9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 791/2011

tat-3 ta’ Awwissu 2011

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri provviżorji

(1)

Bir-Regolament (UE) Nru 138/2011 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).

(2)

Il-proċediment inbeda wara li tressaq ilment fis-6 ta’ April 2010 minn Saint-Gobain Vertex s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozó és Müszakiszövetgyártó, “Valmieras stikla šķiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH (“l-ilmentaturi”), li jirrapreżentaw proporzjon ewlieni, f'dan il-każ ta’ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-“perjodu kkunsidrat”).

2.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbazi tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji tal-anti-dumping (“żvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li bihom urew il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Flimkien mal-verifiki msemmija fil-premessa (11) tar-Regolament provviżorju, twettqu aktar żjarat ta’ verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Il-produttur esportatur li kien talab eżami individwali:

Yuyao Feitian Fiberglass Co. Ltd

 

u n-negozjant relatat tiegħu:

Yuyao Winter International Trade Co. Ltd

 

Importatur mhux relatat fl-Unjoni:

Vimaplás – Tecidos Técnicos Lda., Portugal

(6)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti miksuba permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar finali.

(7)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(8)

Il-prodott ikkonċernat huwa, kif stipulat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2 li jorġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa jaqa' fil-kodiċi NM ex 7019 40 00, ex 7019 51 00, ex 7019 59 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

(9)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, analiżi ulterjuri wriet li l-prodott ikkonċernat ma jistax jiġi kklassifikat taħt tlieta mill-ħames kodiċijiet tan-NM msemmija fil-premessa (8). Għalhekk il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat.

(10)

Qed tinġibed l-attenzjoni wkoll lejn il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed talab kjarifika dwar jekk diski tal-fibreglass humiex inklużi fid-definizzjoni tal-prodott. L-industrija tal-Unjoni kienet tal-fehma li d-diski tal-fibreglass huma prodott fl-istadju aħħari tiegħu (downstream product) b'karatteristiċi differenti minn dawk tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, ġie deċiż li jinġabar aktar tagħrif mill-partijiet interessati qabel tittieħed konklużjoni definittiva dwar din il-kwistjoni.

(11)

Barra l-iżvelar provviżorju, tressqet evidenza mill-industrija tal-Unjoni u mill-Federazzjoni tal-Produtturi Ewropej tal-Abrażivi (sustanzi li joborxu) (“FEPA”) li tirrappreżenta l-utenti tad-diski tal-fibreglass li turi li hemm għadd ta’ stadji fil-proċess ta’ produzzjoni li jridu jitwettqu biex id-drapp b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ jitbiddel f'diski tal-fibreglass. Il-forma fiżika tad-diska hija wkoll differenti mill-prodott ikkonċernat li huwa normalment fornut f'rollijiet (dojoq jew wiesa') u huwa normalment maħsub għal użu aħħari differenti (ir-rinfurzar tar-roti tat-titħin). Dawn l-argumenti kienu kondiviżi mill-produttur esportatur Ċiniż.

(12)

Ġie nnutat ukoll li d-diski tal-fibreglass ma kienu prodotti jew mibjugħa minn l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun fir-RPĊ jew mill-produtturi tal-Unjoni.

(13)

Produttur wieħed tal-Unjoni tad-diski tal-fibreglass li tfaċċa wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji sostna li d-diski tal-fibreglass ma għandhomx ikunu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Huwa stqarr li d-diski tal-fibreglass mhumiex prodott fl-istadju aħħari u wkoll li għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-prodott ikkonċernat u prodott fl-istadju aħħari, fl-istadju ta’ kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa. Skont il-kumpanija, il-kisi tar-rollijiet b'malja miftuħa li jintużaw fis-settur tal-kostruzzjoni huwa differenti minn dak ta’ rollijiet b'malja miftuħa li aktar tard jintużaw għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass. F'dan l-aħħar każ ir-rollijiet huma miksija bir-reżina tal-fenol. Fi kliem ieħor, il-karatteristiċi kimiċi tar-rollijiet b'malja miftuħa maħsuba għall-produzzjoni tad-diski tal-fibreglass huma allegatament identiċi ma’ dawk tad-diski tal-fibreglass. Skont il-kumpanija dawn it-tipi ta’ rollijiet b'malja miftuħa ma jistgħux jintużaw fir-rinfurzar tal-kostruzzjoni, li hija l-applikazzjoni ewlenija tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk il-kumpanija sostniet li jekk id-diski tal-fibreglass kellhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti, ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol għandhom ukoll ikunu esklużi.

(14)

Kif spjegat fil-premessa (13) il-kumpanija tfaċċat biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u għalhekk ma provvdietx dejta verifikabbli li tiġġustifika l-pretensjonijiet tagħha. Billi ma kien hemm l-ebda dejta disponibbli mill-investigazzjoni fir-rigward tat-tipi differenti ta’ kisi użat, il-pretensjoni tal-kumpanija ma setgħetx tiġi evalwata fid-dawl tad-dejta miksuba mill-investigazzjoni. Barra min hekk, irrespettivament mill-kisi, tipi differenti ta’ rollijiet b'malja miftuħa għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi ta’ bażi u għalhekk ir-rollijiet b'malja miftuħa miksija bir-reżina tal-fenol ma għandhomx ikunu esklużi. Din il-pretensjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

(15)

Imsejsa fuq id-dejta miġbura matul l-investigazzjoni u l-evidenza mressqa mill-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (10), mill-industrija tal-Unjoni u mill-FEPA fil-kummenti tagħhom dwar l-iżvelar provviżorju, il-pretensjoni biex id-diski tal-fibreglass jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti hija b'dan aċettata. Qed jiġi għalhekk konkluż li d-diski tal-fibreglass bħala prodott fl-istadju aħħari ma jgawdux l-istess karatteristiċi fiżiċi u għandhom użi differenti meta mqabbla mad-drappijiet b'malja miftuħa u għalhekk għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif definit fir-Regolament provviżorju. Id-diski tal-fibreglass huma għalhekk esklużi definittivament mill-proċediment.

2.   Il-prodott simili

(16)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-prodott simili, il-premessa (17) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

C.   DUMPING

1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)

(17)

Kif stipulat fil-premessi (18) sa (32) tar-Regolament provviżorju, ġie propost inizjalment li jingħata TES lil żewġ kumpaniji iżda fi stadju aktar tard tal-proċediment billi ġie deċiż li din il-proposta titreġġa' lura wara allegazzjonijiet ta’ investigazzjoni li waslu dwar l-istatus ta’ TES tal-kumpaniji kkonċernati li nstabu li kienu korretti.

(18)

Produttur esportatur wieħed, li għalih ġie applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, irrepeta l-argumenti li tressqu diġà meta ġie mgħarraf li l-Kummissjoni kienet beħsiebha tirrifjuta t-TES. Huwa reġa' sostna li l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u l-Kuntratt Konġunt tal-Proġett li waslu għand il-Kummissjoni kienu verżjoni antika li qatt ma kienu daħlu fis-seħħ u li għalhekk ma kellhom l-ebda impatt fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni tat-TES tal-kumpanija.

(19)

Kif stipulat fil-premessa (28) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubji dwar l-awtentiċità tad-dokumenti inizjali u t-tagħrif ipprovdut mill-produttur esportatur meta ressaq il-formola ta’ Talba għal TES.

(20)

Rigward l-argument li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku huwa sproporzjonat f'dan il-każ, il-Kummissjoni tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu fuq bażi ta’ każ b'każ skont il-meriti ta’ kull każ. Fil-proċediment preżenti, l-użu ta’ dan l-Artikolu kien qed jitqies bħala xieraq kif diġà indikat fil-premessi (26), (27) u (31) tar-Regolament provviżorju, billi l-forniment tad-dokumenti ffalsifikati titfa' dubji fuq id-dokumenti kollha pprovduti mill-kumpanija.

(21)

It-tieni produttur esportatur li ġie rrifjutat it-TES iżda li ġie mogħti Trattament Individwali (TI) minflok, ma qabilx mar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni reġġgħet lura d-deċiżjoni tagħha. Huma qiesu li ma kien hemm l-ebda evidenza konvinċenti ġdida li kienet se tnaqqas b'mod sinifikanti s-sejbiet oriġinali biex tiġġustifika t-tħassir tad-deċiżjoni inizjali għall-għoti tat-TES. Sostnew li l-ineżattezzi u l-inkompletezza li nstabu fir-rendikonti finanzjarji tagħhom u li ma kinux rappurtati mill-awditur ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq il-kredibbiltà ta’ dawn il-kontijiet.

(22)

Kif stipulat fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti ma setgħux ineħħu d-dubbji dwar l-eżattezza u l-kompletezza taċ-ċifri preżenti fir-rendikonti finanzjarji.

(23)

Huma jqisu wkoll li l-eżitu tal-investigazzjoni u r-rata ta’ dazju individwali tagħhom hija inġusta u sproporzjonata billi l-kumpanija kkooperat matul il-proċediment u hija soġġetta għall-ogħla rata ta’ dazju bħall-kumpaniji li ma kooperawx u l-kumpanija soġġetta għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward qed jiġi nnotat li l-kumpanija hija soġġetta għal dazju li huwa r-riżultat tal-metodoloġija tas-soltu applikata għall-kumpaniji mogħtija t-TI.

(24)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar it-TES, il-premessi (18) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   L-eżami individwali (EI)

(25)

Kif stipulat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, grupp ta’ kumpaniji relatati li mhuwiex fil-kampjun talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola ta’ talba għal TES fil-limitu ta’ żmien stipulat.

(26)

Kif imsemmi fil-premessa (5), twettqet żjara ta’ verifika fil-bini tal-grupp ta’ kumpaniji relatati u nstab li l-kumpaniji ma ssodisfawx il-kriterji 1, 2, u 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(27)

Rigward l-ewwel kriterju, iż-żewġ kumpaniji relatati naqsu milli jipprovdu biżżejjed evidenza li tikkonċerna l-kontribuzzjoni tas-sidien tal-ishma għall-kapital tal-kumpaniji. Is-sidien tal-ishma ħadu f'idejhom il-kumpaniji inizjalment stabbiliti b'fondi tal-Istat mingħajr ma ħallsu l-ebda kontribuzzjoni huma stess. Flimkien ma’ dan, kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, ma saru l-ebda laqgħat għas-sidien tal-ishma, ma ġew ipprovduti l-ebda minuti ta’ dawn il-laqgħat li jnisslu dubji dwar jekk ittieħdux deċiżjonijiet kummerċjali mis-sidien tal-ishma mingħajr indħil mill-Istat. Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, qed jitqies li l-kumpaniji ma setgħux juru li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħhom ma sarux mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat.

(28)

Fir-rigward tat-tieni kriterju, l-investigazzjoni wriet li l-kotba tal-kontijiet taż-żewġ kumpaniji relatati ma ġewx verifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontijiet, billi kien fihom għadd ta’ nuqqasijiet u żbalji ta’ kontabilità bħal taxxi bbukkjati/mħallsa; żbalji kontinwi fuq kontijiet ta’ interessi li jridu jitħallsu; instab deprezzament nieqes li ma ssemmiex fir-rapporti ta’ verifika.

(29)

Rigward it-tielet kriterju, kumpanija waħda relatata naqqset milli tipprovdi l-Ftehim dwar id-Dritt għall-Użu tal-Art, ma nstab l-ebda buking fil-kontijiet tagħhom u ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ta’ ħlas. It-tieni kumpanija kisbet dritt tal-użu tal-art mill-kumpanija relatata tagħha mingħajr ħlas, li ma kienx jidher fir-rekords tagħha u għalhekk ma kienx imnaqqas.

(30)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, ġie propost li t-TES jiġi rrifjutat lill-grupp ta’ kumpaniji li talbu eżami individwali.

(31)

Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet tat-TES lill-grupp ta’ kumpaniji relatati ikkonċernati fir-RPĊ u lill-ilmentaturi. Huma kienu mogħtija opportunità wkoll biex iressqu fehmiethom bil-miktub u biex jitolbu seduta jekk kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn kellhom jinstemgħu. Ma waslu l-ebda kumenti wara l-iżvelar tas-sejbiet tat-TES.

3.   Trattament Individwali (TI)

(32)

Ġie stabbilit b'mod provviżorju li wieħed mill-grupp ta’ produtturi esportaturi ta’ kumpaniji fil-kampjun fir-RPĊ li ma ngħatawx it-TES, kienu jissodisfa r-rekwiżiti kollha għal TI.

(33)

Barra dan, kif stipulat fil-premessa (35) tar-Regolament provviżorju, il-produttur esportatur li lilu treġġgħelu lura t-TES, kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex minflok, jingħata TI.

(34)

L-industrija tal-Unjoni ikkontestat id-deċiżjoni li jingħata TI lill-kumpanija li lilha treġġgħelha lura t-TES, waqt li stqarret li l-kontijiet mhux kompluti u d-diskrepanzi jiddiskreditaw id-dejtaset kollu tal-kumpanija. Madankollu, sar magħruf li l-irregolaritajiet li nstabu fil-kontijiet ma kellhom l-ebda impatt fuq il-kredibbiltà tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpanija. Il-pretensjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk ma ntlaqgħetx.

(35)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni inizjali li tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għal TI hija għalhekk ikkonfermata. Il-premessi (33) sa (36) tar-Regolament provviżorju riward it-TI huma b'dan ikkonfermati.

(36)

Flimkien ma’ dan, il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali, talbu wkoll TI, fil-każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal TES. Instab li dawn kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TI.

(37)

L-industrija tal-Unjoni qajmet dubju dwar id-deċiżjoni li jingħata TI lill-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati waqt li stqarret li billi d-dejta tal-kumpaniji nstabet li ma kinetx kredibbli għall-evalwazzjoni tat-TES, din id-dejta ma setgħetx titqies biżżejjed għall-għoti ta’ TI. Il-pretensjoi tal-industrija tal-Unjoni ma ntlaqgħetx billi nstab li dawn l-irregolaritajiet identifikati fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-TES ma kellhom l-ebda impatt fuq l-eliġibbiltà għal rata' ta’ dazju individwali u għalhekk seta' jingħata TI.

4.   Valur normali

(a)   L-għażla tal-pajjiż analogu

(38)

Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-għażla tal-pajjiż analogu. Għalhekk, huwa kkonfermat li l-Kanada huwa pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Il-premessi (39) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(b)   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(39)

Qed jitfakkar li kien jitqies aktar xieraq li jinbena valur normali biex jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott simili prodott u mibjugħ fil-Kanada u l-prodott mir-RPĊ kkonċernat. Għalhekk inbena valur normali bl-użu tal-kost tal-manifattura tal-produttur Kanadiż flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“BĠ&A”) u għall-profitt fis-suq domestiku.

(40)

Il-kumpaniji li ngħataw TI ma qablux mal-kalkolu tal-valur normali kostruwit (“VN”), u waħda minnhom qajmet dubju partikolarment dwar jekk dan kienx kostruwit skont it-tip ta’ prodott. Ġie kkonfermat li l-VN kien kostruwit skont it-tip ta’ prodott fuq il-bażi tad-dejta miksuba mill-produttur uniku tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż analogu. Minħabba l-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità, il-VN ġie żvelat fil-forma ta’ firxa ta’ prezzijiet.

(41)

Tliet partijiet sostnew li l-VN żvelat ma kienx jipprovdi fehma raġjonevoli tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom tfassal il-marġni ta’ dumping. Il-kumpaniji kollha talbu aktar dettalji dwar il-kostruzzjoni tal-VN inkluż l-ammont tal-aġġustamenti varji li saru lill-VN biex jitqiesu d-differenzi fil-kwalità. Madankollu, wara li ġie kkunsidrat l-obbligu li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità tad-dejta, tqies li l-kumpaniji ġew ipprovduti bit-tagħrif kollu li seta' jiġi żvelat.

(42)

Għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-premessi (46) sa (49) tar-Regolament provviżorju rigward id-determinazzjoni tal-valur normali huma b'dan ikkonfermati.

(c)   Il-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-produtturi esportaturi li ngħataw it-TI

(43)

Waħda mill-kumpaniji li ngħatat it-TI fl-istadju provviżorju, talbet spjega dwar il-kalkolu tal-ipejjeż ta’ ppakkjar billi dawn qiesu li d-dejta żvelata dwar l-ippakkjar ma kinetx turi korrelazzjoni konsistenti la mal-volum u lanqas mal-valur tat-trażazzjonijiet. Billi din il-kumpanija ma kinetx talbet għall-ispejjeż ta’ ppakkjar fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping, il-kost tal-ippakkjar ġie għalhekk ikkalkolat fuq il-bażi tat-tagħrif miksub miż-żewġ produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun.

(44)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (50) tar-Regolament proviżorju hija b'dan ikkonfermata.

(45)

Wara żvelar tas-sejbiet definittivi, il-grupp ta’ kumpaniji relatati li għandu jingħata TI stqarr li l-ispejjeż ta’ kummissjoni ma kellhomx jitqiesu waqt li ġew ikkalkulati l-bosta benefiċċji mnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni. Il-pretensjoni ġiet aċċettata u l-prezz ta’ esportazzjoni aġġustat kif xieraq filwaqt li l-marġni ta’ dumping tal-grupp ġie revedut b'riżultat ta’ dan.

(d)   Tqabbil

(46)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni fuq il-livell tal-prezz tal-fabbrika, il-premessi (51) u (52) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5.   Marġnijiet ta’ dumping

(a)   Gћall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ngћataw it-TI

(47)

Importatur wieħed tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni laqa' tajjeb l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji billi dawn kellhom jirrestawraw il-prezz ta’ importazzjoni għal livelli mhux dannużi. Madankollu, huwa qies li differenza ta’ aktar minn 10 % bejn id-dazji varji imposti setgħet tfixkel is-suq. Għalhekk, huwa talab li l-miżuri jiġu rreveduti biex il-kumpanija li ngħatat TI soġġett għar-rata ta’ dazju individwali aktar baxxa ma tkunx tista' tibbenefika minnu. L-importatur stqarr li r-riskju ta’ evażjoni mill-produttur esportatur bir-rata ta’ dazju individwali aktar baxxa kien żdied. Madankollu, l-ebda tagħrif ieħor addizzjonali jew evidenza ma ngħataw biex jiġġustifikaw din il-pretensjoni, u għalhekk ma tqisitx.

(48)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Il-marġni definittiv tad-dumping

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

62,9  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

48,4  %

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd

60,7  %

(b)   Gћall-produtturi esportaturi l-oћra kollha

(49)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (53) sa (57) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(50)

Fuq din il-bażi, il-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu qed jiġi stabbilit definittivament għal 62,9 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, dazju mhux imħallas, u l-premessa (58) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

D.   ĦSARA

1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni

(51)

Qed jiġi ċċarat li fil-premessa (59) tar-Regolament provviżorju, it-terminu “industrija tal-Unjoni” jirreferi għall-produtturi kollha tal-Unjoni. Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonferma l-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessa (60) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

2.   Il-konsum tal-Unjoni

(52)

Kif spjegat fil-premessa (9), il-kodiċijiet tan-NM ex 7019 90 91, ex 7019 90 99 u ex 7019 40 00 għandhom jitneħħew mid-deskriżżjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esklużjoni ta’ dawn il-kodiċijiet ma biddlitx is-sejbiet fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, inklużi l-importazzjonijiet, li kienu msejsa fuq ċifri li jinsabu fl-ilment, supplementati b'ċifri verifikati miksuba minn kumpaniji li kkooperaw u miċ-ċifri tal-Eurostat.

(53)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (61) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(54)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li humma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat, is-sejbiet imniżżla fil-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

(55)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor li jikkonċerna t-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-metodoloġija deskritta fil-premessi (67) u (68) tar-Regolament provviżorju biex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet, inkluż il-kwalità, hija kkonfermata. Madankollu, wara l-eżami individwali mogħti wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji lil grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, it-tqabbil tal-prezz ta’ tipi ta’ prodotti simili reġa' gie evalwat. Din ir-rivalutazzjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ kienu qegħdin iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 30-35 % matul il-PI.

4.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

(56)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (69) sa (84) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

5.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(57)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-ħsara, il-premessi (85) sa (87) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

E.   KAWŻALITÀ

1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(58)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, il-premessi (89) sa (91) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   Effetti ta’ fatturi oħra

(59)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-effetti ta’ fatturi oħra, il-premessi (92) sa (96) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

3.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(60)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor rigward il-konklużjoni dwar il-kawżalità, il-premessi (97) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(61)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (101) sa (103) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   L-interess tal-importaturi

(62)

Billi ma kienx hemm kummenti dwar l-interess tal-importaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tal-importaturi.

3.   L-interess tal-utenti u tal-konsumaturi

(63)

Qed jitfakkar li fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni ma waslet l-ebda kooperazzjoni tal-utenti jew tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, assoċjazzjoni waħda tal-utenti ressqet xi kummenti. Madankollu, il-kummenti kienu jindirizzaw biss l-impatt negattiv potenzjali tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq id-diski tal-fibreglass, kemm-il darba dawn ma jiġux esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Kif deskritt fil-premessa (15) qed jitqies li d-diski tal-fibreglass għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodotti. Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-utenti tad-diski tal-fibreglass.

(64)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar l-interess tal-utenti u tal-konsumaturi, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma tmurx kontra l-interess tagħhom.

4.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(65)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

1.   Il-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(66)

Barra l-iżvelar provviżorju, produttur esportatur Ċiniż wieħed stqarr li ma kienx ipprovdut b'dejta dettaljata biżżejjed dwar il-kalkoli ta’ marġni ta’ ħsara tiegħu billi d-dejta dwar il-volumi, il-valuri u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għal kull tip ta’ prodott ma kinetx żvelata. Il-kumpanija stqarret li billi l-kampjun kien jikkonsisti minn erba' produtturi tal-Unjoni dan it-tagħrif ma setax jitqies bħala kunfidenzjali. Madankollu, għandu jiġi nnotat li xi tipi ta’ prodotti nbigħu fil-PI minn għadd limitat ħafna ta’ produtturi tal-Unjoni. Għalhekk kien qed jitqies prudenti li ma jigux żvelati prezzijiet, volumi u valuri ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, l-iżvelar taċ-ċifri ddettaljati għall kull tip ta’ prodott mhuwiex meqjus meħtieġ biex il-partijiet ikunu jistgħu jifhmu biżżejjed il-metodoloġija ta’ kalkolu u r-riżultat tal-kalkolu.

(67)

L-istess produttur esportatur Ċiniż kellu dubji dwar il-profitt fil-mira użat fil-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara, b'mod partikolari l-fatt li l-profitt fil-mira kien identiku għall-marġni ta’ profitt medju ppeżat tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Huwa kellu dubji wkoll dwar l-użu tad-dejta mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fl-istabbiliment tal-profitt fil-mira kuntrarju għal dejta li tirreferi għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. Fl-aħħar, huwa wera dubbji dwar il-livell tal-profitt fil-mira użat meta mqabbel ma’ dak użat f'investigazzjoni oħra reċenti li tikkonċerna settur ta’ prodott relatat mill-qrib.

(68)

Kif spjegat fil-premessa (112) tar-Regolament provviżorju il-profitt fil-mira jirrifletti l-profitt medju miksub mill-industrija tal-Unjoni fis-snin 2006-2007 waqt li l-profitt medju ppeżat fil-PI ġie kkalkolat fuq id-dejta tal-erba' kumpaniji fil-kampjun. Barra dan, kif spjegat fil-premessa (79) tar-Regolament provviżorju dan il-profitt ma kkunsidrax l-ispejjeż straordinarji ta’ ristruzzjoni li ġew irrappurtati minn xi wħud mill-produtturi fil-kampjun. Huwa għalhekk b'kumbinazzjoni li dawn iż-żewġ ċifri ta’ profitt huma identiċi.

(69)

Rigward il-kwistjoni ta’ liema dejta għandha tintuża biex jiġi ddeterminat il-profitt fil-mira, wieħed għandu jinnota li meta jittieħdu l-kampjuni, il-livell ta’ profitt huwa wieħed mill-indikaturi mikro tal-analiżi tal-ħsara. Konsegwentement, iċ-ċifra stabbilita għall-kampjun titqies bħala rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali. F'investigazzjoni fejn jittieħdu l-kampjuni, il-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara huwa dejjem imsejjes fuq dejta miġbura minn kumpaniji fil-kampjun.

(70)

Fl-aħħar, rigward ir-referenza li saret għall-profitt ta’ mira użat f'investigazzjoni oħra ta’ anti-dumping, għandu jkun enfasizzat li s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ kull investigazzjoni huma msejsa fuq id-dejta miġbura mill-kumpaniji ta’ kull investigazzjoni li jkunu kkooperaw, għal deskrizzjoni speċifika ta’ prodott u għal perjodu ta’ żmien. Għalhekk huwa impossibbli li wieħed jorbot b'mod dirett is-sejbiet ta’ dawn iż-żewġ investigazzjonijiet separati ma’ żewġ PI differenti.

(71)

Rigward il-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara, minħabba fil-korrezzjoni ta’ żball tal-pinna fil-kalkolu tal-marġni ta’ ħsara provviżorju li jikkonċerna produttur esportatur wieħed, il-marġni tiegħu ġie aġġustat aktar 'il fuq. Dan il-fatt madankollu ma jaffettwax il-livell ta’ dazju anti-dumping ta’ din il-kumpanija billi d-dazju huwa msejjes fuq il-marġni ta’ dumping.

(72)

Għandha wkoll tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li minħabba li ngħata TI lil grupp ieħor ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi kif spjegat fil-premessa (32), ġie kkalkolat marġni ta’ ħsara individwali għalihom.

(73)

B'konsegwenza tar-reviżjonijiet imsemmija fil-premessa (71) ġie rrevedut il-marġni ta’ ħsara medju ppeżat għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun kif ukoll il-marġni residwali ta’ ħsara għall-produtturi li ma kkooperawx.

(74)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ ħsara definittiva espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpanija

Il-marġni ta’ ħsara definittiv

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

69,1  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

77,4  %

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd

87,6  %

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

72,1  %

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd

87,6  %

2.   Miżuri definittivi

(75)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri ta’ anti-dumping definittivi fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell aktar baxx tal-marġnijiet ta’ dumping u ta’ ħsara, skont ir-regola dwar id-dazju iżjed baxx. B'konformità ma’ dan, ir-rati kollha tad-dazju għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu.

(76)

Id-dazji tal-anti-dumping proposti huma dawn li ġejjin:

Kumpanija

Marġni tal-eliminazzjoni tal-ħsara

Marġni ta’ dumping

Rata tad-dazju tal-anti-dumping

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

69,1  %

62,9  %

62,9  %

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

77,4  %

48,4  %

48,4  %

Yuayo Feitian Fiberglass Co., Ltd

87,6  %

60,7  %

60,7  %

Il-medja ppeżata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

72,1  %

57,7  %

57,7  %

Il-marġni residwali għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx u għal Ningbo Weishan Duo Bao Building Materials Co., Ltd

87,6  %

62,9  %

62,9  %

(77)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpanija individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu kif kienet il-qagħda matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jiġu prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti impurtati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b'isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(78)

Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju ta’ anti-dumping għal kumpanija individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) minnufih flimkien mat-tagħrif rilevanti kollu, b'mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u b'esportazzjoni assoċjat ma', pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

(79)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar finali. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet kienu kkunsidrati sew, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet kienu modifikati skont dan.

(80)

Il-grupp taż-żewġ kumpaniji relatati li talbu eżami individwali u li ngħata TI esprima l-intenzjoni tiegħu li joffri garanzija. Madankollu, il-grupp ma bagħat l-ebda offerta għal garanzija fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku u għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat.

(81)

Sabiex jiġi żgurat l-istess trattament bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-dazju medju ppeżat impost fuq dawn il-kumpaniji tal-aħħar għandu jiġi previst sabiex jiġi applikat għal kwalunkwe esportatur ġdid li nkella jkollu dritt għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku billi dak l-Artikolu ma japplikax fejn ikun sar it-teħid tal-kampjuni.

3.   Il-ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

(82)

Fid-dawl tal-kobor tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju tal-anti-dumping, imposti bir-Regolament provviżorju, jinġabru b'mod definittiv sakemm jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Peress li d-diski tal-fibreglass issa huma esklużi mill-ambitu tal-prodott (ara l-premessa (15)), l-ammonti garantitit b'mod provviżorju fuq importazzjonijiet tal-fibreglass għandhom jiġu rilaxxati. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti b'mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan, qed jiġi impost dazju ta’ anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tad-drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ, ta’ daqs ta’ ċellola ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisgħa u li tiżen aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-fibreglass, li bħalissa jinsabu fil-kodiċijiet tan-NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (il-kodiċijiet tat-TARIC 7019510010 u 7019590010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi addizzjonali TARIC

Yuyao Mingda Fiberglass Co., Ltd

62,9

B006

Grand Composite Co., Ltd u l-kumpanija relatata tagħha Ningbo Grand Fiberglass Co., Ltd

48,4

B007

Yuyao Feitian Fiberglass Co., Ltd

60,7

B122

Kumpaniji elenkati fl-Anness I

57,7

B008

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

62,9

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   L-ammonti garantiti bħala dazju ta’ anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta’ diski tal-fibreglass li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jiġu rilaxxati fuq talba.

2.   L-ammonti garantiti bħala dazju ta’ anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 138/2011 fuq l-importazzjoni ta’ ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru definittivament sakemm dan jikkonċerna prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00. L-ammonti garantiti b'eċċess tar-rati ta’ dazju anti-dumping definittivi għandhom jiġu rilaxxati, inklużi l-ammonti li kienu jkunu garantiti għal prodotti li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM ex 7019 40 00, ex 7019 90 91 u ex 7019 90 99.

Artikolu 3

Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2009 sat-30 ta’ Marzu 2010),

ma jkun relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

li effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi dwar proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li jkun ikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista' jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja ppeżata ta’ 57,7 %.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.

(3)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/090, 1049 Brussels, Belgium.


ANNESS I

PRODUTTURI ESPORTATURI ĊINIŻI LI KKOOPERAW, MHUX INKLUŻI FIL-KAMPJUN (IL-KODIĊI ADDIZZJONALI TARIC B008)

 

Jiangxi Dahua Fiberglass Group Co., Ltd

 

Lanxi Jialu Fiberglass Net Industry Co., Ltd

 

Cixi Oulong Fiberglass Co., Ltd

 

Jiangsu Tianyu Fibre Co., Ltd

 

Jia Xin Jinwei Fiber Glass Products Co., Ltd

 

Jiangsu Jiuding New Material Co., Ltd

 

Changshu Jiangnan Glass Fiber Co., Ltd.

 

Shandong Shenghao Fiber Glass Co., Ltd

 

Yuyao Yuanda Fiberglass Mesh Co., Ltd

 

Ningbo Kingsun Imp & Exp Co., Ltd

 

Ningbo Integrated Plasticizing Co., Ltd

 

Nankang Luobian Glass Fibre Co., Ltd

 

Changshu Dongyu Insulated Compound Materials Co., Ltd


ANNESS II

Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3), għandu jkun hemm dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

1.

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taћt iffirmat, niċċertifika li (l-volum) ta’ drappijiet b'malja miftuħa tal-fibra tal-ħġieġ li nbiegћ gћall-esportazzjoni fl-Unjoni Ewropea u li huwa kopert b'din il-fattura ġie manifatturat minn (l-isem u s-sede reġistrata tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

Data u firma”