2.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/33


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 755/2011

tal-1 ta’ Awwissu 2011

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011.

(2)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja u f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/488/PESK tal-1 ta' Awwissu 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (2), persuni oħrajn għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi mniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 442/2011,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-persuni elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi mniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 442/2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)   ĠU L 121, 10.5.2011, p. 1.

(2)  Ara paġna 74 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

Persuni msemmija fl-Artikolu 1

A.   Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni (data tat-twelid, post tat-twelid…)

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Is-Sur Mohammad Mufleh

 

Kap tal-Intelligence Militari Sirjana tal-belt ta' Hama, implikat fir-ripressjoni kontra l-manifestanti.

1.8.2011

2.

Maġġur Ġeneral Tawfiq Younes

 

Kap tad-Dipartiment għas-Sigurtà Interna tad-Direttorat tal-Intelligence Ġenerali; involut fil-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili.

1.8.2011

3.

Is-Sur Mohammed Makhlouf (magħruf ukoll bħala Abu Rami)

Imwieled f'Latakia, Sirja 19.10.1932

Soċju mill-qrib u z-ziju matern ta' Bashar u Mahir al-Assad Soċju fin-negozju u missier Rami, Ihab u Iyad Makhlouf.

1.8.2011

4.

Ayman Jabir

Imwieled f'Latakia

Soċju ta' Mahir al-Assad għall-milizja ta' Shabiha. Involut direttament fir-ripressjoni u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili u l-koordinazzjoni tal-grupp tal-milizja ta' Shabiha

1.8.2011

5.

Ġeneral Ali Habib Mahmoud

Imwieled f'Tartous, 1939. Maħtur Ministru tad-Difiża fit-3 ta' Ġunju 2009

Ministru tad-Difiża. Responsabbli għat-tmexxija u l-operazzjonijiet tal-Forzi Armati Sirjani involuti fir-ripressjoni u l-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili.

1.8.2011