30.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 632/2011

tad-29 ta’ Ġunju 2011

li jidderoga, għas-sena 2011, mir-Regolament (KE) Nru 1067/2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji Komunitarji għal qamħ komuni ta' kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 tat-30 ta' Ottubru 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffari Komunitarji għal qamħ komuni ta' kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi u li tidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2) jistabbilixxi li l-kwota annwali fuq l-importazzjoni ta' 2 989 240 tunnellata għandha tkun maqsuma fi tliet subkwoti: 572 000 tunnellata għall-Istati Uniti tal-Amerika, 38 853 tunnellata għall-Kanada u 2 378 387 tunnellata għall-pajjiżi terzi l-oħra.

(2)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008 jipprevedi li s-subkwota III ta' 2 378 387 tunnellata għall-pajjiżi terzi l-oħra għandha tkun maqsuma f'erba' subperjodi ta' tliet xhur, li jkopru, b'mod partikolari, s-subperjodu 3 li jibda fl-1 ta' Lulju u jispiċċa fit-30 ta' Settembru għal kwantità ta' 594 597 tunnellata u s-subperjodu 4 li jibda fl-1 ta' Ottubru u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru għal kwantità ta' 594 596 tunnellata.

(3)

Meta titqies is-sitwazzjoni tas-suq, sabiex għas-sena 2011 tkun iffavorita l-provvista kontinwa ta' ċereali fis-suq tal-Unjoni skont is-subkwota III, jeħtieġ li s-subperjodu 3 u s-subperjodu 4 jiġu amalgamati f'subperjodu wieħed li jkopri l-kwantità akkumulata fis-subperjodi 3 u 4, jiġifieri 1 189 193 tunnellata.

(4)

Għalhekk, jeħtieġ li, għas-sena 2011, ikun hemm deroga mir-Regolament (KE) Nru 1067/2008.

(5)

Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti tal-proċedura għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-importazzjoni mill-1 ta' Lulju 2011 ’il quddiem, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 3(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, għas-sena 2011 is-subperjodu 3 għandu jibda mill-1 ta' Lulju 2011 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2011, u għandu jkopri 1 189 193 tunnellata.

B’deroga mill-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, is-subperjodu 4 għandu jitħassar għas-sena 2011.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.