2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 643/2011

tal-1 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 642/2010 dwar id-dazji ta’ importazzjoni fuq is-sorgu u s-segala

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 143 tiegħu flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar regoli ta’ applikazzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar id-dazji ta’ importazzjoni fis-settur taċ-ċereali (2) jistipula li l-prezz rappreżentattiv tal-importazzjoni cif stabbilit għax-xgħir huwa applikabbli għall-kalkolu tad-dazji ta’ importazzjoni fuq is-sorgu u s-segala.

(2)

Il-bidliet fis-suq tax-xgħir u l-importanza żgħira li għandha l-Istati Uniti fis-suq globali ta’ dan il-prodott ifissru li x-xgħir m’għadux jipprovdi l-kalkolu għas-suq tas-sorgu. Minbarra dan, is-sorsi ta’ informazzjoni dwar is-suq tas-sorgu huma ftit wisq jew inkella huma wisq mhux affidabbli biex jipprovdu bażi għall-iffissar ta’ dazji ta’ importazzjoni ta’ dan il-prodott. Fl-aħħar nett, mis-sorsi li hemm disponibbli jidher li l-prezzijiet tas-sorgu u tal-qamħirrum esportati lejn l-Istati Uniti huma qrib wisq ta’ xulxin. Għaldaqstant, il-prezz rappreżentattiv ta’ importazzjoni cif ikkalkulat għall-qamħirrum għandu jkun applikat għas-sorgu. Minbarra dan, għandha tinżamm ukoll l-ugwaljanza li hemm bħalissa bejn id-dazji li japplikaw għas-segala u dawk li japplikaw għas-sorgu.

(3)

Jeħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 642/2010 jigi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 642/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Għal qamħ komuni ta’ kwalità għolja, qamħ durum, u qamħirrum imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, il-komponenti li jiddeterminaw il-prezzijiet rappreżentattivi ta’ importazzjoni cif imsemmija fl-Artikolu 136(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu:”

(b)

il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’li ġej:

“4.   Il-prezzijiet ta’ importazzjoni rappreżentattivi cif għall-qamħ durum, qamħ komuni ta’ kwalità għolja u qamħirrum se jkunu t-total tal-komponenti msemmija f’punti (a), (b) u (c) ta’ paragrafu 1. Il-prezzijiet ta’ importazzjoni rappreżentattivi cif għas-sorgu u s-segala huma dawk ikkalkulati għall-qamħirrum.”

2.

L-Anness III għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5.


ANNESS

“ANNESS III

Boroż ta’ kwotazzjoni u varjetajiet ta’ referenza

Prodott

Qamħ komuni

Qamħ durum

Qamħirrum

Kwalità standard

Għolja

 

 

Varjetà ta’ referenza (tip/grad) għall-kwotazzjoni fil-borża

Hard Red Spring Nru 2

Hard Amber Durum Nru 2

Yellow Corn Nru 3

Borża ta’ kwotazzjoni

Minneapolis

Grain Exchange

Minneapolis

Grain Exchange (1)

Chicago Board of Trade


(1)  Fejn l-ebda kwotazzjoni li tista’ tintuża għall-kalkolu ta’ prezz ta’ importazzjoni rappreżentattiv cif ma tkun disponibbli, għandhom jintużaw kwotazzjonijiet fob disponibbli pubblikament fl-Istati Uniti tal-Amerika.”