28.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 961/2011

tas-27 ta' Settembru 2011

li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 297/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara l-kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri individwalment.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli tar-radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun bħall-ħalib u l-ispinaċi jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Tali kontaminazzjoni tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima (2).

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Dawn l-emendi kienu jikkonċernaw l-adozzjoni tal-livelli massimi ta' radjoattività li għandhom jiġu applikati għall-għalf jew għall-ikel li joriġina mill-Ġappun, iż-żieda ta' prefetturi fiż-żona li għaliha japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi wara li l-kontaminazzjoni f'dawk il-prefetturi nstabet illi taqbeż il-livelli massimi u t-tneħħija ta' prefetturi miż-żona tar-restrizzjonijiet f'każ illi monitoraġġ estensiv ipprovda evidenza li dawn il-prefetturi ma kinux affettwati b'mod sinifikanti mill-kontaminazzjoni radjoattiva.

(4)

Minn nofs Lulju 2011, l-awtoritajiet Ġappuniżi għarrfu lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta' livelli għolja ta' ċesju fiċ-ċanġa ta' baqar li tkabbru fi prefetturi differenti fil-Ġappun. Peress li l-importazzjoni taċ-ċanga fl-UE mill-Ġappun mhix permessa minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika u tal-annimali apparti r-radjoattività, dawn is-sejbiet ma jaffettwawx lill-konsumatur Ewropew. Riċentament ukoll, instab li prodotti tal-ikel ġodda kellhom livelli ta' radjoattività 'l fuq mil-livelli massimi. Dawn is-sejbiet u l-fatt li għelejjel agrikulturali/ortikulturali ġodda/oħrajn jitkabbru u jinħasdu fiż-żona kkontaminata jipprovdu evidenza li huwa xieraq li l-miżuri attwali jinżammu sa wara it-30 ta' Settembru 2011. Għaldaqstant, huwa xieraq li nkomplu nimplimentaw dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2011, minflok sat-30 ta' Settembru 2011 hekk kif kien inizzjalment previst. Il-prinċipju ta' reviżjoni kull xahar tal-implimentazzjoni tar-Regolament jinżamm.

(5)

Peress li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 ġie emendat bosta drabi f'qasir żmien huwa xieraq li r-Regolament (UE) Nru 297/2011 jiġi sostitwit b'Regolament ġdid.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti tal-għalf u tal-ikel skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 (3) li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, għajr għal prodotti li telqu mill-Ġappun qabel it-28 ta’ Marzu 2011 u għal prodotti li nħasdu u/jew ġew ipproċessati qabel il-11 ta' Marzu 2011.

Artikolu 2

Attestazzjoni

1.   Il-kunsinni kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Kunsinni ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4) għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta' punt tad-dħul magħżul skont l-Artikolu 3(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (minn issa 'l quddiem "il-punt tad-dħul magħżul") (5).

3.   Kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni, li tafferma li:

(a)

il-prodott inħasad u/jew ġie pproċessat qabel il-11 ta' Marzu 2011, jew

(b)

il-prodott joriġina u hu konsenjat minn prefettura għajr dawk ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, jew

(c)

il-prodott ġie konsenjat mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, iżda ma joriġinax f'wieħed minn dawn il-prefetturi u ma ġiex espost għal radjuattività matul it-tranżitu, jew

(d)

fil-każ li l-prodott joriġina mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Nagano, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, il-prodott ma fihx livelli tar-radjonuklidi jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137 'il fuq mil-livelli massimi previsti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

4.   Il-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal prodotti li nqabdu jew inħasdu mill-ibħra tal-kosta tal-prefetturi msemmija hemmhekk, irrispettivament minn fejn jaslu dawn il-prodotti.

5.   Id-dikjarazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 3 għandha titfassal skont il-mudell stipulat fl-Anness I. Din għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun. Għall-prodotti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni għandu jkollha magħha rapport analitiku li ġo fih ikun hemm ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun identifikata permezz ta' kodiċi li għandu jkun indikat fuq id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), jew fuq ir-rapport analitiku msemmi fl-Artikolu 2(5), fuq iċ-ċertifikat sanitarju u fuq kwalunkwe dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna.

Artikolu 4

Notifika bil-quddiem

L-operaturi tan-negozji tal-ikel u l-għalf jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika bil-quddiem tal-wasla ta' kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, minn tal-inqas jumejn tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna, lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-Post Spezzjoni fuq il-Fruntiera jew fuq il-punt tad-dħul magħżul.

Artikolu 5

Kontrolli uffiċjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu:

(a)

kontrolli tad-dokumenti u tal-identità fuq il-kunsinni kollha ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u

(b)

kontrolli fiżiċi, inklużi analiżi tal-laboratorju għall-preżenza ta' jodju-131, ċesju-134 u ċesju-137, fuq minn tal-anqas:

10 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) u

20 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) u (c).

2.   Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali, għal massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol, sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.   Ir-rilaxx tal-kunsinni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni mill-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf jew mir-rappreżentant tiegħu lill-awtoritajiet doganali tad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3), li tkun ġiet approvata kif xieraq mill-awtorità kompetenti fil-post ta'Spezzjoni fuq il-fruntiera jew il-punt tad-dħul magħżul, li tagħti prova li l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 twettqu u li r-riżultati mill-verifiki fiżiċi, fejn saru tali verifiki, kienu favorevoli.

Artikolu 6

Kosti

Il-kosti kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) u 5(2) u kwalunkwe miżura li tittieħed wara li jkun hemm nuqqas ta' konformità, għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf.

Artikolu 7

Prodotti li ma jkunux konformi

L-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun li ma jikkonformawx mal-livelli massimi msemmijin fl-Anness II ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Tali għalf u ikel li ma jikkonformax għandu jintrema b’mod sigur jew jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini.

Artikolu 8

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull xahar permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u s-sistema tal-Iskambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti tal-Unjoni Ewropea (ECURIE) bir-riżultati analitiċi kollha miksuba.

Artikolu 9

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 297/2011 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li tħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u l-perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2011. Ir-Regolament se jiġi rivedut kull xahar sabiex iżomm kont tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta' kontaminazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5.

(3)  ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.

(4)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(5)  ĠU L 194, 25.7.2009 p. 11.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Livelli massimi għall-oġġetti tal-ikel  (1) (Bq/kg)

 

Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

Ħalib u prodotti tal-ħalib

Oġġetti oħra tal-ikel għajr oġġetti tal-ikel likwidi

Oġġetti tal-ikel likwidi

Total ta’ Isotopi tal-istronzju, l-aktar Sr-90

75

125

750

125

Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131

100  (2)

300  (2)

2 000

300  (2)

Total ta’ Isotopi li jarmu Alpha tal-elementi tal-plutonju u tat-trans-plutonju, l-aktar Pu-239, Am-241

1

1  (2)

10  (2)

1  (2)

Total tan-nuklidi l-oħra kollha li jonqsu bin-nofs fi żmien itwal minn 10 ijiem, l-aktar Cs-134 u Cs-137, għajr C-14 u H-3

200  (2)

200  (2)

500  (2)

200  (2)

Livelli massimi għall-oġġetti tal-għalf  (3) (Bq/kg)

 

Oġġetti tal-għalf

Total ta’ Cs-134 u Cs-137

500  (4)

Total ta’ Isotopi tal-jodju, l-aktar I-131

2 000  (5)


(1)  Il-livell applikabbli għall-prodotti konċentrati jew imnixxfa huwa ikkalkulat fuq il-bażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għal konsum.

(2)  Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dawn il-valuri jissostitwixxu fuq bażi provviżorja, il-valuri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 3954/87.

(3)  Il-livell massimu huwa relattiv għall-għalf li għandu kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.

(4)  Sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-livelli ta’ azzjoni li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dan il-valur jissostitwixxi fuq bażi provviżorja, il-valur stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 770/90.

(5)  Dan il-valur huwa stipulat fuq bażi provviżorja u meqjus li huwa l-istess bħal tal-oġġetti tal-ikel, sakemm issir valutazzjoni tal-fatturi ta’ trasferiment tal-jodju mill-oġġetti tal-għalf għall-prodotti tal-ikel.