26.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 723/2011

tat-18 ta’ Lulju 2011

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 (2) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 85 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) għall-kumpaniji l-oħra kollha għajr dawk li jissemmew fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament. Dawn il-miżuri minn hawn ‘il quddiem jissejħu “il-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn issa 'l quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

1.2.   Il-bidu tal-investigazzjoni ex-officio

(2)

Wara l-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kellha evidenza li tindika li l-miżuri b'rabta mal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”) kienu qed jinkisru permezz tat-trasbord mill-Malasja.

(3)

Minn evidenza prima facie li kellha l-Kummissjoni kien jidher li wara li ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, xirfet bidla sinifikanti fit-tendenza tal-kummerċ li kienet tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Malasja lejn l-Unjoni, u dan kien donnu riżultat tal-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Biex jispjega din il-bidla, ma kienx jidher li hemm kawża jew ġustifikazzjoni oħra għajr l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ.

(4)

Barra minn hekk, l-evidenza enfasizzat il-fatt li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiddgħajfu kemm f'termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz. L-evidenza wriet li dawn l-importazzjonijiet li żdiedu mill-Malasja kienu saru bi prezzijiet ‘l isfel minn dak ta’ mingħajr dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(5)

Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li tindika li l-prezzijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja kienu ġew iddampjati b’rabta mal-valur normali stabbilit għall-prodott simili matul l-investigazzjoni oriġinali.

(6)

Hekk kif stabbiliet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tinfetaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, fuq bażi ex officio, bdiet investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 966/2010 (3) (“ir-Regolament tal-ftuħ”). Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-ftuħ ta’ investigazzjoni, ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana biex jiddokumentaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja.

1.3.   Investigazzjoni

(7)

Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat bil-ftuħ tal-investigazzjoni lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tal-Malasja, lill-produtturi esportaturi u lin-negozjanti f'dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufin li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u fil-Malasja li taf bihom il-Kummissjoni jew li kienu ressqu t-tagħrif dwarhom fiż-żmien stabbilit fil-premessa (19) tar-Regolament tal-ftuħ. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-importaturi fl-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien kif stipulat fir-Regolament tal-ftuħ.

(8)

Dsatax-il produttur esportatur fil-Malasja, tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi fiċ-Ċina u tliet importaturi mhux relatati fl-Unjoni ressqu tagħrif dwarhom. Bosta kumpaniji oħra kkuntattjaw lill-Kummissjoni iżda stqarrew li mhumiex involuti fil-produzzjoni jew l-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(9)

Il-kumpaniji li ġejjin wieġbu għall-mistoqsijiet tal-kwestjonarju u sussegwentement saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ Menara Kerjaya Fasteners Sdn. Bhd, TR Formac Sdn. Bhd. u Excel Fastener Manufacturing Sdn. Bhd:

Produtturi esportaturi fil-Malasja:

Sofasco Industries (M) Sdn. Bhd, Penang,

Tigges Fastener Technology (M) Sdn. Bhd, Ipoh,

MCP Precision Sdn. Bhd, Penang,

HBS Fasteners Sdn. Bhd, Klang,

TZ Fasteners (M) Sdn. Bhd, Klang,

Menara Kerjaya Fasteners Sdn. Bhd, Penang,

Chin Well Fasteners Company Sdn. Bhd, Penang,

Acku Metal Industries (M) Sdn. Bhd, Penang,

Grand Fasteners Sdn. Bhd, Klang,

Jinfast Industries Sdn. Bhd, Penang,

Andfast Malaysia Sdn. Bhd, Ipoh,

ATC Metal Industrial Sdn. Bhd, Klang,

Pertama Metal Industries Sdn. Bhd, Shah Alam,

Excel Fastener Manufacturing Sdn. Bhd, Ipoh,

TI Metal Forgings Sdn. Bhd, Ipoh,

TR Formac (Malaysia) Sdn. Bhd, Klang,

United Bolt and Nut Sdn. Bhd, Seremban,

Power Steel and Electro Plating Sdn. Bhd, Klang,

KKC Fastener Industry Sdn. Bhd, Melaka.

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(10)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Settembru 2010 (“il-PI”). Id-dejta inġabret għall-PI sabiex tkun investigata, fost l-oħrajn, il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ. Għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2009 u t-30 ta’ Settembru 2010 nġabret dejta aktar dettaljata sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ dgħufija tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-preżenza ta’ ddampjar.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

(11)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur saret billi ġie analizzat b'mod suċċessiv jekk kienx hemm tibdil fit-tendenza tal-kummerċ ta’ bejn dik tal-pajjiżi terzi u dik tal-Unjoni; jekk din il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ nibbtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f'termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott simili; u jekk kienx hemm evidenza ta’ ddampjar b'rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodotti simili, jekk neċessarju skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(12)

Il-prodott ikkonċernat huwa kif definit fl-investigazzjoni oriġinali: Ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, għajr dawk tal-azzar li ma jissaddadx, jiġifieri, viti għall-injam (esklużi l-coach screws - viti b'ras eżagonali biex jiddawru bi spanner), viti li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), viti u boltijiet oħrajn bir-ras (sew jekk bl-iskorfini u l-washers tagħhom u sew jekk le, iżda huma esklużi l-viti mdawrin minn biċċiet, vireg, profili jew wajer, ta’ qatgħa solida, bil-parti dritta mhux eħxen minn 6 mm, u esklużi l-viti u l-boltijiet biex jitwaħħal materjal tal-kostruzzjoni ta’ linji tat-trenn), kif ukoll washers, li joriġinaw mir-RPĊ, u li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7318 12 90, 7318 14 91, 7318 14 99, 7318 15 59, 7318 15 69, 7318 15 81, 7318 15 89, ex 7318 15 90, ex 7318 21 00 u ex 7318 22 00.

(13)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa (12), iżda kkunsinjat mill-Malasja, sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja u sew jekk le.

(14)

L-investigazzjoni wriet li ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mill-PRĊ u dawk ikkunsinjati mill-Malasja għall-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użu, u għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Il-grad ta’ kooperazzjoni u determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ

(15)

Kif stabbilit fil-premessa (9), dsatax-il produttur esportatur fil-Malasja u tliet produtturi esportaturi fiċ-Ċina kkoperaw billi ressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju.

Il-Malasja

(16)

Wara li ressqet it-tweġibiet għall-kwestjonarju tagħha, kumpanija fil-Malasja nnotifikat lill-Kummissjoni li kienet waqqfet l-attività tagħha u għalhekk irtirat il-kooperazzjoni tagħha.

(17)

Fil-każ ta’ bosta kumpaniji oħra fil-Malasja, instab li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kienet ġustifikata għar-raġunijiet spjegati hawn isfel fil-premessi minn (32) sa (60).

(18)

Fil-PI, il-produtturi esportaturi fil-Malasja li kkooperaw koprew 55 % tal-esportazzjonijiet totali fil-Malasja lejn l-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat, kif irrappurtat fil-COMEXT. Il-volumi ġenerali ta’ esportazzjoni kienu bbażati fuq il-COMEXT.

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(19)

Kien hemm livell baxx ta’ kooperazzjoni mill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ: tlieta biss mill-esportaturi/produtturi wieġbu għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma esportat il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew il-Malasja. Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni mressqa mill-partijiet li kkoperaw, xejn ma seta' jiġi stabbilit b'mod ċar fir-rigward tal-volumi ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

(20)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn il-Malasja kellhom isiru parzjalment abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Intużat id-dejta tal-COMEXT biex ikunu stabbiliti l-volumi ta’ importazzjoni totali mir-RPĊ lejn l-Unjoni. L-istatistiċi nazzjonali Ċiniżi u dawk mill-Malasja ntużaw biex jiġu stabbiliti l-esportazzjonijiet globali lejn il-Malasja mir-RPĊ. Id-dejta kienet verifikata wkoll darb’oħra b’dejta dettaljata dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni li kienet fornuta mill-awtoritajiet doganali tal-Malasja.

(21)

Il-volum ta’ importazzjoni rreġistrat fl-istatistiċi tal-Malasja u taċ-Ċina kopra grupp ta’ prodotti akbar mill-prodott ikkonċernat jew il-prodott li qed jiġi investigat. Madankollu, fid-dawl tad-dejta tal-COMEXT u tad-dejta verifikata dwar il-produtturi Ċiniżi u dawk tal-Malasja tal-qfieli, seta' jiġi stabbilit li parti sinifikanti minn dan il-volum tal-importazzjoni kopra l-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, din id-dejta setgħet tistabbilixxi kull bidla fit-tendenza tal-kummerċ u setgħet tiġi verifikata għal darb'oħra ma’ dejta oħra bħal dik ipprovduta mill-produtturi esportaturi u importaturi li kkooperaw.

2.4.   Il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ

Importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar lejn l-Unjoni

(22)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina lejn l-Unjoni kienu ħadu daqqa kbira wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali f'Jannar 2009.

(23)

Mill-banda l-oħra, it-total tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Malasja lejn l-Unjoni żdiedu b'mod sinifikanti fl-2009 u l-2010. Kemm id-dejta tal-COMEXT u kemm dik tal-esportazzjoni pprovduta mill-kumpaniji li kkooperaw turi li l-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni żdiedu f'dawk is-snin filwaqt li fis-snin preċedenti kienu stabbli.

(24)

It-Tabella 1 turi l-kwantitajiet ta’ importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar miċ-Ċina u mill-Malasja lejn l-Unjoni minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2009:

Tabella 1

L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar lejn l-Unjoni mill-impożizzjoni tal-miżuri

Il-volum tal-importazzjoni f'tunnellati.

2008

2009

1.10.2009-30.9.2010

PRĊ

432 049

64 609

27 000

Sehem tal-importazzjonijiet totali

82,2  %

38,0  %

15,4  %

il-Malasja

8 791

31 050

89 000

Sehem tal-importazzjonijiet totali

1,7  %

18,3  %

50,9  %

Sors: COMEXT, statistika mill-Malasja, miċ-Ċina

(25)

Id-dejta ta’ hawn fuq turi li, mill-2009, l-esportaturi tal-Malasja għaddew lill-esportaturi Ċiniżi f'dak li hu bejgħ tal-prodott f'termini ta’ volum — u sa ċertu punt anki ħadulhom posthom. Minn meta ġew imposti l-miżuri, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni kien wieħed sinifikanti (94 %).

L-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Malasja

(26)

Żieda kbira fl-esportazzjonijiet tal-qfieli tista' tkun osservata wkoll fl-istess ħabta mir-RPĊ lejn il-Malasja: minn ammont relattivament żgħir fl-2008 (8 829 tunnellata) dawn żdiedu għal 89 471 tunnellata fil-PI.

Tabella 2

Importazzjoni ta’ qfieli miċ-Ċina lejn il-Malasja mill-2008

 

2008

2009

1.10.2009-30.9.2010

Importazzjoni (MT)

8 829

61 973

89 471

Bidla annwali (%)

 

600  %

45  %

Indiċi (2008 = 100)

100

700

1 013

Sors: Statistika mid-dwana tal-Malasja

(27)

Biex tkun stabbilita t-tendenza tal-fluss tal-kummerċ ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar miċ-Ċina għall-Malasja, ġew ikkunsidrati kemm l-istatistiki tal-Malasja kif ukoll dawk Ċiniżi. Id-dejta minn dawn l-istatistiki, fiż-żewġ każijiet, hija disponibbli biss fuq livell ta’ grupp ta’ prodott ogħla mill-prodott ikkonċernat. Madankollu, fid-dawl tad-dejta tal-COMEXT u tad-dejta verifikata dwar il-produtturi tal-qfieli Ċiniżi u dawk tal-Malasja, ġie stabbilit li parti sinifikanti kopriet il-prodott ikkonċernat, hekk li din id-dejta minn dawn l-istatistiki setgħet tiġi kkunsidrata.

Volum ta’ produzzjoni fil-Malasja

(28)

L-evoluzzjoni tal-volum ta’ produzzjoni totali tal-produtturi fil-Malasja li kkooperaw kienet baqgħet relattivament stabbli qabel l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2009. Il-produtturi tal-Malasja, madankollu, minn dak iż-żmien żiedu l-produzzjoni tagħhom b'mod konsiderevoli.

Tabella 3

Il-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat tal-kumpaniji fil-Malasja li kkooperaw

 

2008

2009

1.10.2009-30.9.2010

Il-volum ta’ produzzjoni (MT)

38 763

33 758

61 262

Sors: Informazzjoni fornuta mill-produtturi li kkooperaw

2.5.   Konklużjoni dwar il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ

(29)

It-tnaqqis globali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni mill-2009 u ż-żieda parallela fl-esportazzjonijiet mill-Malasja u fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali wasslu għal bidla fit-tendenza tal-kummerċ bejn il-pajjiżi msemmija hawn, minn naħa waħda, u l-Unjoni min-naħa l-oħra.

2.6.   In-natura tal-prattika ta’ ksur il-miżuri

(30)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, proċess jew ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, il-kunsinna tal-prodott suġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi u l-immuntar ta’ partijiet permezz ta’ operazzjoni ta’ mmuntar fl-Unjoni jew f'pajjiż terz. Għal dan l-għan ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

It-trasbord

(31)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li xi importaturi fl-Unjoni kienu ġabu qfieli ta’ oriġini Ċiniża minn esportaturi Malasjani li ma kinux ikkoperaw fl-investigazzjoni preżenti. Din l-informazzjoni kienet verifikata għal darb'oħra ma’ bażijiet ta’ dejta kummerċjali tal-Malasja li wrew li tal-anqas uħud mill-qfieli esportati minn dawn il-kumpaniji li ma kkoperawx kienu, fil-verità, ġew prodotti fir-RPĊ.

(32)

Barra minn dan, kif stabbilit b'mod dettaljat fil-premessi minn (52) sa (58) hawn taħt, kien instab li għadd ta’ produtturi mill-Malasja li kkooperaw kienu għaddew informazzjoni mhux ċara, b'mod partikolari dwar ir-rabta mal-manifatturi Ċiniżi, l-importazzjonijiet ta’ prodotti lesti miċ-Ċina u l-oriġini ta’ esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat lejn l-Unjoni. Instab li wħud minnhom kienu jesportaw ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ta’ oriġini Ċiniża lejn l-Unjoni. Dan huwa wkoll ikkonfermat mis-sejbiet dwar il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ kif deskritt hawn fuq fil-premessa (29).

(33)

Fl-2009, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) beda investigazzjoni dwar l-allegat trasbord tal-istess prodott mill-Malasja. Barra minn hekk, mill-investigazzjoni ħareġ li l-awtoritajiet tal-Malasja wettqu investigazzjonijiet dwar prattika li allegatament kienu qed jiksru l-miżuri fl-istess żmien u kkonkludew li diversi kumpaniji, prinċipalment negozjanti, kkommettew frodi billi ffalsifikaw l-oriġini ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar impurtati mir-RPĊ lejn il-Malasja meta esportaw il-prodott mill-ġdid.

(34)

L-eżistenza ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża mill-Malasja, għaldaqstant, kienet ikkonfermata.

Operazzjonijiet ta’ mmuntar u/jew ta’ tlestija

(35)

Waħda mill-kumpaniji spezzjonati ma kinitx qed timmanifattura qfieli minn materja prima (jiġifieri azzar imgerbeb) imma kienet qed tipproduċihom minn semi-finished blanks (jiġifieri minn azzar imgerbeb li jinqata' biċċiet li mbagħad jitgħattnu minn fuq, imma ma jkunux għadhom ngħataw il-kamin, ġew trattati bis-sħana jew miksija). Madankollu, tul il-PI din il-kumpanija ma esportatx. Kumpanija oħra nstabet li kienet qed timmanifattura qfieli primarjament mill-azzar imgerbeb, imma anki xi ftit minn semi-finished blanks. Għal din il-kumpanija, kien stabbilit li ma kien qed isir ebda ksur fid-dawl tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, kif stabbilit f'aktar dettall fil-premessi (62) u (63) hawn taħt.

2.7.   Nuqqas ta’ raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju b'rabta mal-anti-dumping

(36)

L-investigazzjoni ma ħarġet għad-dawl l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evitar tad-dazju anti-dumping fis-seħħ fuq ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ. Ma nstab ebda element, għajr id-dazju, li seta' jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment dwar it-trasport u t-tagħbija mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ mill-Malasja.

2.8.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping

(37)

Biex jiġi stmat jekk il-prodotti importati, f'termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, dgħajfux l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar mir-RPĊ, kienet użata d-dejta verifikata mill-produtturi esportaturi li kkooperaw u dik tal-COMEXT minħabba li tqiesu bħala l-aqwa dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet minn kumpaniji li ma kkooperawx. Il-prezzijiet kif stabbiliti ġew imqabbla mal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ dannu stabbilit għal produtturi tal-Unjoni fil-premessa (226) tar-Regolament oriġinali.

(38)

Iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Malasja tqieset sinifikanti f'termini ta’ kwantitajiet. Il-konsum stmat tal-Unjoni fil-PI jagħti indikazzjoni simili dwar il-volum sinifikanti ta’ dawn l-importazzjonijiet. Il-paragun tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezz medju peżat ta’ esportazzjoni wera ddampjar sinifikanti. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiddgħajfu kemm f'termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz.

2.9.   Evidenza ta’ ddampjar

(39)

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ ddampjar b'rabta mal-valur normali stabbilit qabel għall-prodotti simili.

(40)

Fir-Regolament oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fl-Indja, li fl-investigazzjoni nstab li kien pajjiż analogu b'ekonomija tas-suq adegwata għar-RPĊ. Kien tqies f'loku li jintuża l-valur normali kif stabbilit qabel skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(41)

Parti sinifikanti mill-esportazzjonijiet mill-Malasja kienet koperta minn esportaturi li ma kkooperawx jew minn esportaturi li kkooperaw li kienu fornew informazzjoni mhux ċara. Għal din ir-raġuni, biex setgħu jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Malasja, kien deċiż li dawn jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju ta’ esportazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar tul il-PI kif rappurtat fil-COMEXT.

(42)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-taxxi indiretti, fit-trasport u fl-ispejjeż ta’ assigurazzjoni bbażati fuq l-ispejjeż medji tal-produtturi/esportaturi fil-Malasja li kkoperaw fil-PI.

(43)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkolat permezz ta’ tqabbil bejn il-medja peżata tal-valur normali kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet medji peżati ta’ esportazzjoni matul il-PI ta’ din l-investigazzjoni, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF f'dazju mhux imħallas tal-fruntiera tal-Komunità.

(44)

Il-paragun tal-valur normali medju peżat u l-prezzijiet medji peżati ta’ esportazzjoni kif stabbiliti wera d-dumping.

3.   MIŻURI

(45)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ kien evitat permezz tat-trasbord mill-Malasja skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(46)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjat mill-Malasja, sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja u sew jekk le.

(47)

B’mod partikolari, fid-dawl tal-livell baxx ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-miżura li se tiġi estiża għandha tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, li hija dazju anti-dumping definittiv ta’ 85 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles mal-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(48)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipulaw li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-ftuħ, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja.

4.   TALBIET GĦALL-EŻENZJONI

(49)

Id-19-il kumpanija li kkooperaw fil-Malasja billi wieġbu għall-kwestjonarju talbu eżenzjoni mill-possibbiltà ta’ miżuri estiżi skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(50)

Kif spjegat fil-premessa (16), waħda minn dawn il-kumpaniji sussegwentement waqfet milli tikkoopera u rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni.

(51)

Żewġ kumpaniji nstabu li ma kinux qed jesportaw il-prodott tul il-PI u ma seta' jiġi konkluż xejn dwar in-natura tal-operazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, f'dan l-istadju ma tistax tingħata eżenzjoni lil dawn iż-żewġ kumpaniji. Madankollu, jekk jidher, wara l-estensjoni tal-miżuri b'rabta mal-anti-dumping fis-seħħ, li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku huma sodisfatti, iż-żewġ kumpaniji jistgħu jitolbu li s-sitwazzjoni tagħhom tiġi riveduta.

(52)

Waħda mill-kumpaniji staqsiet, ladarba ma kinitx intalbet mill-industrija tal-Unjoni biex tiġi reġistrata, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku kinitx ġiet rispettata meta fir-Regolament tal-ftuħ intalbet ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Madankollu, din kienet investigazzjoni kontra l-ksur tal-miżuri miftuħa mill-Kummissjoni ex officio abbażi tal-Artikolu 13(3) flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. It-tieni sentenza tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku għaldaqstant mhux rilevanti għal dan il-każ. Kull interpretazzjoni oħra tneħħi l-effett utile tal-fatt li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jistipula li l-Kummissjoni tista' tinvestiga, ex officio, il-possibbiltà ta’ ksur tal-miżuri.

(53)

L-istess kumpanija allegat ukoll li l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, ma kinitx seħħet. Madankollu, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-ftuħ tal-investigazzjoni kien instigat mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, anki jekk dan ma kienx issemma espliċitament fir-Regolament tal-ftuħ.

(54)

Seba’ kumpaniji nstabu li kienu fornew informazzjoni falza jew mhux ċara. Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, dawn il-kumpaniji kienu infurmati bl-intenzjoni li l-informazzjoni mressqa minnhom kienet se tiġi injorata u ngħataw skadenza ta’ żmien sabiex jipprovdu spjegazzjonijiet ulterjuri.

(55)

L-ispjegazzjonijiet ulterjuri li waslu minn dawn il-kumpaniji ma kinux tali li jwasslu għal bidla fil-konklużjoni li dawn il-kumpaniji fixklu l-investigazzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonjiet rigward dawn il-kumpaniji kienu abbażi tal-fatti disponibbli.

(56)

Tnejn minn dawn is-seba’ kumpaniji nstabu li kienu għattew xi importazzjonijiet ta’ prodotti lesti mir-RPĊ. Waħda minn dawn il-kumpaniji kienet anki ffalsifikat xi fatturi. Kumpanija oħra fil-Malasja li timmanifattura u tesporta l-qfieli u li talbet li tiġi eżentata dehret li kienet relatata ma’ dil-kumpanija.

(57)

Żewġ kumpaniji oħra nstabu li kienu ħbew ir-relazzjoni ma’ manifattur Ċiniż ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar.

(58)

Finalment, żewġ kumpaniji oħra nstabu li kienu ħbew ir-relazzjoni ta’ bejniethom, b'mod li ma kellhomx il-kapaċità produttiva ta’ dak li jesportaw u fixklu l-investigazzjoni billi ma pprovdewx l-informazzjoni neċessarja.

(59)

Fid-dawl ta’ dak li rriżulta mill-investigazzjonijiet dwar il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ u fil-prattika tat-trasbord, kif stabbilit fil-premessi minn (22) sa (34) hawn fuq, u filwaqt li titqies in-natura tal-informazzjoni mhix ċara kif stabbilit fil-premessi minn (56) sa (58) hawn fuq, l-eżenzjonijiet mitluba minn dawn is-seba’ kumpaniji, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma setgħux jingħataw.

(60)

Kumpanija waħda ma setgħetx tagħti evidenza ta’ faċilità ta’ produzzjoni tal-qfieli u rrifjutat l-aċċess għall-kotba tagħha. Barra minn dan, instabet evidenza ta’ bidla fil-prattika tat-trasbord waqt il-PI. Għalhekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-eżenzjoni ma tistax tingħata.

(61)

It-tmien produtturi esportaturi tal-Malasja li fadal nstabu li ma kinux involuti fi prattika ta’ ksur ta’ miżuri u għaldaqstant l-eżenzjonijiet jistgħu jingħatawlhom.

(62)

Waħda minn dawn it-tmien kumpaniji twaqqfet wara l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ mill-kumpanija omm Ċiniża tagħha, li hija suġġetta għal dawn il-miżuri. Il-kumpanija omm Ċiniża tagħha gradwalment ittrasferiet parti mill-makkinarju tagħha fil-Malasja bl-għan li sservi s-suq tal-UE mill-Malasja. Fil-fażi tal-bidu tagħha, il-kumpanija ipproduċiet xi qfieli minn prodotti nofshom kompluti li ġew ttrasbordati mill-kumpanija omm Ċiniża tagħha biex jitlestew kompletament. Fi stadju aktar tard, imma xorta fi żmien il-PI, meta kompla jiġi ttrasferit aktar makkinarju, il-qfieli kienu prodotti primarjament mill-materja prima fl-għamla ta’ azzar imgerbeb, li kienu wkoll trasbordati mill-kumpanija omm Ċiniża.

(63)

Inizjalment kien tqies li din il-kumpanija kellha tiġi rrifjutata eżenzjoni. Madankollu, fid-dawl tal-kummenti li waslu wara l-iżvelar, fost oħrajn dwar il-valur miżjud lill-prodott fil-Malasja, kien konkluż li l-kumpanija ma kinitx involuta fi prattika li tikser il-miżuri. Għalhekk, tista' tingħata eżenzjoni lil din il-kumpanija.

(64)

Kumpanija oħra minn dawn it-tmienja hija wkoll marbuta ma’ kumpanija fir-RPĊ li hi suġġetta għall-miżuri oriġinali. Iżda din il-kumpanija fil-Malasja kienet stabbilita fl-1998 mis-sidien tagħha fit-Taiwan li s-sussidjarja tagħha fir-RPĊ waqqfuha biss fi stadju aktar tard, għalkemm xorta qabel ma daħlu fis-seħħ il-miżuri kontra r-RPĊ. Ma hemm l-ebda evidenza li tali relazzjoni ġiet stabbilita jew użata b'mod li nkisru l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(65)

Huwa meqjus li huma meħtieġa miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali huma r-rekwiżit li lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tkunilhom ippreżentata fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'tali fattura għandhom ikunu suġġetti għad-dazju estiż b'rabta mal-anti-dumping.

(66)

Produtturi oħra li ma fornewx tagħrif dwarhom f'dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott li qed jiġi investigat tul il-PI, u li beħsiebhom iressqu talba għal eżenzjoni mid-dazju estiż b'rabta mal-anti-dumping skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku se jkunu mitluba jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta din it-talba. Il-Kummissjoni normalment tagħmel ukoll żjara ta’ verifika fil-post. Kemm-il darba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, l-eżenzjoni tista' tingħata.

(67)

Fejn eżenzjoni hi ġustifikata, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, konsegwentement tipproponi l-emenda ta’ dan ir-Regolament. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun monitorjata biex tkun assigurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

5.   ŻVELAR

(68)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna jagħmlu l-kummenti. Kienu kkunsidrati l-kummenti orali u miktuba li tressqu. Bl-eċċezzjoni tal-kummenti li waslu mingħand kumpanija kif stabbilit fil-premessi (62) u (63) hawn fuq, ebda wieħed mill-argumenti mressqa ma wassal għal modifika f'dak li ħareġ b'mod definittiv mill-investigazzjonijiet,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jiġifieri viti għall-injam (esklużi l-coach screws - viti b'ras eżagonali biex jiddawru bi spanner), viti li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), viti u boltijiet oħrajn bir-ras (sew jekk bl-iskorfini u l-washers tagħhom u sew jekk le, iżda huma esklużi l-viti mdawrin minn biċċiet, vireg, profili jew wajer, ta’ qatgħa solida, bil-parti dritta mhux eħxen minn 6 mm, u esklużi l-viti u l-boltijiet biex jitwaħħal materjal tal-kostruzzjoni ta’ linji tat-trenn), kif ukoll washers, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, hu b'dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar, ħlief dawk tal-azzar li ma jissaddadx, jiġifieri viti għall-injam (esklużi l-coach screws - viti b'ras eżagonali biex jiddawru bi spanner), viti li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), viti u boltijiet oħrajn bir-ras (sew jekk bl-iskorfini u l-washers tagħhom u sew jekk le, iżda huma esklużi l-viti mdawrin minn biċċiet, vireg, profili jew wajer, ta’ qatgħa solida, bil-parti dritta mhux eħxen minn 6 mm, u esklużi l-viti u l-boltijiet biex jitwaħħal materjal tal-kostruzzjoni ta’ linji tat-trenn), kif ukoll washers, ikkunsinjati mill-Malasja sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7318 12 90, ex 7318 14 91, ex 7318 14 99, ex 7318 15 59, ex 7318 15 69, ex 7318 15 81, ex 7318 15 89, ex 7318 15 90, ex 7318 21 00 u ex 7318 22 00 (kodiċi TARIC 7318129011, 7318129091, 7318149111, 7318149191, 7318149911, 7318149991, 7318155911, 7318155961, 7318155981, 7318156911, 7318156961, 7318156981, 7318158111, 7318158161, 7318158181, 7318158911, 7318158961, 7318158981, 7318159021, 7318159071, 7318159091, 7318210031, 7318210095, 7318220031 u 7318220095), bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Acku Metal Industries (M) Sdn. Bhd

B123

Chin Well Fasteners Company Sdn. Bhd

B124

Jinfast Industries Sdn. Bhd

B125

Power Steel and Electroplating Sdn. Bhd

B126

Sofasco Industries (M) Sdn. Bhd

B127

Tigges Fastener Technology (M) Sdn. Bhd

B128

TI Metal Forgings Sdn. Bhd

B129

United Bolt and Nut Sdn. Bhd

B130

2.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(2) għandha tkun soġġetta għal preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, għandu jiġi applikat id-dazju anti-dumping kif impost mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 966/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Comission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/92

1049 Brussell

Il-Belġju

Fax (32 2) 295 65 05

2.   B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b'deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma evitawx il-miżuri b'rabta mal-anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 91/2009, mid-dazju estiż mill-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b'dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 966/2010.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 282, 28.10.2010, p. 29.


ANNESS

Fuq il-fattura kummerċjali valida u msemmija fl-Artikolu 1(2), għandha tidher dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

(1)

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ (prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

(3)

Data u firma.