14.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 672/2011

tat-13 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 (2) jipprovdi li l-perjodu għall-ħatt l-faċilitajiet ta’ produzzjoni u għall-konformità mal-impenji soċjali u ambjentali msemmija fl-Artikoli 3(3) (c) u 3(4) (c) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jista’ jiġi estiż sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011.

(2)

Ċerti produtturi taz-zokkor mhux ser ikunu jistgħu jħottu għalkollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-ħin, sakemm dik l-iskadenza ma tkunx estiża għall-perjodu itwal. Madanakollu, l-estensjoni ma għandhiex tiżdied aktar milli jkun assolutament meħtieġ biex jintemmu x-xogħlijiet tal-ħatt. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, l-iskadenza għandha b’hekk tiġi estiża sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 968/2006 għaldaqstant għandu jiġi emendat kif xieraq.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 968/2006, it-tieni subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fuq talba motivata tal-impriża kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħtu estensjoni tad-data ta’ skadenza ffissata f’dak il-punt sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2012. F’dan il-każ, l-impriża għandha tressaq pjan emendat tar-ristrutturar skont l-Artikolu 11.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.

(2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 32.