw mal-istandards ta’ sikurezza fis-seħħ għar-roti. Għaldaqstant, dan l-argument ma ntlaqax.

3.   Kapaċità ta’ riżerva fis-suq tar-RPĊ

(111)

Kif deskritt fil-premessa (41), id-data miġbura matul l-investigazzjoni wriet li hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti disponibbli fir-RPĊ. Għadd ta’ indikazzjonijiet ċari wasslu għall-konklużjoni li parti kbira tal-kapaċità ta’ riżerva tista’ tintuża biex jiżdiedu l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping. Dan huwa kkonfermat b’mod partikolari minħabba li ma hemmx indikazzjonijiet li s-swieq ta’ pajjiżi terzi jew is-suq domestiku Ċiniż jistgħu jassorbu xi produzzjoni addizzjonali mir-RPĊ.

(112)

Barra minn hekk, wara l-iżvelar, ġie allegat li ż-żieda fl-ispejjeż tax-xogħol Ċiniżi se jrażżnu ż-żieda tal-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li kif jissemma fil-premessa (26), il-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kienet baxxa ħafna u ċ-ċifri marbuta mal-ispejjeż tax-xogħol u l-kapaċità fir-RPĊ ma ġewx ipprovduti. Barra minn hekk, il-parti kkonċernata ma bagħtitx xhieda biex tappoġġja l-argument tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument ma setax jintlaqa’.

4.   Allegazzjonijiet ta’ evażjoni

(113)

Kif ġie spjegat fil-premessa (105), ġie allegat b’xhieda li l-esportaturi Ċiniżi qegħdin il-ħin kollu jevadu l-miżuri permezz ta’ importazzjonijiet minn bosta pajjiżi. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-OLAF fil-każ tal-Filippini. Dan it-tip ta’ aġir juri l-interess kbir tal-esportaturi Ċiniżi fis-suq attraenti tal-Unjoni.

5.   Konklużjoni

(114)

L-industrija tal-Unjoni ġarrbet l-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping għal bosta snin u bħalissa għadha f’qagħda ekonomika fraġli.

(115)

Kif deher minn hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tirkupra mill-prassi Ċiniża tad-dumping bis-saħħa tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ. Matul il-PIR, iżda, sabet lilha nnifisha f’qagħda ekonomika iebsa. F’dan il-kuntest, kemm-il darba l-industrija tal-Unjoni tiġi esposta għal żieda fil-volumi ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx mill-pajjiż ikkonċernat, dan x’aktarx jirriżulta f’deterjorament ulterjuri tal-bejgħ, tas-sehem mis-suq, u tal-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, kif ukoll aktar deterjorament tal-qagħda finanzjarja tagħha.

(116)

Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa (58) hawn fuq, instab ukoll li l-fatt li l-prezz tal-bejgħ tal-produtturi Ċiniżi kien iktar baxx minn dawk tal-industrija tal-Unjoni, bħala medja kważi 53 %, jidher li jindika li fin-nuqqas ta’ miżuri, il-produtturi esportaturi Ċiniżi x’aktarx li jesportaw il-prodott ikkonċernat lis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet konsiderevolment iktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni.

(117)

Fid-dawl ta’ dak li nstab matul l-investigazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ, l-orjentazzjoni lejn l-esportazzjoni bħala karatteristika tal-industrija Ċiniża u dak li għamlu fl-imgħoddi l-esportaturi Ċiniżi fis-swieq barranin, kull tneħħija tal-miżuri x’aktarx li twassal għall-kontinwazzjoni tal-ħsara.

(118)

Fl-aħħar nett, kif jissemma fil-premessi (105) u (113), l-evażjoni qed tirfed bis-sħiħ il-konklużjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tal-ħsara. Hija tikkostitwixxi evidenza ċara li s-suq tal-Unjoni għadu suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li x’aktarx li jindirizzaw volumi ogħla ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fin-nuqqas tal-miżuri anti-dumping.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Introduzzjoni

(119)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping ta’ ħsara, tistax tintlaħaq il-konklużjoni b’mod ċar li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri ta’ anti-dumping kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(120)

Ta’ min ifakkar li, fl-investigazzjonijiet ta’ qabel, l-adozzjoni tal-miżuri tqieset li mhijiex kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li b’hekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri anti-dumping diġà kienu fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri anti-dumping eżistenti.

(121)

Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-bosta interessi involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, u tal-utenti.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(122)

L-industrija tar-roti tal-Unjoni wriet li hija vijabbli u kompetittiva jekk ikun hemm kundizzjonijiet tas-suq ġusti. Iżda l-investigazzjoni wriet li l-industrija għadha f’qagħda ta’ djufija b’riżultat finanzjarju qrib bilanċ kemm kemm pożittiv. Għaldaqstant jeħtieġ li jinzammu kundizzjonijiet effettivi ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni.

(123)

Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra li jiġu żviluppati ħafna mudelli ġodda ta’ roti mill-industrija tal-Unjoni, jekk il-pressjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tinżamm taħt kontroll permezz tal-miżuri, dawn jibbenefikaw ukoll minn dawn l-iżviluppi, f’dak li huma volumi ta’ bejgħ u prezzijiet.

(124)

Ġie meqjus li t-tkomplija tal-miżuri tibbenefika lill-industrija tal-Unjoni li mbagħad għandha tkun kapaċi li żżomm u possibbilment iżżid il-volumi tal-bejgħ u, x’aktarx, il-prezzijiet tal-bejgħ u b’hekk tiġġenera l-livell ta’ dħul meħtieġ li jippermettilha li tkompli tinvesti f’teknoloġija ġdida.

(125)

B’kuntrast, kieku kellhom jiskadu l-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ, x’aktarx li jkun hemm aktar tgħawwiġ ta’ kummerċ, li bilfors iwassal għal waqfa fil-proċess ta’ rkupru tal-industrija tal-Unjoni. Meta wieħed jikkunsidra l-kapaċità ta’ riżerva tal-produzzjoni tar-RPĊ, l-aġir tal-imgħoddi tal-esportaturi Ċiniżi fis-swieq barranin, jidher ċar li kieku l-miżuri jiskadu, jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li l-industrija tal-Unjoni tirkupra u anki żżomm il-pożizzjoni tagħha. Jekk le, il-qagħda ta’ ħsara tal-industrija tal-Unjoni x’aktarx li tmur aktar għall-agħar u dan jista’ jwassal għal aktar tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni fl-Unjoni u l-għeluq ta’ bosta kumpaniji li jipproduċu. Gћalhekk qed jiġi konkluż li l-miżuri ta’ anti-dumping huma fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

(126)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessi minn (93) sa (96) hawn fuq, u skont l-argumenti marbuta mal-analiżi tal-probabilità ta’ tkomplija ta’ ħsara kif spjegat fil-premessi minn (106) sa (117), jista’ jitqies ukoll li l-industrija tal-Unjoni aktarx li tgħaddi minn deterjorament serju fil-qagħda finanzjarja tagħha f’każ li d-dazji ta’ anti-dumping jitħallew jiskadu.

3.   L-interess tal-utenti

(127)

Din l-investigazzjoni għandha l-appoġġ tal-Federazzjoni taċ-Ċiklisti Ewropej (ECF), federazzjoni li tkopri l-assoċjazzjonijiet nazzjonali taċ-ċiklisti fl-Ewropa.

(128)

L-ECF tistqarr li l-Ewropa hija l-iktar suq importanti għall-prodotti moderni taċ-ċikliżmu b’livelli għoljin fil-kwalità u s-sikurezza u li l-fluss ta’ prodotti mir-RPĊ idgħajjef dawn il-livelli. Barra minn hekk, l-ECF tistqarr li hemm potenzjal enormi għat-tkabbir tal-industrija tar-roti fi ħdan l-ekonomija tal-Unjoni, u jekk jiġu fi tmiem id-dazji ta’ anti-dumping dan il-potenzjal jiġi mhedded.

(129)

Ta’ min ifakkar li, fl-investigazzjoni preċedenti, instab li l-impatt tal-impożizzjoni tal-miżuri ma għandux ikun sinifikanti għall-utenti. Minkejja l-eżistenza tal-miżuri, l-importaturi/utenti fl-Unjoni setgħu jkomplu jakkwistaw il-provvisti tagħhom, fost l-oħrajn, mir-RPĊ. Ma tressqu l-ebda indikazzjonijiet dwar kienx hemm diffikultajiet fis-sejba ta’ sorsi oħra. Għalhekk ġie konkluż li huwa improbabbli li ż-żamma tal-miżuri anti-dumping ikollha effett serju fuq l-utenti fl-Unjoni.

4.   Interess tal-fornituri

(130)

L-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Parts tar-Roti (COLIPED) ippreżentat lilha nnifisha matul l-investigazzjoni. Il-COLIPED stqarret li fl-Unjoni hemm madwar 300 fabbrika li jissupplixxu komponenti lill-produtturi tar-roti li jimpjegaw madwar 7 300 ruħ u l-kontinwazzjoni tal-eżistenza tal-industrija tal-fornituri tiddependi bilfors mill-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tar-roti fl-Ewropa. F’dan ir-rigward instab li mingħajr l-eżistenza tal-miżuri huwa mistenni li jseħħ aktar għeluq tal-produzzjoni tar-roti fl-Ewropa u dan ikollu konsegwenzi negattivi għall-industrija tal-parts tal-Unjoni u jhedded l-impjieg fl-industrija tal-fornituri. Huwa għaldaqstant konklużiv li l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping hija fl-interess tal-industrija tal-fornituri.

5.   L-interess tal-importaturi

(131)

Waslet tweġiba waħda biss tal-kwestjonarju mill-importaturi mhux relatati dwar l-importazzjonijiet mir-RPĊ iżda dan il-kwestjonarju ma kienx komplut billi l-kumpanija kienet qed tħejji biex twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha minħabba raġunijiet mhux magħrufa.

(132)

Ta’ min jinnota l-ewwel nett li minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni tal-importaturi ma kienx possibbli li ssir stima sħiħa u kif xieraq tal-effetti possibbli tal-impożizzjoni jew in-nonimpożizzjoni ta’ miżuri. Ta’ min ifakkar ukoll li l-għan tal-miżuri ta’ anti-dumping mhux li jwaqqaf l-importazzjonijiet, iżda li jġib lura kummerċ ġust u jiżgura li l-importazzjonijiet ma jsirux bi prezzijiet ta’ ħsara u oġġett ta’ dumping. Billi l-importazzjonijiet bi prezz ġust jibqgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni, u billi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi se jkomplu wkoll, x’aktarx li n-negozju tradizzjonali tal-importaturi ma jkunx affettwat sostanzjalment. Huwa ċar ukoll li l-produtturi tal-Unjoni għandhom biżżejjed kapaċità li jissupplixxu għal żieda fid-domanda ta’ roti. Barra minn hekk, kif jidher mit-tabella fil-premessa (59), l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra juru li hemm kapaċità sostanzjali għall-produzzjoni ta’ roti f’dawn il-pajjiżi. Huwa għaldaqstant improbabbli ħafna li jista’ jkun hemm skarsezza ta’ roti.

(133)

Billi l-importazzjonijiet bi prezz ġust ikomplu jidħlu fis-suq tal-Unjon, huwa probabbli li n-negozju tradizzjonali tal-importaturi jkompli anke jekk il-miżuri ta’ anti-dumping kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jinżammu fuq ir-RPĊ. Il-kooperazzjoni baxxa mill-importaturi mhux relatati u l-fatt li wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq ir-RPĊ l-investigazzjoni ma setgħatx tiġbor ix-xhieda tal-importaturi li jgħaddu minn diffikultajiet partikolari, jkomplu jirfdu din il-konklużjoni.

6.   Konklużjoni

(134)

L-itkomplija tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw fir-RPĊ jkun b’mod ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni, tal-konsumaturi u fl-interess tal-fornituri tal-parts tar-roti tal-Unjoni. Dan jippermetti lill-industrija tal-Unjoni li tikber u ttejjeb il-qagħda tagħha f’kompetizzjoni ġusta stabbilita mill-ġdid. Barra minn hekk, l-importaturi ma jkunx affettwati sostanzjalment billi r-roti bi prezz ġust ikunu xorta disponibbli fis-suq. B’kuntrast, jekk il-miżuri ma jiġux imposti, il-produtturi tar-roti tal-Unjoni x’aktarx li jfallu u b’hekk tiġi mheddha l-eżistenza tal-fornituri tal-parts tar-roti tal-Unjoni.

(135)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hi li m’hemmx raġunijiet konvinċenti gћaliex m’gћandhomx jiġu imposti d-dazji ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

(136)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-miżuri ta’ anti-dumping fuq ir-roti għandhom jinżammu. Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-estensjoni tal-miżuri wara reviżjoni ta’ skadenza normalment tkun tapplika għal 5 snin, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi jew raġunijiet speċifiċi li jeżiġu perjodu iqsar.

(137)

F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-proċediment attwali huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi partikolari kif jissemma fil-premessi (1) u (48), li wkoll għandhom jkunu riflessi b’mod xieraq fit-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ anti-dumping. Fis-sustanza, l-industrija tal-Unjoni qed tgawdi minn sett atipiku ta’ miżuri li jikkombinaw flimkien dazji ad valorem fuq ir-roti kompluti kif ukoll skema ta’ eżenzjoni li tippermetti lil din l-industrija li tuża l-parts tar-roti Ċiniżi li huma ħielsa minn dazji ta’ kontra-evażjoni, kemm-il darba jintlaħqu kundizzjonijiet speċifiċi.

(138)

Ir-reviżjoni attwali ta’ skadenza kkonfermat l-komplessità tas-settur tar-roti u l-interkonnessjoni mill-qrib mas-settur tal-parts tar-roti. Uriet li l-industrija tal-roti tal-Unjoni qed tuża b’mod wiesa’, kif jidher fil-premessa (1), l-iskema ta’ eżenzjoni għall-importazzjonijiet tal-parts tar-roti. Għalhekk huwa importanti li t-tħaddim tal-miżuri jiġi eżaminat mill-ġdid b’mod regolari. Abbażi ta’ dan, ingħatat konsiderazzjoni dwar jekk il-miżuri għandhomx ikunu limitati għal 3 snin.

(139)

Wara l-iżvelar bosta produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet tagħhom stqarrew li l-miżuri għandhom jiġu estiżi għal 5 snin. Il-partijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom ressqu l-argument li l-produtturi tar-roti kienu lesti li jinvestu fil-produzzjoni tal-parts tar-roti biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-parts tar-roti Ċiniżi, iżda perjodu ta’ 3 snin ma kienx biżżejjed biex jinkiseb dħul pożittiv minn investimenti bħal dawn.

(140)

F’dan ir-rigward, l-argument li bosta partijiet investew jew għandhom il-ħsieb li jinvestu fis-settur tar-roti jew tal-parts tar-roti mhux rilevanti meta ssir valutazzjoni tal-ħtieġa u t-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ anti-dumping fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ skadenza. Tabilħaqq, din tal-aħħar tista’ tissejjes biss fuq jekk jiġix iddeterminat li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li twassal għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u l-ħsara.

(141)

Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (137) hawn fuq, ta’ min ifakkar li mill-impożizzjoni inizjali tal-miżuri fl-1993 u l-estensjoni tagħhom għall-parts tar-roti fl-1997, il-qagħda tal-produzzjoni tar-roti fl-Unjoni nbidlet b’mod sinifikanti billi ngħataw aktar minn 250 eżenzjoni. Barra minn hekk, il-miżuri fuq ir-roti huma marbuta direttament mal-miżuri estiżi għall-partijiet tar-roti u għas-sistema ta’ skema ta’ eżenzjoni li nħolqot. Fid-dawl ta’ dan, il-konklużjoni li l-miżuri jitolbu eżami mill-ġdid kif ġie stabbilit hawn fuq fil-premessa (138) għadha tapplika. F’dan ir-rigward il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tagħti bidu ex officio għal reviżjoni interim li tkopri d-dumping, il-ħsara kif ukoll aspetti tal-iskema ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(142)

Abbażi ta’ dan u fid-dawl tal-fatti, li t-tul ta’ żmien tal-miżuri jkun, fi kwalunkwe każ, kwistjoni fi kwalunkwe reviżjoni, għadu mhux iż-żmien li ssir valutazzjoni fil-qafas tar-reviżjoni ta’ skadenza attwali jekk hemmx raġunijiet jew ċirkustanzi speċifiċi li jitolbu perjodu ta’ żmien differenti mill-perjodu normali ta’ 5 snin kif speċifikat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, qed jitqies, li l-miżuri għandhom jiġu mtawla għal perjodu ta’ 5 snin. Dan huwa mingħajr ħsara għall-fatt li t-tul ta’ żmien tal-miżuri attwali ta’ anti-dumping jista’ jerġa’ jiġi rivedut f’reviżjoni sħiħa interim sussegwenti, jekk ikun hemm, skont dak li jkun nstab.

H.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(143)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu ta’ żmien biex jibagħtu l-kummenti tagħhom wara dan l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw kunsiderazzjoni xierqa fejn kien ħaqqhom.

(144)

Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li d-dazji anti-dumping għandhom jinżammu għal 5 snin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv ta’ anti-dumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti għall-kunsinni, iżda esklużi ċ-ċikletti ta’ rota waħda), mingħajr magna, bħalissa kklassifikabbli fil-kodiċijiet tan-NM ex 8712 00 10 (kodiċi TARIC 8712001090), 8712 00 30 u ex 8712 00 80 (kodiċi TARIC 8712008090) u li joriġinaw fir-Repubblika Populari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiva ta’ anti-dumping applikabbli għall-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 48,5 %.

3.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. FEDAK


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(4)  ĠU L 17, 21.2.1997, p. 17.

(5)  ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39.

(6)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

(7)  ĠU C 188, 13.7.2010, p. 5.

(8)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 20

(9)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 19.

(10)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 30

(11)  ĠU L 175, 14.7.2000, p. 49