|
4.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 977/2011
tat-3 ta’ Ottubru 2011
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (2), il-VIS se tiġi varata b’mod progressiv f’reġjun wara ieħor bil-mod definit mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet adottati skont il-proċedura ta’ komitoloġija. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 48(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi d-data minn meta għandhom jibdew l-operazzjonijiet tal-VIS fl-ewwel reġjun u d-data minn meta se jkun mandatorju li kull reġjun sussegwenti jrid jittrasferixxi d-dejta kollha għall-VIS: dejta alfanumerika, ritratti u marki tas-swaba’. Qabel ma t-trasferiment tad-dejta kollha jsir mandatorju f’reġjun, Stati Membri diġà jistgħu jiġbru u jittrażmettu d-dejta alfanumerika u r-ritratti għall-VIS, u b’mod fakultattiv jistgħu jagħmlu l-istess għall-marki tas-swaba’, fi kwalunkwe post appena jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu hekk. Bħala konsegwenza, tliet sitwazzjonijiet jistgħu jikkoeżistu fir-rigward tar-reġistrazzjoni fil-VIS: |
|
(3) |
Fir-reġjuni fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta tal-viża lill-VIS ikunu saru mandatorji wara deċiżjoni mill-Kummissjoni, id-dejta kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS, inklużi l-marki tas-swaba’ għal kull applikant, se jiġu rreġistrati fil-VIS, għajr fil-każijiet fejn l-applikant huwa eżentat mir-rekwiżit li jipprovdi l-marki tas-swaba’ skont l-Artikolu 13(7) tal-Kodiċi tal-Viża. Fil-postijiet fejn l-użu tal-VIS għadu mhux mandatorju, l-Istati Membri similarment jistgħu jiddeċiedu li jiġbru u jirreġistraw fil-VIS id-dejta kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS, inklużi l-marki tas-swaba’, ta’ kull applikant tal-viża. |
|
(4) |
Madankollu, f’dawn il-postijiet fejn l-użu tal-VIS għadu ma sarx mandatorju, wieħed jew aktar Stati Membri għalissa ma jistgħux jirreġistraw applikanti tal-viża fil-VIS; filwaqt li Stati Membri oħrajn jistgħu jirreġistraw biss dejta alfanumerika u ritratti tal-applikanti tal-viża. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 7(3) (aa) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (3), wara l-għoxrin ġurnata mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS fl-ewwel reġjun, il-kontrolli stretti fid-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-identità tad-detentur tal-viża u tal-awtentiċità tal-viża, billi jikkonsultaw il-VIS. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-VIS it-tfittxijiet għandhom isiru billi jintuża n-numru tal-istiker tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba’ tad-detentur tal-viża. Madankollu, għal perjodu massimu ta’ tliet snin mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet fl-ewwel reġjun, it-tfittxija fil-VIS tista’ ssir billi jintuża biss in-numru tal-istiker tal-viża. Meta dan il-perjodu jiskadi, it-tfittxijiet fil-VIS għandhom isiru dejjem billi jintuża n-numru tal-istiker tal-viża flimkien mal-marki tas-swaba’, għajr għad-detenturi tal-viża li l-marki tas-swaba’ tagħhom ma jistgħux jintużaw. Barra minn hekk, matul perjodu massimu addizzjonali ta’ tliet snin, permezz ta’ deroga, it-tfittxijiet jistgħu jsiru biss billi jintuża n-numru tal-stiker tal-viża f’numru limitat ta’ ċirkustanzi deskritti fl-Artikolu 7(3) (ab) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. |
|
(6) |
Biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli fil-fruntieri esterni, għandu jiżdied kodiċi speċifiku fuq l-istiker tal-viża biex jindika li d-detentur tal-viża huwa rreġistrat fil-VIS. In-nuqqas ta’ tali kodiċi għandu mingħajr ħsara għall-obbligu tal-Istati Membri biex jagħmlu tfittxijiet mad-dħul fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen meta mqabbla mal-VIS għad-detenturi kollha tal-viża, kif stipulat fl-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. F’sitwazzjonijiet fejn ma ġiet irreġistrata l-ebda dejta u fejn l-awtoritajiet tal-fruntiera konsegwentament jirċievu tweġiba negattiva mill-VIS, il-fatt li ma jidher l-ebda kodiċi fuq l-istiker tal-viża se jikkonferma lill-awtoritajiet tal-fruntiera li tali tweġiba negattiva mhijiex minħabba problema teknika (identifikazzjoni negattiva falza) jew frodi. |
|
(7) |
Għandu jiżdied ukoll kodiċi speċifiku fuq l-istiker tal-viża biex jindika sitwazzjonijiet fejn id-detentur tal-viża huwa rreġistrat fil-VIS iżda l-marki tas-swaba’ tiegħu ma nġabrux minħabba li l-ġbir tal-marki tas-swaba’ ma kienx għadu mandatorju fir-reġjun ikkonċernat. Il-preżenza ta’ tali kodiċi għandu mingħajr ħsara għall-obbligu biex jagħmel tfittxijiet fil-VIS billi juża n-numru tal-stiker tal-viża flimkien mal-verifika tal-marki tas-swaba’ wara tliet snin mill-bidu tal-operazzjonijiet fl-ewwel reġjun. |
|
(8) |
L-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 810/2009 għandu jiġi emendat biex jiżgura l-applikazzjoni armonizzata mill-Istati Membri tal-kodiċi relatati mar-reġistrazzjoni tad-detenturi tal-viża u tal-marki tas-swaba’ tagħhom fil-VIS. |
|
(9) |
Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 810/2009 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni ta’ dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk, hija marbuta taħt il-liġi internazzjonali biex jimplimenta dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (4). Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(11) |
Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (5). Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(12) |
Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward tal-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (7). |
|
(13) |
Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqa’ fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9). |
|
(14) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqagħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
|
(15) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi dispożizzjonijiet li jibnu fuq, jew inkella huma relatati mal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. |
|
(16) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Viża, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-punt 9(a) tal-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 810/2009, jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:
|
“— |
fejn id-dejta kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS hija rreġistrata fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża, għandu jiżdied dan li ġej: ‘VIS’, |
|
— |
fejn dik id-dejta biss imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-VIS hija rreġistrata fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża iżda d-dejta msemmija fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu ma nġabrietx minħabba li l-ġbir tal-marki tas-swaba’ ma kienx mandatorju fir-reġjun ikkonċernat, għandu jiżdied dan li ġej: ‘VIS 0’;” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data msemmija fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Għandu jiskadi fid-data li minnha l-ġbir u trażmissjoni tad-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jsiru mandatorji għall-applikazzjonijiet kollha fl-aħħar reġjun fejn bdiet tintuża l-VIS, f’konformità mad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 48(3) tar-Regolament tal-VIS.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.
(2) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.
(3) ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.
(4) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(6) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(7) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.