17.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 572/2011

tas-16 ta’ Ġunju 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/332/PESK (2), tipprevedi deroga speċifika fir-rigward tal-iffriżar tal-assi ta’ ċerti entitajiet (portijiet).

(2)

Ikun xieraq li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ operazzjonijiet umanitarji u tal-forniment ta’ materjali u provvisti għal ħtiġijiet ċivili essenzjali, kif ukoll ta’ operazzjonijiet meħtieġa għall-evakwazzjonijiet mil-Libja.

(3)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja u f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/137/PESK, għandhom jiġu inklużi entitajiet addizzjonali fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi mniżżla fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (3).

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8a

B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ fondi ffriżati jew ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, jew li jsiru disponibbi ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, meta huma jikkunsidraw li jkun meħtieġ għal finijiet umanitarji, bħall-forniment u l-iffaċilitar tal-forniment ta’ għajnuna umanitarja, il-forniment ta’ materjali u provvisti meħtieġa għal ħtiġijiet ċivili essenzjali, inkluż ikel u materjali agrikoli għall-produzzjoni tiegħu, prodotti medikali u l-forniment tal-elettriku, jew għall-evakwazzjonijiet mil-Libja. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet li jsiru skont dan l-Artikolu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.”.

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

B’deroga mill-Artikolu 5(2), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli lill-awtoritajiet portwali elenkati fl-Anness III fir-rigward tal-eżekuzzjoni, sal-15 ta’ Lulju 2011, ta’ kuntratti konklużi qabel is-7 ta’ Ġunju 2011, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti marbuta maż-żejt, il-gass u prodotti taż-żejt raffinat. L-Istat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet li jsiru skont dan l-Artikolu fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

L-entitajiet elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu mal-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 204/2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.

(2)  ĠU L 149, 8.6.2011, p. 10.

(3)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1.


ANNESS

Entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

 

Awtorità portwarja ta’ Tripli

Awtorità Portwarja:

Socialist Ports Company (fir-rigward tal-operat tal-port ta’ Tripli)

Tel. +218 21 43946

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011

 

Awtorità portwarja ta’ Al Khoms

Awtorità Portwarja:

Socialist Ports Company (fir-rigward tal-operat tal-port ta’ Al Khoms)

Tel. +218 21 43946

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011

 

Awtorità portwarja ta’ Brega

 

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011

 

Awtorità portwarja ta’ Ras Lanuf

Awtorità Portwarja:

Veba Oil Operations BV

Indirizz: PO Box 690

Tripli, Libja

Tel. +218 21 333 0081

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011

 

Awtorità portwarja ta’ Zawia

 

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011

 

Awtorità portwarja ta’ Zuwara

Awtorità Portwarja:

Awtorità Portwarja ta’ Zuwara

PO Box 648

Port Affairs and Marine Transport

Tripli

Libja

Tel. +218 25 25305

Taħt il-kontroll tar-reġim ta’ Qadhafi

7.6.2011