14.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 184/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 675/2011
tat-13 ta’ Lulju 2011
li jistipula l-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għat-talbiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-8 ta’ Lulju 2011 skont il-subkwota III fil-kuntest tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli rregolati minn sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (3) fetaħ kwota tariffarja annwali globali għall-importazzjoni ta' 2 989 240 tunnellata qamħ komuni ta' kwalità għajr dik superjuri. Din il-kwota tinqasam fi tliet subkwoti. |
(2) |
L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 jaqsam is-subkwota III (numru tas-serje 09.4125) f'erba' subperjodi trimestrali u ffissa l-kwantità ta' 594 597 tunnellata għas-subperjodu nru 3, għall-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 2011. |
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 632/2011 (4) jidderoga mill-Artikolu 3(3), tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għas-sena 2011, u jgħaqqad is-subperjodi 3 u 4 tas-subkwota III (numru tal-ordni 09.4125) u jiffissa l-kwantità għal 1 189 193 tunnellata għas-subperjodu 3 mill-1 ta Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2011. |
(4) |
Min-notifika skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, jirriżulta li l-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Lulju 2011, mis-13:00 sat-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħin ta’ Brussell, skont l-Artikolu 4(1), it-tieni inċiż, tar-Regolament imsemmi, jirrigwardaw kwantitajiet akbar minn dawk disponibbli. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi determinat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jkun applikat għall-kwantitajiet mitluba. |
(5) |
Jeħtieġ ukoll li ma jinħarġux aktar liċenzji tal-importazzjoni skont is-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 għall-perjodu attwali tal-kwota. |
(6) |
Sabiex tkun żgurata ġestjoni effettiva tal-proċedura tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Kull applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni fl-ambitu tas-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008, imressqa mill-1 ta’ Lulju 2011, mis-13:00 sat-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħinijiet ta' Brussell, tagħti lok għall-ħruġ ta' liċenzja għall-kwantitajiet mitluba assenjati skont il-koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 50,926778 %.
2. Il-ħruġ ta' liċenzji għall-kwantitajiet mitluba mit-8 ta’ Lulju 2011 fis-13:00, ħin ta' Brussell, fl-ambitu tas-subkwota III msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1067/2008, huwa sospiż għall-perjodu attwali tal-kwota.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.
Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,
José Manuel SILVA RODRÍGUEZ
Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.
(3) ĠU L 290 31.10.2008, p. 3.
(4) ĠU L 170, 30.6.2011, p. 18.