18.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 824/2011

tat-12 ta’ Awwissu 2011

li jtemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim tal-anti-dumping dwar importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(3) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina, inter alia, mill-Indja. Fit-8 ta’ Marzu 2006, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006 (3) (“ir-Regolament ta’ emenda”) u wara investigazzjoni interim ta’ reviżjoni parzjali, id-dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġina fl-Indja kien emendat.

(2)

Fis-6 ta’ Novembru 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 (4) (“ir-Regolament ta’ reviżjoni”) u wara reviżjoni ta’ skadenza, id-dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina fl-Indja kien ikkonfermat.

(3)

L-MTZ Polyfilms Ltd (“MTZ Polyfilms”), produttur esportatur Indjan li kkoopera mal-investigazzjonijiet ta’ hawn fuq, kiseb rata ta’ dazju individwali bir-Regolament oriġinali. Din ir-rata ta’ dazju ġiet riveduta bir-Regolament ta’ emenda.

(4)

Fid-19 ta’ Mejju 2006, l-MTZ Polyfilms ressaq applikazzjoni (5) fil-Qorti Ġenerali (“il-qorti ta’ Prim’ Istanza” qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona) li tfittex l-annullament tar-Regolament ta’ emenda safejn tapplika għall-MTZ Polyfilms.

(5)

Bis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-143/06 (6), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ emenda sal-punt fejn impona dazju anti-dumping fuq l-MTZ Polyfilms (“is-sentenza”). Il-Qorti Ġenerali sabet li r-Regolament ta’ emenda kien adottat fuq bażi legali skorretta. Ikkunsidrat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali li tippermetti li l-istituzzjonijiet ma japplikawx, meta jkun qed jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, il-metodoloġija preskritta fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku.

(6)

Fit-13 ta’ Mejju 2011, bir-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kusill (UE) Nru 469/2011 (7) fid-9 ta’ Marzu 2011 kien emendat id-dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina fl-Indja minħabba l-iskadenza tad-dazju kompensatorju li sa dak iż-żmien kien parallel.

1.2.   Ftuħ parzjali mill-ġdid

(7)

Fl-20 ta’ Mejju 2010 ġie ppubblikat avviż (8) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-avviż il-partijiet ġew infurmati li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-premessa (5), l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea tat-tertuqa PET manifatturata minn MTZ Polyfilms ma kinux soġġetti aktar għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ emenda u r-Regolament ta’ reviżjoni, u li d-dazji anti-dumping definittivi mħallsa skont dawn ir-regolamenti għall-prodott ikkonċernat manifatturat minn MTZ Polyfilms għandhom jiġu rimborżati jew kanċellati.

(8)

Barra minn hekk, l-avviż reġa’ fetaħ parzjalment l-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim tal-anti-dumping rilevanti dwar l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina, inter alia, fl-Indja sabiex tiġi implementata s-sentenza ta’ hawn fuq tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ MTZ Polyfilms.

(9)

Barra minn hekk, permezz tal-istess avviż, MTZ Polyfilms ġiet mistiedna, jekk tqis li l-aspetti tas-sejbiet li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ emenda ħlief dak imsemmi fil-premessa (5) ma baqgħux validi, tippreżenta talba debitament sostanzjata għal reviżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-MTZ Polyfilms, ir-rappreżentanti tal-pajjiż li qed jesporta, il-produtturi Indjani l-oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ta’ emenda, u l-industrija tal-Unjoni dwar il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż.

(11)

Intlaqgħu xi osservazzjonijiet miż-żewġ produtturi esportaturi fl-Indja (wieħed minnhom kien il-parti kkonċernata direttament, jiġifieri l-MTZ Polyfilms) u l-ieħor kien l-industrija tal-Unjoni.

2.   IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA

2.1.   Kumment preliminari

(12)

Bħala kumment preliminari huwa importanti li wieħed jinnota li l-MTZ Polyfilms ma wieġbitx għall-istedina msemmija fil-premessa (9).

2.2.   Kummenti tal-partijiet interessati

(13)

L-MTZ Polyfilms argumentat li ftuħ parzjali mill-ġdid ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni hija illegali minħabba li mhemmx dispożizzjoni speċifika fir-Regolament bażiku li jippermetti l-possibbiltà li terġa’ tinfetaħ investigazzjoni. L-istess kumpannija ddikjarat ukoll li r-referenza tal-Kummissjoni fl-avviż imsemmi fil-premessa (7) għas-sentenza fil-kawża IPS (“is-sentenza IPS”) (9) kienet żbaljata billi dik is-sentenza kkonċernat proċediment tal-anti-dumping li kien inbeda f’qafas legali differenti peress li skont ir-Regolament bażiku fis-seħħ dak iż-żmien, proċediment tal-anti-dumping kien magħmul minn diversi stadji li jinkludu l-investigazzjoni inizjali u l-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni sussegwenti kollha. Is-sentenza IPS għalhekk kienet titratta l-possibbiltà li tinfetaħ investigazzjoni ġdida fi ħdan il-qafas ta’ proċediment li jkun għaddej. Id-distinzjoni bejn proċediment u investigazzjoni kienet tħassret mir-Regolament bażiku fl-1995 u, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma kinitx bdiet investigazzjoni ġdida fil-qafas ta’ proċediment iżda fetħet mill-ġdid investigazzjoni li, skont l-MTZ Polyfilms, kienet diġà ġiet konkluża bl-impożizzjoni tal-miżuri definittivi.

L-MTZ Polyfilms sostniet li l-kawża tal-IPS ma setgħetx isservi ta’ preċedent minħabba li kienet ibbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (10) (“ir-Regolament bażiku antik”), li skontu ma kinux għadhom bdew japplikaw l-iskadenzi mandatorji b’mod partikolari ż-żmien massimu għall-konklużjoni ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni ta’ 15-il xahar mid-data tal-bidu tagħha. Hija argumentat li f’dan il-każ, l-iskadenza ta’ 15-il xahar kienet għaddiet ftit wara l-ftuħ mill-ġdid fl-20 ta’ Mejju 2010, billi l-miżuri emendati kienu imposti iktar minn 14-il xahar wara l-bidu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali. Finalment, skont l-MTZ Polyfilms, is-sentenza ma kienet teħtieġ l-ebda miżuri ta’ implimentazzjoni billi s-sentenza hija ċara minn kull aspett materjali, sempliċi u mingħajr l-ebda reżervazzjoni u/jew kwalifika speċifika filwaqt li tannulla r-Regolament ta’ emenda fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tat-tertuqa PET manifatturata mill-MTZ Polyfilms.

(14)

Produttur esportatur Indjan ieħor tat-tertuqa PET, li kien ikkoopera mar-reviżjoni interim, argumenta li, billi fil-kalkolu tal-marġini tad-dumping l-istituzzjonijiet kienu applikaw l-istess approċċ bħal dak li ġie kkundannat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha, l-istituzzjonijiet għandhom issa jirrevedu wkoll il-metodoloġija għall-kalkolu tad-dumping ta’ din il-kumpannija, li tirriżulta fl-assenza ta’ marġini ta’ dumping.

(15)

L-industrija tal-Unjoni ddikjarat li, billi l-Qorti Ġenerali kienet annullat ir-Regolament ta’ emenda safejn dan jimponi dazju ta’ anti-dumping fuq l-MTZ Polyfilms, ir-rata ta’ dazju individwali kkalkulata u imposta fl-2001 għandha terġa’ tiġi imposta billi, fir-reviżjoni interim, instab li l-MTZ Polyfilms xorta kien qed jiddampja b’marġini konsiderevoli. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat ukoll tendenza twila ta’ ċikumvenzjoni u frodi tal-oriġini allegatament pprattikata mill-esportaturi Indjani. Barra minn hekk, allegat li kien hemm kapaċità żejda kbira eżistenti fl-Indja u li f’diversi swieq tad-dinja maġġuri oħra, kien hemm miżuri tad-difiża tal-kummerċ fis-seħħ kontra t-tertuqa PET mill-Indja, li inevitabilment iwasslu għal volumi ikbar ta’ importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms.

(16)

L-industrija tal-Unjoni talbet ukoll lill-Kummissjoni tiżgura r-reġistrazzjoni tal-importazzjonjiet billi qieset li ż-żewġ kondizzjonijiet għal reġistrazzjoni bħal din stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kienu ġew sodisfatti.

2.3.   Analiżi tal-kummenti

(17)

Fir-rigward tal-allegata illegalità tal-ftuħ mill-ġdid, huwa mfakkar li fis-sentenza IPS tagħha, l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li f’każijiet fejn proċediment jikkonsisti minn diversi passi amministrattivi, l-annullament ta’ wieħed minn dawn il-passi ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment tal-anti-dumping huwa eżempju ta’ proċediment magħmul minn diversi stadji. Konsegwentement, l-annullament tar-Regolament ta’ emenda fil-konfront ta’ parti waħda ma jimplikax l-annullament tal-proċedura sħiħa qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-regolament. Barra minn dan, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma meħtieġa jikkonformaw mas-sentenza. Dan jimplika wkoll il-possibbiltà li jiġu rimedjati l-aspetti tar-Regolament ta’ emenda li wasslu għall-annullament tiegħu, filwaqt li jitħallew kif inhuma dawk il-partijiet mhux ikkontestati u li mhumiex affettwati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — kif ġie deċiż fil-kawża C-458/98 P (11) (“il-kawża ta’ appell IPS”). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-dikjarazzjoni li mhemmx bażi legali għall-ftuħ mill-ġdid ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni nstabet li hija bla bażi.

(18)

Id-dikjarazzjoni li l-introduzzjoni tal-iskadenzi biex jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-anti-dumping ma tippermettix lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ li huwa l-bażi tal-kawża IPS instabet bla bażi. Qed jitqies li din l-iskadenza mhijiex rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, skadenza bħal din tirregola biss it-tlestija tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni inizjali minn dakinhar tat-tnedija sa dakinhar li tittieħdet azzjoni definittiva, u ma tikkonċerna l-ebda azzjoni sussegwenti li kapaċi jkollha tittieħed, ngħidu aħna, b’riżultat ta’ reviżjoni ġudizzjarja. Ta’ min jinnota li l-Qorti Ġenerali ma għaddietx sentenzi li japplikaw dan ir-raġunament, billi dan irendi impossibbli l-iffinalizzar ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-anti-dumping li tkun ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali sabiex tqis is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (kif jirrikjedi l-Artikolu 266 tat-TFUE). Tabilħaqq, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali dejjem tingħata wara l-iskadenza ta’ investigazzjoni tkun skadiet.

(19)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur Indjan l-ieħor tat-tertuqa PET, huwa mfakkar li l-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ emenda biss safejn dan jimponi dazju tal-anti-dumping fuq l-MTZ Polyfilms. Konsegwentement, is-sentenza ma għandha l-ebda bażi għar-reviżjoni mill-ġdid tal-approċċ u/jew il-kalkoli fir-rigward tal-produtturi esportaturi l-oħra. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni kellha tiġi rrifjutata.

(20)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni msemmija fil-premessa (15), ir-raġunament fil-premessa (17) huwa daqstant validu, jiġifieri il-każistika stabbiliet li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġudika li kien hemm illegalità, il-Kummissjoni tista’ tkompli proċedura ta’ investigazzjoni immedjatament qabel ma’ tkun saret l-illegalità. Għalhekk, mhemm l-ebda bżonn immedjat biex wieħed jirrikorri għal dejta stabbilita qabel, kif ġie argumentat mill-industrija tal-Unjoni.

(21)

Fir-rigward tat-talba mill-industrija tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, ibbażata fuq l-informazzjoni fit-talba u skont id-dejta statistika disponibbli għall-Kummissjoni, ġie konkluż li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet ikkonċernati, ma ġietx sodisfatta (ara wkoll il-premessa (24)). It-talba għar-reġistrazzjoni għalhekk ġiet irrifjutata.

2.4.   Investigazzjoni

(22)

Kif imsemmi fil-premessa (5), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament bażiku fir-rigward tal-MTZ Polyfilms billi kkunsidrat li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jistax iservi bħala bażi legali li tippermetti li l-istituzzjonijiet, meta jkun qed jiġi ffissat il-prezz għall-esportazzjoni, ma jsegwuwx il-metodoloġija preskritta fl-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku. Huwa innutat ukoll li s-sejbiet kollha fir-Regolament ta’ reviżjoni, ħlief dawk li l-Qorti Ġenerali sabet li kienu żbaljati, jibqgħu formalment validi. Dan japplika, b’mod partikolari, għas-sejba li hemm bidliet sinifikanti fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw emenda għad-dazju tal-anti-dumping applikabbli għall-MTZ Polyfilms. Għalhekk, dan l-aspett tar-reviżjoni ma ġiex investigat mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura attwali. Waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni (“PIR”), l-MTZ Polyfilms esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni taħt garanzija ta’ prezz u dan il-bejgħ irrispetta t-termini ta’ din il-garanzija, jiġifieri l-bejgħ sar bi prezzijiet li kienu ogħla mill-prezzijiet minimi miftiehma. Għar-raġunijiet spjegati fir-Regolament ta’ reviżjoni, huwa kkonfermat li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni waqt il-PIR ma jistgħux jintużaw biex jiġi kkalkulat il-marġini ta’ dumping tal-MTZ Polyfilms.

(23)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-investigazzjoni attwali kienet limitata għal analiżi tal-fatti disponibbli għall-istituzzjonijiet rigward l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-MTZ Polyfilms. F’dan ir-rigward, kif stipulat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IPS, l-istituzzjonijiet, meta jkomplu investigazzjoni ta’ anti-dumping wara sentenza li tannulla regolament li jimponi dazji tal-anti-dumping, jkunu intitolati jqisu l-informazzjoni reċenti, inkluża informazzjoni li ġejja minn wara l-perijodu oriġinali tal-investigazzjoni. Jirriżulta wkoll mis-sentenza IPS li din il-possibbiltà li titqies din l-informazzjoni reċenti tapplika wkoll għar-reviżjonijiet, li huwa l-każ ittrattat hawnhekk.

(24)

Huwa nnutat li wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ emenda, u skont l-informazzjoni ta’ statistika disponibbli, il-volumi ta’ importazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms naqqsu sew u saħansitra waqfu mill-2008 ’l hawn. Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li s-sentenza li tannulla r-Regolament ta’ reviżjoni fir-rigward tal-MTZ Polyfilms ingħatat fis-17 ta’ Novembru 2009. L-avviż imsemmi fil-premessa (7), li indika li wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms ma baqgħux suġġetti għall-miżuri tal-anti-dumping, ġie ppubblikat fl-20 ta’ Mejju 2010. Dan ifisser li għal iktar minn sena dawk l-importazzjonijiet ġew suġġetti biss għal dazji kumpensatorji u doganali, u mhux għal dazju tal-anti-dumping. F’dak il-kuntest, id-dejta miġbura abbażi tal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku indikat li waqt is-snin riċenti ma saru l-ebda importazzjonijiet bħal dawn.

2.5.   Konklużjoni

(25)

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kollha msemmija hawn fuq, b’mod partikolari, il-firxa limitata tal-investigazzjoni trattata hawnhekk, li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ma eżaminatx is-sejbiet fuq l-eżistenza taċ-ċirkostanzi mibdula u n-nuqqas ta’ disponnibbiltà ta’ prezz ta’ esportazzjoni affidabbli, il-Kunsill jikkonkludi li l-kalkolu mill-ġdid ta’ marġini ta’ dumping għal MTZ Polyfilms u l-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju tal-anti-dumping fuq l-esportazzjonijiet tat-tertuqa PET immanifatturati mill-MTZ Polyfilms ma jkunux xierqa. B’konsegwenza ta’ dan, huwa konkluż li l-investigazzjoni ta’ reviżjoni li nfetħet mill-ġdid bil-ħsieb li timplimenta s-sejbiet tal-Qorti Ġenerali għandha tintemm mingħajr ma jerġa’ jiġi impost dazju.

(26)

Il-partijiet kollha kkonċernati kienu informati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien hemm il-ħsieb li jintemm il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim dwar l-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li toriġina fl-Indja. Intlaqgħu kummenti mill-industrija tal-Unjoni li saħqet, kif diġà ġie spjegat fil-premessa (15), li r-rata ta’ dazju individwali kkalkulata u imposta fl-2001 għandha terġa’ tkun imposta fuq l-MTZ Polyfilms, u esprimiet il-fehma li t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet fl-Unjoni mill-MTZ Polyfilms ma jfissirx li mhemmx il-possibbiltà li fil-futur il-kumpannija ma tipprattikax dumping li jikkawża ħsara. L-industrija tal-Unjoni enfasizzat ukoll li dan l-aħħar żdied il-volum totali ta’ importazzjonijiet tat-tertuqa PET mill-Indja. Il-kummenti fil-premessa (15) diġà ġew indirizzati fil-premessa (20). Fir-rigward tal-imġieba probabbli tal-MTZ Polyfilms fil-futur, huwa meqjus li l-assenza ta’ kwalunkwe importazzjonijiet mill-kumpannija għal perijodu sinifikanti ta’ żmien, li matulu kienu suġġetti għal rati baxxi ta’ dazju, kif spjegat fil-premessa (24), juri biċ-ċar li mhuwiex probabbli li l-kumpannija tipprattika iktar dumping li jikkawża ħsara. Minkejja l-fatt li reċentement żdiedu l-importazzjonijiet mill-Indja, l-importazzjonijiet mill-MTZ Polyfilms baqgħu żero,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja u manifatturati mill-MTZ Polyfilms hija b’dan mitmuma.

2.   L-importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja u manifatturati mill-MTZ Polyfilms ma għandhomx ikunu suġġett għal dazju tal-anti-dumping skont dan il-proċediment.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(3)   ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(4)   ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(5)   ĠU C 178, 29.7.2006, p. 34.

(6)  Kawża T-143/06 MTZ Polyfilms v Kunsill [2009] Ġabra II-4133.

(7)   ĠU L 129, 17.5.2011, p. 1.

(8)   ĠU C 131, 20.5.2010, p. 3.

(9)  Il-Kawża T-2/95 Industrie des Poudres Sphériques v il-Kunsill [1998] Ġabra II-3939.

(10)   ĠU L 209, 2.8.1988, p. 1.

(11)  Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques v il-Kunsill [2000] Ġabra I-8147.