3.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 880/2011

tat-2 ta’ Settembru 2011

li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 208/2011 li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 180/2008 u (KE) Nru 737/2008 dwar listi u ismijiet tal-laboratorji ta’ referenza tal-UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Apri 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali, u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-ħidmiet, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta’ referenza tal-UE għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali u l-annimali ħajjin. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u għall-annimali ħajjin huma elenkati fil-Parti II tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 87/2011 tat-2 ta’ Frar 2011 li jaħtar il-laboratorju ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal, li jistipula responsabbiltajiet u ħidmiet supplementari għal dak il-laboratorju u li jemenda l-Anness VII mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ħatar il-laboratorju ta’ referenza tal-UE fil-qasam tas-saħħa tan-naħal u żiedu mal-lista ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u l-annimali ħajjin.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2011 tat-2 ta’ Marzu 2011 li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 180/2008 u (KE) Nru 737/2008 dwar listi u ismijiet tal-laboratorji ta’ referenza tal-UE (3) ħa post l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Madankollu, il-laboratorju ta’ referenza tal-UE fil-qasam tas-saħħa tan-naħal ma kienx inkluż fil-lista ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u l-annimali ħajjin stipulati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 208/2011.

(4)

Huwa importanti li l-lista ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tinżamm aġġornata. Għalhekk, in-nuqqas fir-Regolament (UE) Nru 208/2011 għandu jiġi kkoreġut.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 208/2011, fil-lista ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tal-annimali u l-annimali ħajjin fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jiżdied il-punt 18 li ġej:

“18.   Laboratorju ta’ referenza tal-UE għas-saħħa tan-naħal

ANSES - Sophia-Antipolis Laboratory

Sophia-Antipolis

Franza.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 29, 3.2.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 29.