24.8.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 218/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 844/2011
tat-23 ta’ Awwissu 2011
li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Kanada fuq il-qamħ u d-dqiq tal-qamħ għall-preżenza tal-okratossina A
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex jiġi żgurat il-verifikar tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, is-saħħa tal-annimali u r-regoli tal-benessri tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 23 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (2) jistipula l-livelli massimi permessi ta’ okratossina A fl-oġġetti tal-ikel. Il-prodotti tal-ikel li huma konformi mal-livell massimu biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu regolarment, fuq bażi ta' riskju u bi frekwenza xierqa biex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament, li huma fost l-oħrajn li jiġu pprevenuti, eliminati jew imnaqqsa sa livelli aċċettabbli r-riskji lill-bnedmin u lill-annimali. |
(3) |
L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li jistgħu jiġu approvati kontrolli speċifiċi ta' qabel l-esportazzjoni, imwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf eżatt qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, biex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati huma konformi mar-rekwiżiti tal-Unjoni,. |
(4) |
Din l-approvazzjoni tista' tingħata biss lil pajjiż terż wara li verifika mill-Unjoni Ewropea turi li l-ikel jew l-għalf esportat lill-Unjoni Ewropea jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel ma ssir il-kunsinna jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli ta' dokumenti, ta' identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-Unjoni. |
(5) |
Fit-8 ta' Ottubru 2007 il-Kanada bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tikseb approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada fuq il-kontaminazzjoni mill-okratossina A fil-qamħ (komuni u durum) u d-dqiq tal-qamħ maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall it-tagħrif pprovdut mill-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ, l-awtorità kompetenti tal-Kanada li taħt ir-responsabilità tagħha se jitwettqu l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni, u hi tal-fehma li l-garanziji pprovduti huma sodisfaċenti u jiġġustifikaw l-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni fuq il-qamħ u d-dqiq tal-qamħ għal dik li hija l-preżenza tal-okratossina A. |
(7) |
Huwa għalhekk xieraq li tingħata l-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Kanada fuq il-qamħ u d-dqiq tal-qamħ hekk li tkun aċċertata l-konformità mal-livelli massimi ta' okratossina A stipulati fil-liġi tal-Unjoni. |
(8) |
Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Istati Membri huma mitluba jirregolaw il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq l-importazzjonijiet mar-riskju marbut mal-kategoriji differenti ta' ikel u filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta' oriġini tal-ikel ikkonċernat. Il-kontrolli sistematiċi ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ b'konformità mal-approvazzjoni tal-Unjoni u skont l-Artikolu 23 tar-Regolament 882/2004 jipprovdu livell sodisfaċenti ta' garanziji għal dak li huwa kontaminazzjoni mill-okratossina A fil-qamħ u d-dqiq tal-qamħ u għalhekk jippermettu lill-Istati Membri li jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi mwettqa fuq dawn il-prodotti essenzjali. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Approvazzjoni ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni
Il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni għal dik li hija l-preżenza tal-okratossina A, imwettqa mill-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ eżatt qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, huma approvati għall-oġġetti tal-ikel li ġejjin
(a) |
qamħ li jaqa' taħt il-kodiċi HS/CN 1001, prodott fit-territorju tal-Kanada, u |
(b) |
dqiq tal-qamħ li jaqa' taħt il-kodiċi HS/CN 1101 00, prodott fit-territorju tal-Kanada. |
Artikolu 2
Kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni
1. Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata minn:
(a) |
rapport li fih ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi mwettqa bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (3), jew b'rekwiżiti ekwivalenti, minn laboratorju approvat għal dan l-għan mill-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ; |
(b) |
ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness, mimli, ivverifikat u ffirmat minn rappreżentant tal-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ; iċ-ċertifikat għandu jkun validu għal erba' xhur mid-data tal-ħruġ. |
2. Ir-rapport u ċ-ċertifikat imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw elettronikament wara li jkun sar qbil dwar il-modalitajiet prattiċi.
3. Kull kunsinna ta' oġġetti tal-ikel għandu jkollha kodiċi ta' identifikazzjoni li għandu jerġa' jidher fuq ir-rapport u fuq iċ-ċertifikat imsemmija fil-paragrafu 1. Kull borża individwali, jew forma oħra ta' ppakkjar, tal-kunsinna għandha tiġi identifikata bl-istess kodiċi.
Artikolu 3
Il-qsim tal-kunsinni
F'każ li kunsinna tinqasam, il-kopji taċ-ċertifikat stipulat fl-Artikolu 2 (1) (b) vverifikati mill-Awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jsir il-qsim, għandhom jakkompanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sakemm titħalla fiċ-ċirkolazzjoni libera.
Artikolu 4
Kontrolli Uffiċjali
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 (2) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) 882/2004, il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi mwettqa mill-Istati Membri fuq il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tonqos għal massimu ta' 1% tal-għadd ta' kunsinni ppreżentati skont l-Artikolu 2.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2011.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Awwissu 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.