23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 717/2011

tal-20 ta’ Lulju 2011

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Cornish Pasty (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, l-applikazzjoni mressqa mir-Renju Unit għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Cornish Pasty” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, din id-denominazzjoni għandha għalhekk tiġi rreġistrata.

(3)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, perjodu tranżizzjonali jista' madankollu jingħata għall-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fih tinsab iż-żona ġeografika, bil-kundizzjoni li dawn l-impriżi jkunu kkumerċjalizzaw il-prodotti kkonċernati b'mod legali, billi użaw b'mod kontinwu d-denominazzjonijiet ikkonċernati għal mhux inqas minn ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament imsemmi, u li dan il-punt ikun iddaħħal fil-qafas tal-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(5) tal-istess Regolament.

(4)

B'ittra li waslet fil-25 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonfermaw mal-Kummissjoni li l-impriżi Pukka Pies Ltd, Pork Farms Ltd, Shire Foods Ltd, Northern Foods plc, Greggs plc, Peter's Food Service Ltd u Kerry Group plc, stabbiliti fuq it-territorju tiegħu, jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(5)

L-impriżi msemmija, f'dawn il-kundizzjonijiet, huma awtorizzati jutilizzaw id-denominazzjoni rreġistrata “Cornish Pasty” għal perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament hija b'dan irreġistrata.

L-impriżi Pukka Pies Ltd, Pork Farms Ltd, Shire Foods Ltd, Northern Foods plc, Greggs plc, Peter's Food Service Ltd u Kerry Group plc issa jistgħu jkomplu jutilizzaw id-denominazzjoni msemmija għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 190, 14.7.2010, p. 33.


ANNESS

Oġġetti tal-ikel imniżżlin fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 510/2006:

Klassi 2.4.   Prodotti tal-ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet u xogħlijiet oħra tal-furnar

IR-RENJU UNIT

Cornish Pasty (IĠP)