29.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 965/2011

tat-28 ta’ Settembru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/625/PESK tat-22 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (2).

(2)

Flimkien mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2009 (2011), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/625/PESK tipprovdi, b’mod partikolari, għal eżenzjonijiet ġodda mill-embargo fuq l-armi, aġġustamenti għall-assi ffriżati ta’ ċerti entitajiet Libjani u għall-possibbiltà li jsiru disponibbli fondi u riżorsi ekonomiċi għal tali entitajiet, u t-tkomplija ta’ ċerti titjiriet Libjani, biex jingħata appoġġ lill-irkupru ekonomiku tal-Libja.

(3)

Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ immedjatament mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw il-forniment, lil persuni, entitajiet jew korpi fil-Libja, ta’ assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni għall-assistenza tas-sigurtà jew tad-diżarm lill-awtoritajiet Libjani, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika bil-quddiem il-ħsieb tiegħu biex jagħti awtorizzazzjoni lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn tali notifika.”

(2)

L-Artikolu 4a għandu jitħassar.

(3)

Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li fis-16 ta’ Settembru 2011 jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma, jew taħt il-kontroll ta’:

(a)

Il-Bank Ċentrali tal-Libja;

(b)

Libyan Arab Foreign Bank (a. k. a. Libyan Foreign Bank);

(c)

Libyan Investment Authority; kif ukoll

(d)

Libyan Africa Investment Portfolio,

u li jinsabu barra mil-Libja f’dik id-data għandhom jibqgħu ffriżati.”;

(4)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni elenkati fl-Anness II jew III jew imsemmija fl-Artikolu 5(4), u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' imposti professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta' spejjeż li huma assoċjati mal-provvediment ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

bil-kundizzjoni li, fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew imsemmija fl-Artikolu 5(4), l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dak il-perkors ta’ azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol min-notifika.";

2.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ffriżati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew imsemmija fl-Artikolu 5(4), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat dwar dik id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

(b)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness III, l-awtorità kompetenti nnotifikat ir-raġunijiet għala tikkunsidra li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni.;

(5)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet inkluż(a) fl-Anness II jew III, jew kienu msemmija fl-Artikolu 5(4), jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw it-talbiet assigurati b’tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fi żmien il-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

il-garanzija jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna, entità jew korp elenkat(a) fl-Anness II jew III, jew imsemmija fl-Artikolu 5(4);

(d)

ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat;

(e)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew imsemmija fl-Artikolu 5(4), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru dwar il-garanzija jew is-sentenza, u

(f)

fejn l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkat fl-Anness III, l-Istat Membru rilevanti għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.”;

(6)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8b

1.   B’deroga mill-Artikolui 5(4), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, sakemm:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal wieħed jew aktar skopijiet li ġejjin:

(i)

ħtiġijiet umanitarji;

(ii)

karburant, elettriku u ilma għall-użu strettament tac-ċittadini;

(iii)

il-bidu mill-ġdid tal-produzzjoni Libjana u l-bejgħ ta’ idrokarburi;

(iv)

stabbiliment, operat jew tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-gvern ċivili u tal-infrastruttura pubblika ċivili; jew

(v)

l-iffaċilitar tat-tkomplija tal-operazzjonijiet tas-settur bankarju, inkluż l-appoġġ jew l-iffaċilitar tal-kummerċ internazzjonali mal-Libja;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bil-ħsieb tiegħu li jawtorizza aċċess għal fondi jew riżorsi ekonomiċi, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn tali notifika,

(c)

l-Istat Membru kkonċernat innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li dawk il-fondi, jew riżorsi ekonomiċi m’għandhomx isiru disponibbli lil jew għal benefiċċju ta’ kwlaunkwe persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi II jew III,

(d)

l-Istat Membru kkonċernat ikkonsulta bil-quddiem mal-awtoritajiet Libjani dwar l-użu ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi; kif ukoll

(e)

l-Istat Membru kkonċernat ikkondivida mal-awtoritajiet Libjani n-notifiki mressqa skont il-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu u l-awtoritajiet Libjani ma oġġezzjonaw fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mir-rilaxx ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi.

2.   B’deroga mill-Artikolu 5(4) u sakemm ikun hemm ħlas dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li tqajjem għal persuna, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data li fiha dik il-persuna, entità jew korp ġew innominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kundizzjonijiet kif iqisu xieraq, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-ħlas ma jiksirx l-Artikolu 5(2) u lanqas huwa ta’ benefiċċju għal persuni, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 5(4);

(b)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni għaxart ijiem ta’ xogħol bil-quddiem.”.

Artikolu 2

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 246, 23.9.2011, p. 30.

(2)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1.


ANNESS

Il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li ġejjin għandhom jitħassru mil-lista stabbilita fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 204/2011.

1.

Bank Ċentrali tal-Libja (CBL)

2.

Libyan Investment Authority (Awtorità Libjana tal-Investiment)

3.

Libyan Foreign Bank (Bank Barrani Libjan)

4.

Libyan Africa Investment Portfolio (Portafoll Libjan ta’ Investiment fl-Afrika)