3.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 762/2011

tad-29 ta’ Lulju 2011

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-limiti taż-żmien iffissat mill-President tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhix konformi ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett ċilindriku vojt minn ġewwa u mingħajr kamin, magħmul mill-azzar, li mhux stainless steel, miksi biż-żingu (li jsejħulu “musmar espress”). Għandu fetħa kompluta fuq naħa waħda tiegħu. Tarf minnhom huwa kemxejn milwi 'l barra. It-tarf l-ieħor għandu xifer misnun u jaqta'.

L-oġġett jintuża għar-rabta, billi jissammar f'toqba magħmula bi trapan biex, pereżempju, jiġu stallati malajr it-twavel mal-ħitan tal-konkrit. It-tarf misnun jagħmilha aktar faċli biex jidħol fit-toqba. Il-fatt li huwa vojt minn ġewwa, il-fetħa fuq naħa minnhom u t-tarf milwi 'l barra jagħmluh kapaċi jorbot aktar tajjeb meta jissammar kollu kemm hu.

 (*1) Ara l-istampa

7317 00 90

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 7317 00  u 7317 00 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7318 hija eskluża minħabba li d-disinn tal-oġġett ma jixbaħ lil dak tal-ebda wieħed mill-oġġetti msemmijin taħt dik l-intestatura.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7326 hija eskluża minħabba li l-oġġett ma jistax jitqies bħala kavilja tal-azzar għax, minħabba l-mod kif inhu magħmul, mhux imfassal biex jippermetti l-issikkar tal-viti fil-ħitan tal-ġebel.

L-oġġett jixbaħ lil musmar tal-intestatura 7317 , u jaħdem bl-istess mod. Huwa biżżejjed li jissammar kollu kemm hu biex jiġi żgurat li dak li jkun se jintrabat, ngħidu aħna tavla, jibqa' mwaħħal sod f'postu.

Għalhekk, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 7317 00 90 , bħala prodott ieħor magħmul mill-azzar, li jixbaħ lil musmar.

Image 1

(*1)  L-istampa qed tintuża biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.