|
29.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 744/2011
tat-28 ta’ Lulju 2011
li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Karlovarské oplatky (IĠP)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 6(2) u f’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 mir-Repubblika Ċeka għar-reġistrazzjoni tal-isem “Karlovarské oplatky”, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Il-Ġermanja u l-Awstrija ressqu l-oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu ammissibbli abbażi tal-punti (a), (b), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, tal-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(3) |
Bl-ittri tal-21 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri konċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. |
|
(4) |
Minħabba li ma ntlaħaq l-ebda qbil la bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija u lanqas bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(5) |
Rigward l-allegat nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 2 dwar id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika u l-produzzjoni fiha, l-użu u l-karatteristiċi tal-ilma termali tan-nixxiegħa, u l-apparenza ta’ disinn grafiku fuq il-wejfers, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli pprovdew konferma li dawn l-elementi kienu korretti u barra minn hekk ma ġie identifikat ebda żball evidenti. L-awtoritajiet nazzjonali pprovdew aktar evidenza biex juru li l-isem “Karlovarské oplatky” kien użat fis-sens tal-Artikolu 2(1) il-punt (b) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u ġie propost mill-grupp tal-produtturi identifikat. |
|
(6) |
Instab li t-termini “Karlsbader Oblaten” u “Karlovarské oplatky” huma traduzzjonijiet ta’ xulxin fil-lingwa Ġermaniża u dik Ċeka rispettivament. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni mill-Ġermanja wrew li marki kummerċjali li jinkludu t-terminu “Karlsbader Oblaten” kienu ġew irreġistrati qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-terminu “Karlovarské oplatky” bħala indikazzjoni ġeografika protetta. Ġiet ipprovduta xi evidenza biex turi li f’każ ieħor, isem seta’ kiseb l-istatus ta’ marka kummerċjali minħabba l-użu. Ġiet ipprovduta aktar evidenza biex turi li l-konsumaturi fil-Ġermanja assoċjaw l-isem “Karlsbader Oblaten” ma’ tip ta’ gallettina partikolari. Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza fid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni li l-konsumaturi jassoċjaw il-wejfers mal-marki kummerċjali kollha jew uħud minnhom bħala distinti mit-terminu ta’ deskrizzjoni “Karlsbader Oblaten”, l-anqas li l-konsumaturi hemm ċans li jesperjenzaw qerq dwar l-indentità vera tal-prodott imqiegħed fis-suq taħt l-isem “Karlovarské oplatky”. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li r-reġistrazzjoni tal-isem “Karlovarské oplatky” ikun f’konflitt mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(7) |
Minħabba li parti sostanzjali tal-ismijiet “Karlsbader Oblaten” u “Karlovarské oplatky” hija identika, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-ismijiet huma parzjalment identiċi għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Barra minn hekk, bħala traduzzjoni ta’ xulxin, u minħabba s-similaritajiet fonetiċi tal-kliem u d-dehra taż-żewġ prodotti u l-oriġini komuni tagħhom, l-applikazzjoni għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, b’mod partikolari il-punt (b) tal-paragrafu (1) tiegħu, tista’ twassal għal każ fejn jekk l-“Karlovarské oplatky” jekk jiġi rreġistrat, dan jista’ jinstab prottett kontra l-użu tal-isem ta’ “Karlsbader Oblaten” fuq il-wejfers konċernati minn qorti kompetenti. Għalhekk l-evidenza turi li l-kontinwità tal-eżistenza tal-isem “Karlsbader Oblaten”, tista’ tiġi pperikolata bir-reġistrazzjoni tal-“Karlovarské oplatky” fi ħdan it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(8) |
Id-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjoni ġew iddikjarati ammissibli fuq il-bażi inter alia, li r-reġistrazzjoni tal-isem propost tista’ tipperikola l-eżistenza ta’ isem parzjalment identiku, jiġifieri “Karlsbader Oblaten”, f’każijiet fejn dan l-isem jintuża għall-prodott u ma jkunx protett taħt il-leġiżlazzjoni tal-marka kummerċjali. L-evidenza turi wkoll li l-isem “Karlsbader Oblaten” oriġina mill-produtturi tal-belt li qabel kienet magħrufa bħala Karlsbad u li l-produzzjoni tal-gallettina hekk msemmija kompliet għall-perjodu konsiderevoli ta’ żmien. Barra minn hekk, l-evidenza turi wkoll li l-użijiet tal-isem “Karlsbader Oblaten” jirreferu għall-prodott awtentiku u tradizzjonali li għandu oriġini komuni mal-“Karlovarské trojhránky”, imma ġeneralment ma kienx maħsub li jisfrutta r-reputazzjoni tal-aħħar isem. Għal dawn ir-raġunijiet, u f’interessi tal-ġustizzja u tal-użu tradizzjonali, għandu jiġi previst il-perjodu tranżizzjonali massimu stabbilit mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(9) |
Rigward il-marki kummerċjali li fihom it-terminu “Karlsbader Oblaten” li kienu ġew protetti bir-reġistrazzjoni jew ġew miksuba bl-użu qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Karlovarské oplatky”, jekk ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-marki kummerċjali msemmija la jistgħu jiġu invalidati u lanqas ma tista’ titwaqqaf it-tkomplija tal-użu tagħhom minħabba r-reġistrazzjoni tal-“Karlovarské oplatky” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, sakemm ir-rekwiżiti ġenerali skont il-leġiżlazzjoni tal-marka kummerċjali ma jintlaħqux mod ieħor. |
|
(10) |
Rigward tal-istatus ġeneriku, l-evidenza pprovduta fid-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni tirreferi għall-allegat użu ġenerali tat-terminu “Karlsbader Oblaten” fil-Ġermanja u l-Awstrija, u mhux għall-“Karlovarské oplatky”. Filwaqt li l-oġġezzjonijiet ipprovdew evidenza sabiex juru li għadd ta’ użijiet bħala termini ta’ deskrizzjoni ġenerali inkluż “Karlsbader Oblaten” imsemmi mill-Ġermanja, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li l-isem “Karlovarské oplatky” huwa użat biex jinnomina kategorija ta’ prodotti li ma joriġinawx fir-reġjun ta’ Karlovy Vary. L-isem “Karlovarské oplatky” kien protett bħala indikazzjoni ġeografika fl-1967 fir-Repubblika Ċeka. L-oġġezzjoni ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċeka. Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta l-isem “Karlovarské oplatky” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġeneriku u ma hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(11) |
Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, l-isem “Karlovarské oplatky” għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti soġġett għall-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin li matulhom it-terminu “Karlsbader Oblaten” jista’ jibqa’ jintuża f’ċirkostanzi li, dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jistgħu jkunu bil-kontra tal-protezzjoni provduta fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
|
(12) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
1. It-terminu “Karlsbader Oblaten” jista’ jintuża sabiex jiġu nnominati wejfers li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-“Karlovarské oplatky” għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-marki kummerċjali li fihom it-terminu “Karlsbader Oblaten” li kienu protetti permezz ta’ reġistrazzjoni jew miksuba bl-użu qabel id-20 ta’ Ottubru 2004, mhux se jiġu invalidati u lanqas ma hija se titwaqqaf il-kontinwità tal-użu tagħhom minħabba r-reġistrazzjoni ta’ “Karlovarské oplatky” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, sakemm ir-rekwiżiti ġenerali taħt il-leġiżlazzjoni tal-marka kummerċjali jiġu issodisfati mod ieħor.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
ANNESS
Oġġetti tal-ikel imsemmija fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 510/2006:
Klassi 2.4. Ħobż, għaġina, kejkijiet, oġġetti tal-ħelu, gallettini u oġġetti oħra tal-furnar
IR-REPUBBLIKA ĊEKA
Karlovarské oplatky (IĠP)