27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 956/2011

tas-26 ta’ Settembru 2011

li jimplimenta l-Artikoli 12(1) u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 12(1) u 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja.

(2)

Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont l-UNSCR 751 (1992) li jikkonċerna is-Somalja lista aġġornata ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 356/2010 għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

LISTA’ TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 8

I.   Persuni

1.

Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax)

Data tat-twelid: 24 ta’ Diċembru 1965. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Svezja. Post: Rinkeby, Stokkolma, Svezja; Mogadixu, Somalja.

Yasin Ali Baynah inċita l-attakki kontra l-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Barra minn hekk, huwa mmobilizza appoġġ u ġabar fondi f’isem l-Alleanza għar-Riabilitazzjoni tas-Somalja u l-Hisbul Islam, li t-tnejn li huma kienu involuti b’mod attiv f’atti li jheddu l-paċi u s-sigurtà fis-Somalja, inkluż iċ-ċaħda tal-Ftehim ta’ Ġibuti, u attakki fuq il-forzi tat-TFG u l-AMISOM f’Mogadixu. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

2.

Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”)

Data tat-twelid:1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

Hassan Dahir Aweys aġixxa u jkompli jaġixxi bħala mexxej politiku u ideoloġiku għoli għal diversi gruppi ta’ oppożizzjoni armati responsabbli għal ksur ripetut tal-embargo fuq l-armi ġenerali u komplet u/jew atti li jheddu l-ftehim ta’ paċi ta’ Ġibuti, u l-forzi tal-Gvern Federali Transitorju (TFG) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Bejn Ġunju 2006 u Settembru 2007, AWEYSs serva bħala president tal-kumitat ċentrali tal-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi; f’Lulju 2008 huwa ddikjara lilu nnifsu president tal-Alleanza għar-Riliberalizzazzjoni tas-Somalja- il-fergħa ta’ Asmara; u f’Mejju 2009 huwa kien innominat president tal-Hisbul Islam, alleanza ta’ gruppi li jopponu t-TFG. F’kull waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet ta’ AWEYS urew intenzjoni inekwivokabbli u sostnuta li jżarma t-TFG u li jkeċċi l-AMISOM mis-Somalja bl-użu tal-forza.

3.

Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle)

Data tat-twelid: madwar l-1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja.

Hassan Abdullah Hersi Al-Turki kien mexxej għoli ta’ grupp ta’ milizja armat minn nofs is-snin 1990 u kien involut f’bosta ksur tal-embargo fuq l-armi. Fl-2006, al-Turki kkontribbwixxa forzi għat-teħid ta’ Mogadixu mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u ħareġ bħala mexxej militari fil-grupp, allinjat ma’ al-Shabaab. Mill-2006, al-Turki għamel it-territorju taħt il-kontroll tiegħu disponibbli għat-taħriġ ta’ diversi gruppi ta’ oppożizzjoni armati inkluża al-Shabaab. F’ Settembru 2007, al-Turki deher f’filmat tal-aħbarijiet ta’ al-Jazeera li wera t-taħriġ ta’ milizja taħt it-tmexxija tiegħu.

4.

Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”)

Data tat-twelid: 10 ta’ Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

Ahmed Abdi Aw-Mohamed huwa mexxej għoli ta’ al-Shabaab u kien pubblikament innominat emir tal-organizzazzjoni f’ Diċembru 2007. Huwa jeżerċita r-responsabbiltà ta’ kmand għall-operazzjonijiet ta’ al-Shabaab fis-Somalja kollha. Aw-Mohamed iddenunzja l-proċess tal-paċi ta’ Ġibuti bħala kospirazzjoni barranija, u f’registrazzjoni awdjo mogħtija f’ Mejju 2009 lill-media Somala, huwa rrikonoxxa li l-forzi tiegħu kienu involuti fi ġlied reċenti f’Mogadixu.

5.

Fuad Mohamed Khalaf (magħruf ukoll bħala a) Fuad Mohamed Khalif, b) Fuad Mohamed Qalaf, c) Fuad Mohammed Kalaf, d) Fuad Mohamed Kalaf, e) Fuad Mohammed Khalif, f) Fuad Khalaf, g) Fuad Shongale, h) Fuad Shongole, i) Fuad Shangole, j) Fuad Songale, k) Fouad Shongale, l) Fuad Muhammad Khalaf Shongole)

Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadixu, Somalja. Post alternattiv: Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

Fuad Mohamed Khalaf iffaċilita l-appoġġ finanzjarju lil al-Shabaab; F’Mejju 2008, huwa organizza żewġ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi għal al-Shabaab f’moskej f’Kismaayo, Somalja. F’April 2008, Khalaf u bosta individwi oħra ddiriġew attakki b’ tagħmir splussiv li nġarr f’vetturi fuq bażijiet Etijopjani u elementi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu f’Mogadixu, Somalja. F’Mejju 2008, Khalaf u grupp ta’ ġellieda attakkaw u ħatfu għassa tal-pulizija f’Mogadixu, waqt li qatlu u ferew diversi suldati.

6.

Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”)

Data tat-twelid: madwar 1979-1982. Data tat-twelid alternattiva: 1982. Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadixu, Somalja. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 12 ta’ April 2010.

Bashir Mohamed Mahamoud huwa kmandant militari ta’ al-Shabaab. Mahamoud kienu ukoll wieħed minn xi għaxar membri fil-kunsill ta’ tmexxija ta’ al-Shabaab minn tard fl-2008. Mahamoud u assoċjat tiegħu kienu responsabbli mill-attakk bil-bus kontra l-Gvern Federali Transitorju Somalu f’Mogadixu

7.

Mohamed Sa’id (magħruf ukoll bħala a)”Atom”, b) Mohamed Sa’id Atom, c) Mohamed Siad Atom)

Data tat-twelid: madwar l-1966. Post tat-twelid: Galgala, Somalja. Post: Galgala, Somalja. Post Alternattiv: Badhan, Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

MOHAMED SA’ID “ATOM” kien involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. ATOM forna, biegħ, jew ittrasferixxa direttament jew indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat jew parir, taħriġ, jew assistenza, inklużi finanzjament u assistenza finanzjarja, relatati mal-attivitajiet militari bi ksur tal-embargo fuq l-armi. ATOM ġie identifikat bħala wieħed mill-fornituri ewlenin ta’ armi u munizzjon għall-operazzjonijiet ta’ al-Shabaab fir-reġjun ta’ Puntland. Huwa deskritt bħala l-mexxej ta’ milizja li tfaċċat fl-2006 fir-reġjun tal-Lvant ta’ Sanaag fit-Tramuntana tas-Somalja. Il-milizja tinkludi sa 250 ġellied u kienet implikata f’inċidenti ta’ ħtif ta’ persuni, piraterija u terroriżmu, u timporta l-armi tagħha stess, bi ksur tal-embargo fuq l-armi. ATOM stabbilixxa l-forza tiegħu bħala l-preżenza militari ewlenija fiż-żona, b’bażi primarja qrib Galgala u bażi sekondarja qrib Badhan. Skont xi informazzjoni, ATOM huwa allinjat ma’ al-Shabaab u jista’ jirċievi istruzzjonijiet mill-mexxej ta’ al-Shabaab Fu’aad Mohamed Khalaf.

Barra minn hekk, huwa rappurtat li ATOM huwa involut fit-traffikar ta’ armi fis-Somalja. Informazzjoni minn għadd ta’ sorsi tindika li l-forzi tiegħu jirċievu armi u tagħmir mill-Jemen u l-Eritrea. Skont rapport ta’ Diċembru 2008, xhud li ra b’għajnejh iddeskriva sitt konsenji bħal dawn matul perijodu ta’ erba’ ġimgħat fil-bidu tal-2008, u kull waħda kienet biżżejjed biex jimtlew żewġ trakkijiet pickup b’armi żgħar, munizzjon, u granati mmexxija b’rokit (rocket-propelled grenades). Skont negozjant ta’ Bossaso familjari man-negozju tal-armi, il-konsenji ta’ ATOM ma jidħlux fis-suq tal-armi, li jissuġġerixxi li dawn jew jinżammu għall-użu mill-forzi tiegħu jew jiġu ttrasferiti lil destinatarji fin-nofsinhar tas-Somalja, fejn topera al-Shabaab.

Il-forzi ta’ ATOM kienu involuti fil-ħtif ta’ ħaddiem Ġermaniż li jipprovdi l-għajnuna, fil-ħtif ta’ żewġ Somali qrib Bossaso, u f’ibbumbardjar ta’ migranti Etjopjani f’Bossaso fil-5 ta’ Frar 2008, li qatel 20 persuna u darab aktar minn 100 oħra. Il-milizja ta’ ATOM setgħu wkoll kellhom rwol sekondarju fil-ħtif ta’ koppja Ġermaniża maqbuda mill-pirati f’Ġunju 2008.

8.

Fares Mohammed Mana’a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana’a, b) Fares Mohammed Manaa)

Data tat-twelid: 8 ta’ Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; post tal-ħruġ: Sanaa, Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta’ Jannar 1996. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.

FARES MOHAMMED MANA’A forna, biegħ jew ittrasferixxa direttament u indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Mana’a huwa traffikant tal-armi magħruf. F’Ottubru 2009, il-gvern Jemenit ħareġ lista ta’ nies suspettuzi tat-traffikanti tal-armi li fiha Mana’a jinsab “fuq nett”, bħala parti minn sforz biex jitwaqqaf il-fluss ta’ armi fil-pajjiż, fejn huwa rappurtat li hemm aktar armi minn persuni. “Faris Manaa huwa traffikant ewlieni tal-armi, u dan huwa magħruf sew”, skont rapport ta’ Ġunju 2009 minn ġurnalist tal-Istati Uniti li huwa kummentatur dwar l-affarijiet Jemeniti, awtur ta’ rapport ta’ kull sitt xhur dwar il-pajjiż, u kkontribwixxa għall-Grupp tal-Intelligence ta’ Jane. F’artiklu tal-Jemen Times ta’ Diċembru 2007, issir referenza għalih bħala “Sheikh Fares Mohammed Mana’a, traffikant tal-armi”. F’artiklu tal-Jemen Times ta’ Jannar 2008, issir referenza għalih bħala “Sheikh Faris Mana’a, negozjant tal-armi”.

Minn nofs l-2008, il-Jemen kompla jservi bħala ċentru għat-trasport ta’ armi illegali lejn il-Qarn tal-Afrika, b’mod partikolari t-trasport ta’ armi bid-dgħajjes lejn is-Somalja. Hemm rapporti mhux konfermati li Faris Mana’a pparteċipa f’konsenji lejn is-Somalja f’għadd ta’ okkażjonijiet. Fl-2004, Mana kien involut f’kuntratti ta’ armi mill-Ewropa tal-Lvant għal armi li allegatament inbiegħu lill-ġellieda Somali. Minkejja l-embargo fuq l-armi tas-Somalja tan-NU mill-1992, l-interess ta’ Mana’a fit-traffikar ta’ armi fis-Somalja jista’ jiġi traċċat tal-inqas mill-2003. MANA’A offra li jixtri eluf ta’ armi fl-2003 mill-Ewropa tal-Lvant, u indika li ppjana li jbiegħ xi wħud mill-armi fis-Somalja.

9.

Hassan Mahat Omar (magħruf ukoll bħala: a) Hassaan Hussein Adam, b) Hassane Mahad Omar, c) Xassaan Xuseen Adan, d) Asan Mahad Cumar, e) Abu Salman, f) Abu Salmaan, g) Sheikh Hassaan Hussein).

Data tat-twelid: 10 ta’ April 1979. Post tat-twelid: Garissa, Kenja. Nazzjonalità: Possibbilment Etjopjana. Nru tal-Passaport: A 1180173 Kenja, skadenza fl-20 ta’ Awwissu 2017. Karta tal-Identità Nru 23446085. Post: Najrobi, Kenja. Data tan-nomina tan-NU: 28 ta’ Lulju 2011.

Hassan Mahat Omar huwa involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa Imam u wieħed mill-mexxejja ta’ Masjid-ul-Axmar, ċentru informali affiljat ma’ Al-Shabaab f’Najrobi. Huwa involut ukoll fir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u fil-ġbir ta’ fondi għal Al-Shabaab, inkluż online fis-sit elettroniku affiljat ma’ Al-Shabaab alqimmah.net.

Barra minn hekk, huwa ħareġ fatwi għal attakki kontra t-TFG fuq chat room ta’ sit elettroniku ta’ Al-Shabaab.

10.

Omar Hammami (magħruf ukoll bħala: a) Abu Maansuur Al-Amriki, b) Abu Mansour Al-Amriki, c) Abu Mansuur Al-Amriki, d) Umar Hammami, e) Abu Mansur Al-Amriki).

Data tat-twelid: 6 ta’ Mejju 1984. Post tat-twelid: Alabama, Stati Uniti. Nazzjonalità: Stati Uniti. Maħsub ukoll li għandu nazzjonalità Sirjana.

Nru tal-Passaport: 403062567 (US). Nru tas-Sigurtà Soċjali: 423-31-3021 (US). Post: Somalja. Informazzjoni oħra: Miżżewweġ mara Somala. Għex l-Eġittu fl-2005 u mar is-Somalja fl-2009. Data tan-nomina tan-NU: 28 ta’ Lulju 2011.

Omar Hammami huwa involut f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa membru għoli ta’ Al-Shabaab. Huwa involut fir-reklutaġġ, il-finanzjament u l-paga tal-ġellieda barranin fis-Somalja. Huwa deskritt bħala espert fl-isplussivi u l-gwerra inġenerali. Minn Ottubru 2007 huwa deher f’rapporti tat-televixin u f’filmati ta’ propaganda ta’ Al-Shabaab. Huwa deher f’filmat iħarreġ ġellieda ta’ Al-Shabaab. Huwa deher ukoll f’filmati u fuq siti elettroniċi li jappellaw biex aktar ġellieda jingħaqdu ma’ Al-Shabaab.

II.   Entitajiet

AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb’ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement)

Post: Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2011.

Al-Shabaab kienet involuta f’atti li jheddu direttament jew indirettament il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà fis-Somalja, inkluż iżda mhux limitat għal: atti li jheddu l-Ftehim ta’ Ġibuti tat-18 ta’ Awwissu 2008, jew il-proċess politiku; u, atti li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Transitorji (TFIs), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), jew operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta’ paċi relatati mas-Somalja.

Al-Shabaab ostakolat ukoll l-għoti ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, għajnuna umanitarja fis-Somalja.

Skont id-dikjarazzjoni mill-President tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja lill-Kumitat tas-Sigurtà mogħtija fid-29 ta’ Lulju 2009, kemm Al-Shabaab u Hisb’ul Islam pubblikament u b’mod ripetittiv ħadu r-responsabbiltà għall-attakki permezz ta’ forzi fuq il-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-AMISOM. Al-Shabaab ħadet ukoll ir-responsabbiltà għall-qtil ta’ uffiċjali tat-TFG, u fid-19 ta’ Lulju 2009 attakkat u għalqet l-uffiċċji fuq il-post tal-UNOPS, l-UNDSS u l-UNDP fir-reġjuni ta’ Bay u Bakool, bi ksur tal-paragrafu (c) tar-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Al-Shabaab ostakolat b’mod ripetittiv l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha, fis-Somalja.

Ir-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Lulju 2009 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, kien fih il-paragrafi li ġejjin li jinvolvu l-attivitajiet ta’ al-Shabaab fis-Somalja:

Huwa allegat li gruppi ribelli, bħal al-Shabaab, qegħdin jiksbu flus b’theddid jew vjolenza minn kumpanniji privati u jirreklutaw żgħażagħ sabiex jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-Gvern f’Mogadixu, inklużi suldati tfal. Al-Shabaab ikkonfermat il-preżenza ta’ ġellieda barranin fi ħdanha u ddikjarat bil-miftuħ li qiegħda taħdem ma’ al-Qaida f’Mogadixu sabiex tneħħi l-Gvern tas-Somalja. Huwa rappurtat li ħafna mill-ġellieda barranin joriġinaw mill-Pakistan u l-Afganistan, u jidhru mħarrġa sew u lesti għall-battalja. Ġew osservati jilbsu l-barnużi u jmexxu operazzjonijiet offensivi kontra l-forzi tal-Gvern f’Mogadixu u r-reġjuni ġirien.

Al-Shabaab intensifikat l-istrateġija tagħha li tisforza u tintimida lill-popolazzjoni Somala, kif rifless fil-qtil u l-arresti, magħżulin bir-reqqa u ta’ benefiċċju kbir, ta’ anzjani tal-klan, li diversi minnhom inqatlu. Fid-19 ta’ Ġunju 2009, Omar Hashi Aden, il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali, inqatel permezz ta’ bomba suwiċida fuq skala kbira f’karozza f’Beletwyne. Aktar minn 30 persuna oħra nqatlu fl-attakk, li ġie kkundannat bis-saħħa mill-komunità internazzjonali u minn parti kbira tas-soċjetà Somala.

Skont ir-rapport ta’ Diċembru 2008 mill-Grupp ta’ Monitoraġġ tas-Somalja tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2008/769), al-Shabaab hija responsabbli għal diversi attakki fis-Somalja matul dawn l-aħħar snin, inkluż:

Il-qtil u l-qtugħ ir-ras rappurtati ta’ xufier Somalu li kien jaħdem għall-Programm dwar l-Ikel fid-Dinja f’Settembru 2008.

L-ibbumbardjar ta’ suq f’Puntland li qatel 20 persuna u darab aktar minn 100 fis-6 ta’ Frar 2008.

Kampanja ta’ bombi u qtil immirat f’Somaliland bil-ħsieb li jiġu ostakolati l-elezzjonijiet parlamentari tal-2006.

Il-qtil ta’ diversi ħaddiema barranin li jipprovdu l-għajnuna fl-2003 u l-2004.

Skont rapport, al-Shabaab attakkat komposti tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja fl-20 ta’ Lulju 2009, u ħarġet digriet li jipprojbixxi tliet aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti miż-żoni kkontrollati minn al-Shabaab fis-Somalja. Barra minn hekk, il-forzi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu ġġieldu kontra ribelli ta’ al-Shabaab u Hizbul Islam mill-11 sat-12 ta’ Lulju 2009 li rriżulta fil-mewt ta’ aktar minn 60 persuna. Fil-ġlieda tal-11 ta’ Lulju 2009, al-Shabaab tefgħet erba’ murtali ġewwa Villa Somalia li rriżultat fil-mewt ta’ tliet suldati tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u t-tidrib ta’ tmienja oħrajn.

Skont artiklu ppubblikat mill-British Broadcasting Corporation fit-22 ta’ Frar 2009, al-Shabaab ħadet ir-responsabbiltà għal attakk suwiċida permezz ta’ bomba f’karozza fuq bażi militari tal-Unjoni Afrikana f’Mogadixu. Skont l-artiklu, l-Unjoni Afrikana kkonfermat li nqatlu 11-il gwardjan tal-paċi tal-Unjoni Afrikana u li weġġgħu 15 oħra.

Skont artiklu ppubblikat minn Reuters fl-14 ta’ Lulju 2009, militanti ta’ al-Shabaab għamlu qligħ fl-2009 minn attakki fuq stil guerilla fuq forzi Somali u tal-Unjoni Afrikana.

Skont artiklu ppubblikat minn Voice of America fl-10 ta’ Lulju 2009, al-Shabaab kienet involuta f’attakk fuq forzi tal-gvern Somalu f’Mejju 2009.

Skont artiklu li ttella’ fuq sit elettroniku tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin li nkiteb fis-27 ta’ Frar 2009, al-Shabaab ħallset għal ribelljoni kontra l-gvern transitorju tas-Somalja u s-sostenituri Etjopjani tiegħu mill-2006. Al-Shabaab qatlet ħdax-il suldat Burundjan fl-aktar attakk qattiel fuq gwardjani tal-paċi tal-UA mindu ġew stazzjonati u jiddikjara li al-Shabaab kienet involuta fi ġlied serju li qatel mill-inqas ħmistax-il persuna f’Mogadixu.”