11.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/44


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 807/2011

tal-10 ta’ Awwissu 2011

li japprova s-sustanza attiva triażossidu, skont it-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 80(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) trid tapplika għas-sustanzi attivi li għalihom ġiet stabbilita l-kompletezza skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 (3), fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni. It-triażossidu huwa sustanza attiva li għaliha ġiet stabbilita l-kompletezza skont dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (4) u (KE) Nru 1490/2002 (5) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati bil-ħsieb li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista kienet tinkludi t-triażossidu. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/860/KE (6) ġie deċiż li t-triażossidu ma jkunx inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(3)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE n-notifikant oriġinali (minn hawn 'il quddiem “l-applikant”) ressaq applikazzjoni ġdida li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura aċċellerata li se tiġi applikata, kif previst fl-Artikoli 14 sa 19 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha.

(4)

L-applikazzjoni ntbagħtet lir-Renju Unit, li kien maħtur bħala l-Istat Membru relatur permezz tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Il-perjodu ta’ żmien għall-proċedura aċċellerata ġie rispettat. L-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva u l-użi sostnuti huma l-istess bħal dawk li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni 2009/860/KE. Dik l-applikazzjoni tikkonforma wkoll mal-bqija tar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 33/2008.

(5)

Ir-Renju Unit evalwa l-informazzjoni l-ġdida u d-dejta mressqa mill-applikant u ħejja rapport addizzjonali. Hija bagħtet dak ir-rapport lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-10 ta' Ġunju 2010.

(6)

L-Awtorità kkomunikat ir-rapport addizzjonali lill-Istati Membri l-oħra u lill-applikant għall-kummenti u għaddiet il-kummenti li kienu waslulha lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 33/2008, u fuq talba tal-Kummissjoni, ir-rapport addizzjonali saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-Awtorità. L-Awtorità mbagħad ippreżentat il-konklużjoni tagħha dwar it-triażossidu lill-Kummissjoni fil-15 ta' Frar 2011 (7). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fis-17 ta’ Ġunju 2011 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għat-triażossidu.

(7)

Ir-rapport addizzjonali tal-Istat Membru relatur u l-konklużjoni l-ġdida tal-Awtorità jikkonċentraw fuq it-tħassib li kien wassal għan-noninklużjoni. Dak it-tħassib kien tali li ma kienx possibbli li titwettaq valutazzjoni tar-riskju għall-konsumatur ta’ min jorbot fuqha, u dan peress li kien hemm dejta nieqsa sabiex tiġi ddeterminata n-natura tar-residwi fil-prodotti ġejjin mill-pjanti u t-trasferiment possibbli ta’ residwi fil-prodotti ġejjin mill-annimali.

(8)

L-informazzjoni l-ġdida li ppreżenta l-applikant turi li l-espożizzjoni tal-konsumaturi tista' titqies aċċettabbli.

(9)

Konsegwentement, id-dejta addizzjonali li pprovda l-applikant tippermetti li jiġu eliminati l-punti speċifiċi ta' tħassib li wasslu għan-noninklużjoni. Ma tqajmet l-ebda mistoqsija xjentifika miftuħa oħra.

(10)

Mill-bosta eżamijiet li saru ħareġ li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-triażossidu jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u rrapportati fid-detall fir-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant ikun xieraq li t-triażossidu jiġi approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(11)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, l-inklużjoni ta' ċerti kondizzjonijiet u restrizzjonijiet hija madankollu neċessarja.

(12)

Mingħajr preġudizzju għall-konklużjoni li t-triażossidu għandu jiġi approvat, huwa partikolarment xieraq li tintalab aktar informazzjoni konfermatorja.

(13)

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista ta' sustanzi attivi approvati (8), għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza attivi

Is-sustanza attiva triażossidu, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata bil-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.

(4)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(5)   ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(6)   ĠU L 314, 1.12.2009, p. 81.

(7)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance triazoxide. EFSA Journal 2011;9(3): [86 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2011.2018. Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm.

(8)   ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Triażossidu

Nru CAS 72459-58-6

Nru CIPAC 729

7-kloro-3-imidażol-1-il-1,2,4-benżotriażina 1-ossidu

≥ 970 g/kg

Impuritajiet:

toluwina: mhux aktar minn 3 g/kg

l-1 ta’ Ottubru 2011

it-30 ta' Settembru 2021

PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala funġiċida għat-trattament taż-żrieragħ.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-triażossidu, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif finalizzati fis-17 ta’ Ġunju 2011 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir protettiv personali adegwat, fejn meħtieġ;

(b)

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għall-għasafar granivori u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

L-applikant għandu sat-30 ta' Settembru 2013 sabiex jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità, informazzjoni konfermatorja fir-rigward tar-riskju fit-tul għall-mammiferi granivori.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


ANNESS II

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 540/2011, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (*1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“17

Triażossidu

Nru CAS 72459-58-6

Nru CIPAC 729

7-kloro-3-imidażol-1-il-1,2,4-benżotriażina 1-ossidu

≥ 970 g/kg

Impuritajiet:

toluwina: mhux aktar minn 3 g/kg

l-1 ta’ Ottubru 2011

it-30 ta' Settembru 2021

PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss l-użu bħala funġiċida għat-trattament taż-żrieragħ.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar it-triażossidu, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif finalizzati fis-17 ta’ Ġunju 2011 fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri:

(a)

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema u jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-użu jinkludu l-applikazzjoni ta' tagħmir protettiv personali adegwat, fejn meħtieġ;

(b)

għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għall-għasafar granivori u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.

L-applikant għandu sat-30 ta' Settembru 2013 sabiex jippreżenta lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità, informazzjoni konfermatorja fir-rigward tar-riskju fit-tul għall-mammiferi granivori.”


(*1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.