31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/30


REGOLAMENT (UE) Nru 513/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-rapport finali, ippubblikat fil-25 ta’ Frar 2009, ta' grupp ta’ esperti ta’ livell għoli ppresedut minn Jacques de Larosière, taħt mandat tal-Kummissjoni, ikkonkluda li l-qafas superviżorju tas-settur finanzjarju fl-Unjoni Ewropea jeħtieġlu jissaħħaħ sabiex jitnaqqas ir-riskju u l-gravità ta’ kriżijiet finanzjarji futuri. Huwa rrakkomanda riformi estensivi fl-istruttura superviżjorja. Il-grupp ta’ esperti kkonkluda wkoll li għandha tinħoloq Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), li tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, waħda għas-settur bankarju, waħda għas-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol u rrakkomanda waħda għas-settur tat-titoli u tas-swieq, u l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2009, intitolata “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”, il-Kummissjoni pproponiet li jitressaq abbozz ta’ leġislazzjoni li joħloq is-SESF, u fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2009, intitolata “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea”, ipprovdiet aktar dettalji rigward l-arkitettura possibbli ta’ tali qafas superviżorju ġdid, b’enfasi fuq l-ispeċifiċità tas-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew irrakkomanda li tiġi stabbilita s-SESF, li tikkonsisti minn netwerk ta’ superviżuri finanzjarji nazzjonali li jaħdmu flimkien ma' tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. Is-SESF għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni nazzjonali, issaħħaħ is-superviżjoni ta' gruppi transkonfinali permezz tal-istabbiliment ta' kulleġġi superviżorji u tistabbilixxi ġabra Ewropea unika tar-regoli applikabbli għall-parteċipanti kollha tas-suq finanzjarju fis-suq intern. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li awtorità Ewropea tat-titoli u s-swieq għandu jkollha setgħat superviżorji fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha żżomm il-kompetenza tagħha li tinforza t-Trattati, b’mod partikolari l-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward ir-regoli komuni tal-kompetizzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS).

(5)

L-ambitu tal-kompetenza tal-AETS għandu jkun definit b’mod ċar biex il-parteċipanti fis-suq finanzjarju jkunu jistgħu jidentifikaw l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-attività tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. L-AETS għandha tingħata kompetenza ġenerali skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fil-kwistjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni u s-sorveljanza kontinwa ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati.

(6)

L-AETS għandha tkun esklużivament responsabbli għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fl-Unjoni. Meta l-AETS tiddelega kompiti speċifiċi lill-awtoritajiet kompetenti, l-AETS għandha tkompli tkun legalment responsabbli. Il-kapijiet u persunal ieħor tal-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-AETS f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, li jaġixxu bħala membri ta' korpi tal-AETS, bħall-bord tas-superviżuri jew panels interni tagħha. L-AETS għandu jkollha s-setgħa esklużiva li tikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi. Sa fejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-AETS jew meta jwettqu kompiti f'isem l-AETS huma għandhom ikunu koperti minn dawn il-ftehimiet ta' kooperazzjoni.

(7)

It-trasparenza tal-informazzjoni mogħtija mill-emittent ta' strument finanzjarju gradat lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu maħtura jista' jkollha ħafna valur miżjud potenzjali għall-funzjonament tas-suq u l-protezzjoni tal-investitur. Għandha għalhekk tingħata kunsiderazzjoni dwar kif l-aħjar li tiġi estiża t-trasparenza tal-informazzjoni fil-bażi tal-gradazzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji kollha. L-ewwel, l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni lill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu oħrajn irreġistrati jew ċertifikati x'aktarx isaħħaħ il-kompetizzjoni bejn l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, għaliex dan jista' jwassal, b'mod partikolari, għal żieda fin-numru ta' gradazzjonijiet mhux mitluba. Il-ħruġ ta' tali gradazzjonijiet mhux mitluba għandu jippromwovi l-użu ta' aktar minn gradazzjoni waħda għal kull strument finanzjarju. Dan x'aktarx jgħin ukoll biex jiġu evitati xi kunflitti ta' interess li jista' jkun hemm, speċjalment fil-mudell ’l-emittent iħallas', u għandu jtejjeb il-kwalità tal-gradazzjonijiet. It-tieni, l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni lis-suq kollu jista' wkoll iżid il-kapaċità tal-investituri biex jiżviluppaw l-analiżi tar-riskji tagħhom stess billi jibbażaw id-diliġenza dovuta tagħhom fuq din l-informazzjoni addizzjonali. Dan l-iżvelar jista' jwassal ukoll biex tonqos id-dipendenza fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi fundamentali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta dawk il-kwistjonijiet f'iktar dettall billi tagħti konsiderazzjoni ulterjuri lill-ambitu xieraq tal-obbligu ta' żvelar, wara li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq is-swieq tat-titolizzazzjoni lokali, aktar djalogu mal-partijiet interessati, il-monitoraġġ tas-suq u l-iżviluppi regolatorji, kif ukoll l-esperjenza miksuba minn ġurisdizzjonijiet oħra. Fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti leġislattivi xierqa. Il-valutazzjoni u proposti tal-Kummissjoni għandhom jippermettu d-definizzjoni tal-obbligi ta' trasparenza ġodda bl-aktar mod xieraq biex jiġi ssodisfat l-interess pubbliku, u jkun l-aktar konsistenti mal-protezzjoni tal-investituri.

(8)

Minħabba li l-gradazzjonijiet tal-kreditu jintużaw fl-Unjoni kollha, id-distinzjoni tradizzjonali bejn l-awtorità kompetenti ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn u l-użu ta’ koordinazzjoni minn kulleġġi superviżorji mhumiex l-istruttura l-aktar adegwata għas-sorveljanza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Bit-twaqqif tal-AETS, m’hemmx aktar ħtieġa li tinżamm tali struttura. Il-proċess tar-reġistrazzjoni għandu b’hekk ikun issimplifikat u l-limiti taż-żmien għandhom għaldaqstant jitnaqqsu.

(9)

L-AETS għandha tkun responsabbli għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni kontinwa tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, madankollu ma għandhiex tkun responsabbli għas-sorveljanza tal-utenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. L-awtoritajiet kompetenti maħturin skont il-leġislazzjoni settorjali rilevanti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, id-ditti ta’ investiment, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, l-impriżi ta’ riassigurazzjoni, l-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), l-istituzzjonijiet għall-provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali u fondi ta’ investiment alternattivi għandhom għalhekk jibqgħu responsabbli għas-superviżjoni tal-użu ta' gradazzjonijiet tal-kreditu minn dawn l-istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji, li jkunu taħt superviżjoni f'livell nazzjonali fil-kuntest u għall-fini tal-applikazzjoni ta’ direttivi oħra dwar is-servizzi finanzjarji, u tal-użu ta' gradazzjonijiet tal-kreditu fil-prospetti.

(10)

Hemm ħtieġa għal strument effettiv biex ikunu stabbiliti standards tekniċi regolatorji armonizzati li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fil-prattika ta’ kuljum u biex ikunu żgurati kondizzjonijiet indaqs għal kulħadd u protezzjoni adegwata tal-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza esperta speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u adatt li l-AETS tiġi fdata bl-iżvilupp ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji.

(11)

Fil-qasam tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, l-AETS għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, abbozz ta’ standards tekniċi fir-rigward ta' informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn aġenzija li tiggrada l-kreditu fl-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni, l-informazzjoni li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu trid tipprovdi għall-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni u għal valutazzjoni tal-importanza sistemika tagħha għall-istabbiltà finanzjarja jew l-integrità tas-swieq finanzjarji, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inkluża l-istruttura, il-format, il-metodu u l-perijodu tar-rappurtar li għandhom ikunu żvelati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni tal-kreditu mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, u l-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku tad-data ta' gradazzjoni li għandhom jiġu mitluba mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għall-fini tas-superviżjoni li tkun għaddejja mill-AETS. B'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandu jkun adottat mill-Kummissjoni biex dawn jingħataw effett legali vinkolanti. Fl-iżvilupp tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji tagħha, l-AETS għandha tikkunsidra u, jekk ikun xieraq u meħtieġ, taġġorna l-linji gwida li diġà nħarġu mill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej rigward il-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(12)

F'oqsma mhux koperti minn standards tekniċi regolatorji, l-AETS għandu jkollha s-setgħa li toħroġ u taġġorna linji gwida mhux vinkolanti dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(13)

Sabiex twettaq dmirijietha b'mod effettiv l-AETS għandu jkun jista' jirrikjedi, permezz ta' talba sempliċi jew ta' deċiżjoni, l-informazzjoni meħtieġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, persuni involuti fl-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu , entitatjiet iggradati u partijiet terzi relatati, partijiet terzi li lilhom l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu esternalizzaw funzjonijiet operattivi u persuni li huma b’xi mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b'mod sostanzjali mal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jew l-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu. Il-grupp ta' persuni tal-aħħar għandu jkopri, pereżempju, il-persunal ta' aġenzija li tiggrada l-kreditu li mhuwiex direttament involut f'attivitajiet ta’ gradazzjoni, iżda li minħabba l-funzjoni tiegħu fl-aġenzija li tiggrada l-kreditu jista' jżomm informazzjoni importanti dwar każ speċifiku. Kumpaniji li jkunu pprovdew servizzi lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu jistgħu wkoll jaqgħu f'dik il-kategorija. Impriżi li jużaw il-gradazzjoni tal-kreditu m'għandhomx jaqgħu f'dik il-kategorija. Jekk l-AETS tirrikjedi informazzjoni bħal din permezz ta' talba sempliċi, id-destinatarju ma jkunx obbligat li jipprovdi l-informazzjoni, iżda, fil-każ li jagħmel dan b'mod volontarju, l-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tkun inkorretta jew qarrieqa. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli mingħajr dewmien.

(14)

Sabiex teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha b'mod effettiv, l-AETS għandu jkollha d-dritt li twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post.

(15)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw kwalunkwe informazzjoni mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jgħinu u jikkooperaw mal-AETS. L-AETS u l-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti settorjali responsabbli għas-superviżjoni tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. L-AETS għandha tkun tista' tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, pereżempju fejn kompitu superviżorju jkun jeħtieġ għarfien u esperjenza fir-rigward tal-kondizzjonijiet lokali, li huma disponibbli aktar faċilment fil-livell nazzjonali. It-tip ta' kompiti li għandu jkun possibbli li jiġu ddelegati jinkludi t-twettiq ta' kompiti speċifiċi ta' investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post. Qabel tiddelega l-kompiti, l-AETS għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti rilevanti dwar il-kondizzjonijiet dettaljati relatati ma' tali delega tal-kompiti, inkluż l-ambitu tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat, l-iskeda biex jitwettaq il-kompitu, u t-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-AETS u għall-AETS. L-AETS għandha tikkumpensa lill-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta' kompitu ddelegat skont regolament dwar il-ħlas li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta' att iddelegat. L-AETS ma għandhiex tkun tista' tiddelega s-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni.

(16)

Huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu li l-AETS teżamina jekk ikunux ġew issodisfatti l-kondizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu u jitolbu li l-AETS tissospendi l-użu ta' gradazzjonijiet meta aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun meqjusa li tkun kisret serjament u b'mod persistenti r-Regolament (KE) Nru 1060/2009. L-AETS għandha tevalwa dawn it-talbiet u twettaq kwalunkwe miżura adattata.

(17)

L-AETS għandha tkun tista' timponi ħlasijiet perjodiċi ta' penali biex iġġiegħel lill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jwaqqfu ksur tal-liġi, biex jipprovdu informazzjoni kompluta rikjesta mill-AETS jew biex jissottomettu rwieħhom għal investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post.

(18)

L-AETS għandha tkun ukoll tista' timponi multi fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, meta tikkonstata li huma jkunu kkommettew, intenzjonalment jew b'negliġenza, ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-multi għandhom ikunu imposti skont il-livell ta' gravità tal-ksur. Il-każijiet ta' ksur għandhom jinqasmu fi gruppi differenti u għandha tiġi allokata multa speċifika għal kull grupp. Biex tiġi kkalkolata l-multa relatata ma' ksur speċifiku, l-AETS għandha tuża metodoloġija f'żewġ fażijiet li tikkonsisti fl-iffissar ta' ammont bażiku u l-aġġustament ta' dak l-ammont bażiku, jekk ikun meħtieġ, b'ċerti koeffiċjenti. L-ammont bażiku għandu jkun stabbilit billi jitqies il-fatturat annwali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata, u l-aġġustamenti għandhom isiru billi jiżdied jew jitnaqqas l-ammont bażiku permezz tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti rilevanti skont dan ir-Regolament.

(19)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi koeffiċjenti marbuta ma' ċirkustanzi aggravanti u attenwanti sabiex jingħataw l-għodod meħtieġa lill-AETS biex tiddeċiedi dwar multa li tkun proporzjonata għall-gravità ta' ksur imwettaq minn aġenzija li tiggrada l-kreditu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi li taħthom dak il-ksur ikun ġie kommess.

(20)

Qabel ma tittieħed deċiżjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali, l-AETS għandha tagħti lill-persuni suġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu sabiex ikunu rispettati d-drittijiet ta' difiża tagħhom.

(21)

L-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti biex jistabbilixxu u jimplimentaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-obbligu fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-entitajiet oħra li jużaw biss, għal skopijiet regolatorji, gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(22)

Dan ir-Regolament ma għandux joħloq preċedent għall-impożizzjoni ta' penali finanzjarji jew mhux finanzjarji mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fuq parteċipanti fis-suq finanzjarju jew impriżi oħra fir-rigward ta' tipi oħra ta' attività.

(23)

L-AETS għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali meta liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatti identiċi, jew minn fatti li jkunu sostanzjalment l-istess tkun diġà saret res judicata bħala riżultat ta' proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

(24)

Deċiżjonijiet tal-AETS li jimponu multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandhom ikunu infurzabbli u l-infurzar tagħhom għandu jiġi rregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili li jkunu fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-infurzar. Regoli tal-proċeduri ċivili m'għandhomx jinkludu regoli tal-proċedura kriminali iżda għandu jkun possibbli li jinkludu regoli tal-proċedura amministrattiva.

(25)

F'każ ta' ksur li jitwettaq minn aġenzija li tiggrada l-kreditu, l-AETS għandu jkollha s-setgħa li twettaq firxa ta' miżuri superviżorji, inkluż, iżda mhux limitat għal fatt, li tesiġi li aġenzija li tiggrada l-kreditu ttemm proċedura ta' ksur, tissospendi l-użu ta' gradazzjonijiet, għal finijiet regolatorji, b'mod temporanju tipprojbixxi l-aġenzija li tiggrada l-kreditu milli toħroġ gradazzjonijiet u, bħala l-aħħar miżura, li tirtira r-reġistrazzjoni meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun kisret b'mod serju u ripetut id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-miżuri superviżorji għandhom ikunu applikati mill-AETS b'kont meħud tan-natura u l-gravità tal-ksur u għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar miżuri ta' superviżjoni, l-AETS għandha tagħti lill-persuni suġġetti għall-proċeduri l-opportunità li jinstemgħu sabiex jiġu rrispetti d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(26)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali fl-Istati Membri. Għaldaqstant, ir-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji, inklużi dawk relatati mal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fil-media, u d-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal dawk li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti bħala parti mid-dritt ġenerali għal proċess ġust.

(27)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa adatt li jkunu stabbiliti miżuri tranżizzjonali ċari għat-trażmissjoni ta’ fajls u dokumenti ta' ħidma mingħand l-awtoritajiet kompetenti għal għand l-AETS.

(28)

Ir-reġistrazzjoni ta' aġenzija tal-gradazzjoni tal-kreditu mogħtija mill-awtorità kompetenti għandha tibqa' valida fl-Unjoni kollha wara t-tranżizzjoni tas-setgħat superviżorji mill-awtoritajiet kompetenti għall-AETS).

(29)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tispeċifika aktar jew temenda l-kriterji għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-qafas regolatorju u superviżorju ta’ pajjiż terz biex jitqiesu l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji, l-adozzjoni ta’ regolament dwar l-imposti u regoli dettaljati dwar il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali, u għall-emendar tal-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

(30)

Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ta' delega, għandha tiżgura trażmissjoni bikrija u kontinwa tal-informazzjoni u tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandu jkollhom tliet xhur mid-data tan-notifika biex joġġezzjonaw għal att iddelegat. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, għandu jkun possibbli li jittawwal il-perjodu bi tliet xhur fir-rigward ta' oqsma sinifikanti ta' tħassib. Għandu jkun possibbli wkoll għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jinfurmaw lill-istituzzjonijiet l-oħrajn bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet. Approvazzjoni bikrija bħal din ta' atti ddelegati hija partikolarment xierqa meta l-iskadenzi jkunu jridu jintlaħqu, pereżempju fejn hemm skedi fl-att bażiku biex il-Kummissjoni tadotta atti ddelegati.

(32)

Fid-Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, il-Konferenza ħadet nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija tal-abbozz ta' atti ddelegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, f'konformità mal-prattika stabbilita tagħha.

(33)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (6) tapplika għall-ipproċessar ta' data personali għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(34)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (7) huwa applikabbli b’mod sħiħ għall-ipproċessar ta’ data personali għall-iskopijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(35)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas superviżorju effiċjenti u effettiv għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, billi awtorità superviżorja waħda tingħata r-responsabilità għas-superviżjoni tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu fl-Unjoni, sabiex jiġi pprovdut punt uniku ta' kuntatt għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti fil-livell tal-Istati Membri u għalhekk, bl-istruttura pan-Ewropea u l-impatt tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu li għandhom ikunu taħt superviżjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(36)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu jkun emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1) għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(p)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet maħturin minn kull Stat Membru għall-fini ta' dan ir-Regolament kif previst fl-Artikolu 22;

(q)

‘leġislazzjoni settorjali’ tfisser l-atti legali tal-Unjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1);

(r)

‘awtoritajiet kompetenti settorjali’ tfisser l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali maħturin skont il-lezzjoni settorjali rilevanti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji tal-investiment, impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni, impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), istituzzjonijiet għall-provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali u fondi ta’ investiment alternattivi.”.

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Istituzzjonijiet tal-kreditu kif definiti fid-Direttiva 2006/48/KE, ditti ta’ investiment kif definiti fid-Direttiva 2004/39/KE, impriżi tal-assigurazzjoni soġġetti għall-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (*), impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja kif definiti fid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (**), impriżi ta’ riassigurazzjoni kif definiti fid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni (***), il-UCITS kif definiti fid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (****), istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definiti fid-Direttiva 2003/41/KE u fondi ta’ investiment alternattivi jistgħu jużaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu għal finijiet regolatorji biss jekk dawn jinħarġu minn aġenziji li jiggradaw il-kreditu stabbiliti fl-Unjoni u rreġistrati skont dan ir-Regolament.

(*)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3."

(**)  ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1."

(***)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1."

(****)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.”;"

(b)

Il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

Il-punti (b), (c) u (d) għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“(b)

l-aġenzija li tiggrada l-kreditu vverifikat u tista' turi fuq bażi kontinwa lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****) (AETS), li t-twettiq tal-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu ta’ pajjiż terz li jirriżultaw fil-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu li għandu jiġi approvat, jissodisfa r-rekwiżiti li huma stretti tal-inqas daqs ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12;

(c)

il-kapaċità tal-AETS li tevalwa u timmonitorja l-konformità tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu stabbilita fil-pajjiż terz mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (b) mhijiex limitata;

(d)

l-aġenzija li tiggrada l-kreditu meta tintalab, tagħmel disponibbli lill-AETS l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-AETS tkun tista’ tissorvelja fuq bażi kontinwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(*****)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.”;"

(ii)

Il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

hemm arranġament adatt ta’ kooperazzjoni bejn l-AETS u l-awtorità superviżorja rilevanti tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu stabbilita f'pajjiż terz. L-AETS għandha tiżgura li tali arranġament ta’ kooperazzjoni għandu tal-inqas jispeċifika:

(i)

il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-AETS u l-awtorità superviżorja rilevanti tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu stabbilita f'pajjiż terz; u

(ii)

il-proċeduri li jirrigwardaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji sabiex l-AETS tkun tista' timmonitorja l-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu li jirriżultaw fil-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu approvata fuq bażi kontinwa.”.

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tapplika għal ċertifikazzjoni. L-applikazzjoni għandha titressaq lill-AETS skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 15.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-AETS għandha teżamina u tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal ċertifikazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16. Id-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tapplika wkoll biex tkun eżentata:

(a)

fuq bażi ta’ każ b’każ milli tikkonforma ma’ xi wħud mir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima A tal-Anness I u l-Artikolu 7(4) jew milli tikkonforma magħhom kollha jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu hija kapaċi turi li r-rekwiżiti mhumiex proporzjonati minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tal-ħruġ minnha ta' gradazzjonijiet tal-kreditu;

(b)

mir-rekwiżit tal-preżenza fiżika fl-Unjoni fejn rekwiżit bħal dan ikun ta’ piż żejjed u mhux proporzjonat minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tal-ħruġ minnha ta' gradazzjonijiet tal-kreditu.

Applikazzjoni għal eżenzjoni taħt il-punt (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun sottomessa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu flimkien mal-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni. Meta tkun qed tevalwa applikazzjoni bħal din, l-AETS għandha tqis id-daqs tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li titqies in-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tal-ħruġ ta' gradazzjonijiet tal-kreditu minnha, kif ukoll tal-impatt ta' gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu għall-istabbiltà u l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, L-AETS tista’ tagħti tali eżenzjoni lil aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1.”;

(d)

il-paragrafu 5 għandu jitħassar;

(e)

fil-paragrafu 6, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi dwar is-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 38a, u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 38b u 38c, tadotta miżuri sabiex jiġu speċifikati aktar jew emendati l-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.”;

(f)

il-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“7.   L-AETS għandha tistabbilixxi ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti ta’ pajjiżi terzi li l-oqfsa legali u superviżorji tagħhom ikunu tqiesu ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 6. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw tal-inqas:

(a)

il-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-AETS u l-awtoritajiet superviżorji rilevanti tal-pajjiżi terzi kkonċernati; u

(b)

il-proċeduri li jirrigwardaw il-koordinazzjoni ta' attivitajiet superviżorji.

8.   L-Artikoli 20 u 24 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u għall-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa minnhom.”.

(4)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“3.   Fuq talba ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu, l-AETS tista’ teżenta aġenzija li tiggrada l-kreditu milli tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 2, 5 u 6 tat-Taqsima A tal-Anness I u l-Artikolu 7(4) jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun kapaċi turi li dawk ir-rekwiżiti mhumiex proporzjonati fid-dawl tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tal-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu u li:”;

(b)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-każ ta’ grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu, l-AETS għandha tiżgura li tal-inqas waħda mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fil-grupp ma tkunx eżentata milli tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 2, 5 u 6 tat-Taqsima A tal-Anness I u l-Artikolu 7(4).”;

(5)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Outsourcing

Ma jistax isir outsourcing ta’ funzjonijiet operattivi importanti b’tali mod li ssir ħsara materjali lill-kwalità tal-kontroll intern tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu u l-ħila tal-AETS li tissorvelja l-konformità tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu mal-obbligi skont dan ir-Regolament.”;

(6)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu ma għandhiex tuża l-isem tal-AETS jew kwalunkwe awtorità kompetenti b’tali mod li jkun indikat jew issuġġerit endorsjar jew approvazzjoni, minn l-AETS jew kwalunkwe awtorità kompetenti, tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jew kwalunkwe attività ta’ gradazzjoni tal-kreditu tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.”;

(7)

fl-Artikolu 11, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tagħmel disponibbli f’maħżen ċentrali stabbilit mill-AETS informazzjoni dwar id-data tal-prestazzjoni storika tagħha, inkluża l-frekwenza tat-tranżizzjoni tal-gradazzjonijiet u informazzjoni dwar gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fil-passat u dwar il-bidliet fihom. L-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tipprovdi informazzjoni lil dak il-maħżen fuq formola standard kif provduta mill-AETS. L-AETS għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika informazzjoni fil-qosor dwar l-iżviluppi ewlenin osservati fuq bażi annwali.

3.   Kull sena, aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tipprovdi lill-AETS, sal-31 ta' Marzu, bl-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Parti II tat-Taqsima E tal-Anness I.”;

(8)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni ladarba d-deċiżjoni li tiġi rreġistrata aġenzija li tiggrada l-kreditu adottata mill-AETS kif imsemmi fl-Artikolu 16(3) jew l-Artikolu 17(3) tkun ġiet adottata.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, lill-AETS dwar kwalunkwe bidla materjali fil-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni inizjali, inkluż kwalunkwe ftuħ jew għeluq ta’ fergħat fl-Unjoni.”;

(c)

il-paragrafi 4 u 5 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 16 u 17, l-AETS għandha tirreġistra l-aġenzija li tiggrada l-kreditu, jekk hija tikkonkludi mill-eżami tal-applikazzjoni li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu stabbiliti f’dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-Artikoli 4 u 6.

5.   L-AETS ma għandhiex timponi rekwiżiti rigward ir-reġistrazzjoni, li mhumiex previsti f’dan ir-Regolament.”;

(9)

l-Artikoli 15 sa 21 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 15

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

1.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-AETS. L-applikazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

2.   Meta grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu japplika għar-reġistrazzjoni, il-membri tal-grupp għandhom jagħtu s-setgħa lil wieħed minnhom biex jibgħat l-applikazzjonijiet kollha lill-AETS f’isem il-grupp. L-aġenzija li tiggrada l-kreditu maħtura għandha tipprovdi l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fl-Anness II għal kull membru tal-grupp.

3.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tippreżenta l-applikazzjoni tagħha bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (******) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kwalunkwe komunikazzjoni oħra bejn l-AETS u l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u l-persunal tagħhom.

4.   Fi żmien 20 jum ta' xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-AETS għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-AETS għandha tistabbilixxi data ta’ skadenza sa meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tevalwa applikazzjoni bħala kompluta, l-AETS għandha tinnotifika lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu kif adatt.

Artikolu 16

Evalwazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu mill-AETS

1.   L-AETS għandha fi żmien 45 jum ta' xogħol min-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' aġenzija li tiggrada l-kreditu abbażi tal-konformità tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-AETS tista’ testendi l-perijodu tal-eżami bi 15-il jum ta' xogħol, b’mod partikolari jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu:

(a)

tipprevedi l-approvazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 4(3);

(b)

tipprevedi l-użu tal-outsourcing; jew

(c)

titlob l-eżenzjoni mill-konformità skont l-Artikolu 6(3).

3.   Fi żmien 45 jum ta' xogħol min-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4), jew fi żmien 60 jum ta' xogħol minnha meta jkun japplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ li taċċetta jew tiċħad ir-reġistrazzjoni.

4.   Id-deċiżjoni adottata mill-AETS skont il-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum ta' xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 17

Evalwazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu mill-AETS

1.   L-AETS għandha fi żmien 55 jum ta' xogħol min-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4) teżamina l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' grupp ta' aġenziji li jiggradaw il-kreditu abbażi tal-konformità ta' dawk l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-AETS tista’ testendi l-perijodu tal-eżami bi 15-il jum ta' xogħol, b’mod partikolari jekk kwalunkwe waħda mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fil-grupp:

(a)

tipprevedi l-approvazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 4(3);

(b)

tipprevedi l-użu tal-outsourcing; jew

(c)

titlob l-eżenzjoni mill-konformità skont l-Artikolu 6(3).

3.   Fi żmien 55 jum ta' xogħol min-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(4), jew fi żmien 70 jum ta' xogħol minnha meta jkun japplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ li taċċetta jew tiċħad ir-reġistrazzjoni għal kull aġenzija li tiggrada l-kreditu fil-grupp.

4.   Id-deċiżjoni adottata mill-AETS skont il-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum ta' xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 18

Notifika ta' deċiżjoni tar-reġistrazzjoni, ċaħda jew irtirar tar-reġistrazzjoni, u pubblikazzjoni tal-lista ta' aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati

1.   Fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikoli 16, 17 jew 20, l-AETS għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata. Meta l-ASE(AETS) tirrifjuta li tirreġistra l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew tirtira r-reġistrazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, hija għandha tagħti r-raġunijiet fid-deċiżjoni tagħha.

2.   L-AETS għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******) (ABE), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********) (AEAPX), lill-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet settorjali kompetenti, kwalunkwe deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 16, 17 jew 20.

3.   L-AETS għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista ta' aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt l-Artikolu 16, 17 jew 20. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik il-lista aġġornata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien 30 ġurnata minn tali aġġornament.

Artikolu 19

Drittijiet għar-reġistrazzjoni u għas-superviżjoni

1.   L-AETS għandha timponi imposti fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu f'konformità ma' dan ir-Regolament u r-regolament dwar l-imposti msemmi fil-paragrafu 2. Dawk l-imposti għandhom ikopru għalkollox l-infiq tal-AETS meħtieġ għar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u għar-rimborż ta' kwalunkwe spiża li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta' ħidma skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari bħala riżultat ta' kwalunkwe delega tal-kompiti f'konformità mal-Artikolu 30.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regolament dwar l-imposti. Dak ir-regolament għandu jiddetermina b'mod partikolari t-tip ta' imposti u l-kwistjonijiet li għalihom ikunu dovuti l-imposti, l-ammont tal-imposti, il-mod li bih dawn għandhom jitħallsu u l-mod li bih l-AETS għandha tirrimborża lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' kwalunkwe spiża li huma jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta' ħidma skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari bħala riżultat ta' kwalunkwe delega tal-kompiti f'konformità mal-Artikolu 30.

L-ammont ta' imposta imponuta fuq aġenzija li tiggrada l-kreditu għandu jkopri l-ispejjeż amministrattivi kollha u jkun proporzjonat għall-introjtu tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata.

Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regolament dwar l-imposti msemmi fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ att iddelegat f'konformità mal-Artikolu 38a u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 38b u 38c.

Artikolu 20

L-irtirar tar-reġistrazzjoni

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 24, l-AETS għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu:

(a)

espressament tirrinunzja r-reġistrazzjoni jew ma tipprovdi l-ebda gradazzjoni tal-kreditu għas-sitt xhur ta’ qabel;

(b)

tkun kisbet ir-reġistrazzjoni billi għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor; jew

(c)

ma tkunx għadha tissodisfa l-kondizzjonijiet li skonthom kienet irreġistrata.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih jintużaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata u li tikkunsidra li waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ġiet issodisfata, tista’ titlob li l-AETS teżamina jekk il-kondizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata humiex issodisfati. Jekk l-AETS tiddeċiedi li ma tirtirax ir-reġistrazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu konċernata, għandha tipprovdi r-raġunijiet sħaħ.

3.   Id-deċiżjoni dwar l-irtirar tar-reġistrazzjoni għandha tidħol fis-seħħ minnufih fl-Unjoni kollha, soġġett għall-perijodu tranżitorju għall-użu ta' gradazzjonijiet tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 24(4).

KAPITOLU II

SUPERVIŻJONI MILL-AETS

Artikolu 21

AETS

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25a, l-AETS għandha tiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat.

2.   F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha toħroġ u taġġorna l-linji gwida dwar il-kooperazzjoni bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti settorjali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u għal dawk tal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti, inklużi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet dettaljati relatati mad-delega tal-kompiti.

3.   B'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha, b'kooperazzjoni mal-ABE u mal-AEAPX, toħroġ u taġġorna linji gwida dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament sas-7 ta’ Ġunju 2011.

4.   Sat-2 ta’ Jannar 2012, l-AETS għandha tippreżenta abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn aġenzija li tiggrada l-kreditu fl-applikazzjoni tagħha kif imniżżel fl-Anness II;

(b)

informazzjoni li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tipprovdi għall-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni u għall-valutazzjoni tal-importanza sistemika tagħha għall-istabbiltà u l-integrità finanzjarja tas-swieq finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5;

(c)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inkluża l-istruttura, il-format, il-metodu u l-perijodu tar-rappurtar, li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jiżvelaw skont l-Artikolu 11(2) u l-punt 1 tal-Parti II tat-Taqsima E tal-Anness I;

(d)

il-valutazzjoni tal-konformità tal-metodoloġiji ta' gradazzjoni tal-kreditu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(3);

(e)

il-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku tad-data ta' gradazzjoni li l-AETS għandha titlob mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għall-fini tas-superviżjoni li tkun għaddejja.

5.   L-AETS għandha tippubblika, kull sena u għall-ewwel darba sal-1 ta’ Jannar 2012, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkun fih, b’mod partikolari, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Anness I mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament.

6.   L-AETS għandha tippreżenta kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar miżuri superviżorji meħuda u penali imposti mill-AETS, inklużi multi u ħlasijiet perjodiċi ta' penali.

7.   L-AETS għandha tikkoopera mal-ABE u mal-AEAPX biex twettaq il-kompiti tagħha u għandha tikkonsulta lill-ABE u mal-AEAPX qabel toħroġ u taġġorna linji gwida u tippreżenta abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4.

(******)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58."

(*******)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12."

(********)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.”;"

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Eżami tal-konformità tal-obbligu tal-back-testing

1.   Fl-eżerċizzju ta' superviżjoni kontinwa tagħha ta' aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament, l-AETS għandha teżamina regolarment il-konformità mal-Artikolu 8(3).

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 23, l-AETS għandha wkoll, fil-qafas tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1:

(a)

tivverifika l-eżekuzzjoni tal-back-testing mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu;

(b)

tanalizza r-riżultati ta' dak il-back-testing; u

(c)

tivverifika li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jkollhom proċessi stabbiliti biex iqisu r-riżultati tal-back-testing fil-metodoloġiji tagħhom ta' gradazzjoni.”.

(11)

L-Artikoli 23 sa 27 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Nuqqas ta' interferenza mal-kontenut tal-gradazzjonijiet jew il-metodoloġiji

Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-AETS, il-Kummissjoni jew kwalunkwe awtorità pubblika ta’ Stat Membru ma għandhomx jinterferixxu mal-kontenut ta' gradazzjonijiet tal-kreditu jew ta' metodoloġiji.

Artikolu 23a

Eżerċizzju tas-setgħat imsemmijin fl-Artikoli 23b sa 23d

Il-poteri konferiti fuq l-AETS jew xi uffiċjali tal-AETS jew persuna oħra awtorizzata mill-AETS taħt l-Artikoli 23b sa 23d ma għandhomx jintużaw biex jesiġu l-iżvelar ta' informazzjoni jew dokumenti li huma suġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 23b

Talbiet għal informazzjoni

1.   L-AETS tista’, permezz ta' talba sempliċi jew ta' deċiżjoni, teħtieġ li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, persuni involuti fl-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu, entitatjiet gradati u partijiet terzi relatati, partijiet terzi li lilhom l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operattivi u persuni li huma b’xi mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b'mod sostanzjali mal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jew l-attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu jipprovdu l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni skont il-paragrafu 1, l-AETS għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi legali tat-talba;

(b)

tiddikjara l-fini tat-talba;

(c)

tispeċifika x'informazzjoni hija mitluba;

(d)

tistabbilixxi l-limitu ta' żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tinforma lill-persuna li tkun intalbet din l-informazzjoni li hi mhix obbligata tipprovdi l-informazzjoni, iżda li kwalunkwe tweġiba għat-talba għall-informazzjoni ma għandhiex tkun skorretta jew li tiżgwida;

(f)

tindika l-multa prevista fl-Artikolu 36a, flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima II tal-Anness III, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw.

3.   Meta tirrikjedi li tingħatalha informazzjoni skont il-paragrafu 1 b'deċiżjoni, l-AETS għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi legali għat-talba;

(b)

tiddikjara l-fini tat-talba;

(c)

tispeċifika x'informazzjoni hija mitluba;

(d)

tistabbilixxi l-limitu ta' żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali previsti fl-Artikolu 36b meta l-produzzjoni tal-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f)

tindika l-multa prevista fl-Artikolu 36a, flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima II tal-Anness III, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw; u

(g)

tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità legali, il-persuni awtorizzati biex jirrapreżentawhom bil-liġi jew mill-kostituzzjoni tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Avukati debitament awtorizzati li jaġixxu, jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f'isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni mogħtija ma tkunx kompluta, ma tkunx korretta jew tkun tiżgwida.

5.   L-AETS għandha tibgħat, mingħajr dewmien, kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati jew stabbiliti l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 li huma kkonċernati mit-talba għal informazzjoni.

Artikolu 23c

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Sabiex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-AETS tista' twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa ta' persuni msemmijin fl-Artikolu 23b(1). Għal dak il-għan, l-uffiċjali tal-AETS u persuni oħrajn awtorizzati minnha għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom irrispettivament mill-mezz li jkunu miżmumin fih;

(b)

jieħdu jew jakkwistaw kopji ċċertifikati ta’ jew estratti minn tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor;

(c)

isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 23b(1) jew rappreżentanti jew membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet orali jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u biex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)

jintervistaw kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li taqbel li tiġi intervistata bil-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni;

(e)

jitolbu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data.

2.   L-uffiċjali tal-AETS jew persuni oħra awtorizzati minnha għall-fini ta' dawn l-investigazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali previsti fl-Artikolu 36b meta l-produzzjoni tar-rekords, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 23b(1) ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, u l-multi previsti fl-Artikolu 36a, flimkien mal-punt 8 tat-Taqsima II tal-Anness III, meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 23b(1) ma jkunux korretti jew ikunu jiżgwidaw.

3.   Il-persuni msemmijin fl-Artikolu 23b(1) għandhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta' deċiżjoni tal-AETS. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta' penali previsti fl-Artikolu 36b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.   Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni, l-AETS għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li fih għandha ssir l-investigazzjoni, bl-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. Uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-AETS, jgħinu lil dawk il-persuni awtorizzati fit-twettiq ta' dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu wkoll jattendu l-investigazzjonijiet jekk jitolbu li jagħmlu dan.

5.   Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista' wkoll issir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura prekawzjonarja.

6.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-AETS tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-AETS għal spjegazzjonijiet dettaljati, b'mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-AETS biex tissuspetta li jkun sar ksur ta' dan ir-Regolament u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna li tkun soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali m'għandhiex tirrevedi l-ħtieġa għal investigazzjoni jew talba li għandha tiġi pprovduta bl-informazzjoni fuq il-fajl tal-AETS. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-AETS għandha tkun suġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 23d

Spezzjonijiet fil-post

1.   Biex twettaq id-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, l-AETS tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fil-post fil-bini tan-negozju tal-persuni ġuridiċi msemmijin fl-Artikolu 23b(1). Meta t-twettiq u l-effiċjenza adatti tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, l-AETS tista' twettaq spezzjonijiet fil-post b'notifika minn qabel.

2.   Biex l-uffiċjali tal-AETS u persuni oħrajn awtorizzati minnha jwettqu spezzjonijiet fil-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini ta’ negozju u art tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal investigazzjoni mal-preżentazzjoni ta' deċiżjoni adottata mill-AETS u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 23c(1). Huma għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini u kotba jew reġistri ta’ negozju għall-perijodu u sal-limitu meħtieġa għall-ispezzjoni.

3.   Biex l-uffiċjali tal-AETS u persuni oħrajn awtorizzati minnha jwettqu spezzjonijiet fil-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 36b meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux irwieħhom għall-ispezzjoni. Fi żmien adattat qabel l-ispezzjoni, l-AETS għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun ser titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Il-persuni msemmijin fl-Artikolu 23b(1) għandhom jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet fil-post ordnati b’deċiżjoni tal-AETS. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, tispeċifika d-data meta għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali previsti fl-Artikolu 36b, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-AETS għandha tieħu tali deċiżjonijiet wara li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-ispezzjoni.

5.   L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom fuq talba tal-AETS, jgħinu attivament lill-uffiċjali tal-AETS u persuni oħra awtorizzati minnha. Għal dan il-għan, huma għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu wkoll jattendu l-ispezzjonijiet fil-post jekk jitolbu li jagħmlu dan.

6.   L-AETS tista’ tesiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fil-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 23c(1) f’isimha. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-AETS kif stabbilit f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 23c(1).

7.   Meta l-uffiċjali tal-AETS u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati minnha jsibu li persuna topponi xi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-għajnuna neċessarja, u titlob fejn adatt l-għajnuna tal-pulizija jew ta' awtorità ta' infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fil-post.

8.   Jekk l-ispezzjoni fil-post prevista fil-paragrafu 1 jew jekk l-għajnuna prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, din l-awtorizzazzjoni għandha ssir applikazzjoni għaliha. Tista' wkoll issir applikazzjoni għal din l-awtorizzazzjoni bħala miżura prekawzjonarja.

9.   Meta l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 tkun saret applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-AETS tkun awtentika u li l-miżuri koersivi previsti la jkunu arbitrarji u l-inqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Meta tikkontrolla l-proporzjonalità tal-miżuri koersivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-AETS għal spjegazzjonijiet iddettaljati, b'mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-AETS biex tissuspetta li jkun sar ksur ta' dan ir-Regolament, u l-gravità tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koersivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrevedi n-neċessità tal-ispezzjoni u lanqas titlob li tiġi provduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-AETS. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-AETS għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 23e

Regoli proċedurali biex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti l-multi

1.   Meta, fit-twettiq ta' dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-AETS issib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta' fatti li jistgħu jikkostitwixxu tip wieħed jew aktar ta' ksur elenkat fl-Anness III, l-AETS għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fl-AETS biex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux ikun involut fis-superviżjoni diretta tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS.

2.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinvestiga l-ksur allegat, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jippreżenta fajl komplet bis-sejbiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS.

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni jista' jeżerċita s-setgħa li jirrkjedi informazzjoni skont l-Artikolu 23b u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post skont l-Artikoli 23c u 23d. Meta juża dawn is-setgħat, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jikkonforma mal-Artikolu 23a.

Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġburin mill-AETS fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

3.   Meta jikkompleta l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bil-konklużjonijiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni soġġetti għall-investigazzjoni kellhom l-opportunità jikkummentaw dwarhom.

Matul l-investigazzjonijiet taħt dan l-Artikolu, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ.

4.   Meta jippreżenta l-fajl bil-konklużjonijiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-AETS, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinnotifika dak il-fatt lill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

5.   Abbażi tal-fajl li jkun fih il-konklużjonijiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni kkonċernati, wara li jkun sema' lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni skont l-Artikolu 25 u 36c, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta' ksur elenkati fl-Anness III jkunx twettaq mill-persuni li kienu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u f'każ bħal dan, għandu jieħu miżura superviżorja skont l-Artikolu 24 u jimponi multa skont l-Artikolu 36a.

6.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS jew bi kwalunkwe mod ieħor jindaħal fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-AETS.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta aktar regoli ta' proċedura biex tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta' difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir ta' multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali, u għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

Ir-regoli msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 38a u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 38b u 38c.

8.   L-AETS għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti meta, fit-twettiq ta' dmirijietha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta' fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-AETS għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali meta liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna minn qabel li tirriżulta minn fatti identiċi, jew minn fatti li jkunu sostanzjalment l-istess, tkun saret res judicata bħala riżultat tal-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 24

Miżuri superviżorji mill-AETS

1.   Meta skont l-Artikolu 23e(5), il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS isib li aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet wieħed mit-tipi ta' ksur elenkati fl-Anness III, dan għandu jieħu deċiżjoni jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

jirtira r-reġistrazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu;

(b)

jipprojbixxi temporanjament lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu milli toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu b’effett fl-Unjoni kollha, sakemm jintemm il-ksur;

(c)

jissospendi l-użu, għal finijiet regolatorji, tal-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu b’effett fl-Unjoni kollha, sakemm jintemm il-ksur;

(d)

jesiġi li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu ttemm il-ksur;

(e)

joħroġ avviżi pubbliċi.

2.   Meta jieħu d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jqis in-natura u l-gravità tal-ksur, wara li jkun qies il-kriterji li ġejjin:

(a)

it-tul ta' żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b)

jekk il-ksur ikunx kixef dgħufijiet serji jew sistemiċi fil-proċeduri tal-impriża jew fis-sistemi tal-ġestjoni jew kontrolli interni tagħha;

(c)

jekk ir-reat finanzjarju kienx iffaċilitat mill-ksur, ikkawżat mill-ksur jew b’xi mod ieħor attribwibbli għall-ksur;

(d)

jekk il-ksur ikunx twettaq intenzjonalment jew b' negliġenza.

3.   Qabel jieħu d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jinforma lill-ABE u lill-AEAPX b'dan.

4.   Il-gradazzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkomplu jintużaw għal finijiet regolatorji wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 matul perijodu li ma jaqbiżx:

(a)

10 ijiem ta' xogħol mid-data meta d-deċiżjoni tal-AETS tkun saret pubblika skont il-paragrafu 5 jekk hemm gradazzjonijiet tal-kreditu tal-istess strument finanzjarju jew entità finanzjarja maħruġin minn aġenziji oħrajn ta' gradazzjoni tal-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament; jew

(b)

tlett xhur mid-data meta d-deċiżjoni tal-AETS tkun saret pubblika skont il-paragrafu 5 jekk ma jkunx hemm gradazzjonijiet tal-kreditu tal-istess strument finanzjarju jew entità finanzjarja maħruġin minn aġenziji oħrajn ta' gradazzjoni tal-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament.

Il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS jista’ jestendi, inkluż wara talba mill-ABE u mill-AEAPX, il-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu bi tlett xhur f’ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-potenzjal għal tfixkil fis-suq jew instabbiltà finanzjarja.

5.   Mingħajr dewmien bla bżonn, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jinnotifika kwalunkwe deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata, u għandu jikkomunika kwalunkwe tali deċiżjoni lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet kompetenti settorjali, lill-Kummissjoni, lill-ABE u lill-AEAPX. Dan għandu jagħmel pubblika kwalunkwe tali deċiżjoni fuq il-websajt tiegħu fi żmien 10 ijiem ta' xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Meta jagħmel pubblika d-deċiżjoni tiegħu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu wkoll jagħmel pubbliku d-dritt tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tappella d-deċiżjoni, il-fatt, fejn rilevanti, li tali appell ikun sar, waqt li jispeċifika li tali appell ma jkollux effett ta’ sospensjoni, u l-fatt li huwa possibbli għall-Bord tal-Appell li jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 25

Smigħ tal-persuni konċernati

1.   Qabel jieħu kwalunkwe deċiżjoni taħt l-Artikolu 24(1), il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jagħti l-opportunità lill-persuni li huma soġġetti għal proċediment li jinstemgħu fuq is-sejbiet tal-AETS. Il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti biex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’każ bħal dan, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS jista' jadotta deċiżjoni interim u għandu jagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li jkun ħa d-deċiżjoni tiegħu.

2.   Id-dritt ta' difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandu jiġi rispettat bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-AETS, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl m’għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 25a

Awtoritajiet kompetenti settorjali responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar tal-Artikolu 4(1) (l-użu tal-gradazzjonijiet tal-kreditu)

L-awtoritajiet kompetenti settorjali għandhom ikunu responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar tal-Artikolu 4(1) skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti.

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI BEJN L-AETS, L-AWTORITAJIET KOMPETENTI U L-AWTORITAJIET KOMPETENTI SETTORJALI

Artikolu 26

Obbligu ta' kooperazzjoni

L-AETS, l-ABE, l-AEAPX, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti settorjali għandhom jikkooperaw meta jkun meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u għal dawk tal-leġislazzjoni settorjali rilevanti.

Artikolu 27

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-AETS, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet kompetenti settorjali għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq ta' dmirijiethom skont dan ir-Regolament u skont il-leġislazzjoni settorjali rilevanti.

2.   L-AETS tista’ tittrażmetti lill-banek ċentrali, lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u lill-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u, fejn adatt, lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn responsabbli mis-superviżjoni tas-sistemi ta' ħlas u ta' saldu, informazzjoni kunfidenzjali maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Bl-istess mod, tali awtoritajiet jew korpi ma għandhomx jitwaqqfu milli jgħaddu lill-AETS, informazzjoni li l-AETS tista’ tkun teħtieġ għat-twettiq tad-dmiriijet tagħha skont dan ir-Regolament.”;

(12)

L-Artikoli 28 u 29 jitħassru;

(13)

L-Artikoli 30, 31 u 32 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 30

Delega ta’ kompiti mingħand l-AETS lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Meta jkun meħtieġ għat-twettiq adatt ta' kompitu superviżorju, l-AETS tista' tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru skont il-linji gwida maħruġin mill-AETS skont l-Artikolu 21(2). Dawk il-kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu b'mod partikolari jinkludu s-setgħa li tintalab informazzjoni skont l-Artikolu 23b u li jitwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet fil-post skont l-Artikolu 23d(6).

2.   Qabel id-delega ta' kompitu, l-AETS għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti relevanti. Tali konsultazzjoni għandha tikkonċerna:

(a)

l-ambitu tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat;

(b)

l-iskeda għat-twettiq tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat; u

(c)

it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-AETS u lill-AETS.

3.   Skont ir-Regolament dwar is-saldu tal-imposti adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(2), l-AETS għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għal spejjeż imġarrbin minħabba t-twettiq ta' kompiti ddelegati.

4.   L-AETS għandha tirrieżamina d-delega msemmija fil-paragrafu 1 f'intervalli adatti. Delega ta' kompiti tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin.

Id-delega tal-kompiti m'għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-AETS u m'għandhiex tillimita l-abbiltà tal-AETS li twettaq jew tissorvelja l-attività ddelegata. Ir-responsabilitajiet superviżorji taħt dan ir-Regolament, inklużi d-deċiżjonijiet ta' reġistrazzjoni, il-valutazzjonijiet finali u d-deċiżjonijiet ta' segwitu fir-rigward ta' ksur, ma għandhomx jiġu ddelegati.

Artikolu 31

Notifiki u talbiet għal sospensjoni mill-awtoritajiet kompetenti

1.   Meta awtorità kompetenti ta' Stat Membru ssib li atti li jmorru kontra dan ir-Regolament ikunu qegħdin, jew kienu qed jitwettqu fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha tinnotofika dan il-fatt bl-aktar mod speċifiku possibbli lill-AETS. Meta l-awtorità kompetenti tqis li dan ikun xieraq għal finijiet investigattivi, l-awtorità kompetenti tista' wkoll tissuġġerixxi li l-AETS tivvaluta l-ħtieġa għall-użu tas-setgħat taħt l-Artikoli 23b u 23c fir-rigward tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu involuta f'dawn l-atti.

L-AETS għandha tieħu azzjoni adatta. Hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tinnotifika bir-riżultat u, sa fejn ikun possibbli, bi kwalunkwe żvilupp interim sinifikanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dmir ta’ notifika stabbilit fil-paragrafu 1, meta l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li tinnotifika tqis li aġenzija li tiggrada l-kreditu rreġistrata, li l-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha jintużaw fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, tikser l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u l-ksur ikun serju u persistenti biżżejjed biex ikollu impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tal-investituri jew fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’dak l-Istat Membru, l-awtorità kompetenti li tinnotifika tista’ titlob li l-AETS tissospendi l-użu, għal finijiet regolatorji, tal-gradazzjonijiet tal-kreditu tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata mill-istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet oħra msemmijin fl-Artikolu 4(1). L-awtorità kompetenti li tinnotifika għandha tipprovdi lill-AETS bir-raġunijiet sħaħ għal din it-talba.

Meta l-AETS tqis li t-talba mhijiex iġġustifikata, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tinnotifika bil-miktub, u tistipula r-raġunijiet. Meta l-AETS tqis li t-talba hija ġustifikata, hija għandha tieħu l-miżuri adatti biex issolvi l-kwistjoni.

Artikolu 32

Sigriet professjonali

1.   L-obbligu tas-sigriet professjonali għandu japplika għall-AETS, l-awtoritajiet kompetenti, u l-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-AETS, għall-awtoritajiet kompetenti jew għal kwalunkwe persuna oħra li l-AETS tkun iddelegat xi kompiti lilha, inklużi awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-AETS. L-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.

2.   L-informazzjoni kollha li, skont dan ir-Regolament tinkiseb, jew tiġi skambjata bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti settorjali u awtoritajiet u korpi oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 27(2) għandha titqies kunfidenzjali, ħlief meta l-AETS jew l-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp ieħor ikkonċernat jiddikjaraw fil-ħin tal-komunikazzjoni li tali informazzjoni tista’ tkun żvelata jew meta tali żvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.”;

(14)

L-Artikolu 33 jitħassar.

(15)

l-Artikoli 34 u 35 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 34

Ftehim dwar skambju ta’ informazzjoni

L-AETS tista’ tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanziji tas-sigriet professjonali li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 32.

Tali skambju ta’ informazzjoni għandu jkun maħsub għat-twettiq tal-kompiti tal-AETS jew ta’ dawk l-awtoritajiet superviżorji.

Fir-rigward tat-trasferiment ta' data personali għal pajjiż terz, l-AETS għandha tapplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (*********).

Artikolu 35

Żvelar ta’ informazzjoni minn pajjiżi terzi

L-AETS tista’ tiżvela l-informazzjoni li rċeviet mingħand l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-AETS jew awtorità superviżorja tkun kisbet il-qbil espliċitu tal-awtorità superviżorja li tkun bagħtet l-informazzjoni u, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni għandha tkun żvelata biss għall-finijiet li għalihom dik l-awtorità superviżorja tkun tat il-qbil tagħha jew fejn tali żvelar huwa meħtieġ għal proċedimenti legali.

(*********)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”;"

(16)

l-intestatura tal-Kapitolu I tat-Titolu IV “Penali, proċeduri tal-kumitat, rappurtaġġ” għandha tiġi sostitwita bl-intestatura “Penali, multi, ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, proċedura ta' kumitat, setgħat iddelegati u rappurtaġġ”.

(17)

fl-Artikolu 36, l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 4(1) u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti settorjali tiżvela lill-pubbliku kull penali li tkun ġiet imposta għall-ksur tal-Artikolu 4(1), sakemm tali żvelar ma jippreġudikax b'mod serju s-swieq finanzjarji jew jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.”;

(18)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 36a

Multi

1.   Meta skont l-Artikolu 23e(5), il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS isib li aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet, intenzjonalment jew bi traskuraġni, wieħed mit-tipi ta' ksur elenkati fl-Anness III, dan għandu jadotta deċiżjoni li timponi multa skont il-paragrafu 2.

Għandu jiġi kkunsidrat li ksur minn aġenzija li tiggrada l-kreditu jkun twettaq intenzjonalment, jekk l-AETS issib fatturi oġġettivi li juru li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew il-maniġment għoli tagħha jkunu aġixxew apposta biex iwettqu l-ksur.

2.   L-ammont bażiku tal-multi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu inklużi fil-limiti li ġejjin:

(a)

għall-ksur imsemmi fil-punti 1 sa 5, 11 sa 15, 19, 20, 23, 28, 30, 32, 33, 35, 41, 43, 50, u 51 tat-Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 500 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 750 000;

(b)

għall-ksur imsemmi fil-punti 6 sa 8, 16 sa 18, 21, 22, 24, 25, 27, 29, 31, 34, 37 sa 40, 42, 45 sa 47, 48, 49, 52 u 54 tat-Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 300 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 450 000;

(c)

għall-ksur imsemmi fil-punti 9, 10, 26, 36, 44 u 53 tat-Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 100 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 200 000;

(d)

għall-ksur imsemmi fil-punti 1, 6, 7 u 8 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 50 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 150 000;

(e)

għall-ksur imsemmi fil-punti 2, 4 u 5 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 25 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 75 000;

(f)

għall-ksur imsemmi fil-punt 3 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 10 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 50 000;

(g)

għall-ksur imsemmi fil-punti 1 sa 3 u 11 tat-Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 150 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 300 000;

(h)

għall-ksur imsemmi fil-punti 4, 6, 8 u 10 tat-Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 90 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 200 000;

(i)

għall-ksur imsemmi fil-punti 5, 7 u 9 tat-Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 40 000 u m'għandhomx jaqbżu EUR 100 000.

Sabiex tiddeċiedi jekk l-ammont bażiku tal-multi għandux ikun stabbilit fl-aktar livell baxx, fil-livell tan-nofs jew fl-ogħla livell tal-limiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-AETS għandha tqis il-fatturat annwali fis-sena kummerċjali preċedenti tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata. L-ammont bażiku għandu jkun lejn l-aktar livell baxx tal-limitu għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu li l-fatturat annwali tagħhom ikun anqas minn EUR 10 miljuni, lejn il-livell tan-nofs tal-limitu għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu li l-fatturat annwali tagħhom ikun bejn EUR 10 u 50 miljun u lejn l-ogħla livell tal-limitu għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu li l-fatturat annwali tagħhom ikun ogħla minn EUR 50 miljun.

3.   L-ammonti bażiċi ddefiniti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu aġġustati, jekk ikun hemm bżonn, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew attenwanti skont il-koeffiċjenti relevanti stipulati fl-Anness IV.

Il-koeffiċjenti aggravanti relevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor lill-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjenti aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' kull koeffiċjenti aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti attenwanti relevanti għandhom jiġu applikati wieħed wara l-ieħor lill-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjenti attenwanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' kull koeffiċjenti attenwanti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, il-multa m'għandhiex taqbeż l-20 % tal-fatturat annwali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata fis-sena kummerċjali preċedenti u meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun ibbenefikat finanzjarjament, direttament jew indirettament, mill-ksur, il-multa għandha tkun tal-inqas daqs dak il-benefiċċju finanzjarju.

Meta att jew omissjoni ta' aġenzija li tiggrada l-kreditu jikkostitwixxu aktar minn ksur wieħed minn dawk elenkati fl-Anness III, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata skont il-paragrafi 2 u 3 u relatata ma wieħed minn dawn it-tipi ta' ksur.

Artikolu 36b

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   B'deċiżjoni, il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jimponi l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali sabiex iġiegħel:

(a)

lil aġenzija li tiggrada l-kreditu ttemm il-ksur, f'konformità ma' deċiżjoni meħuda skont il-punt (d) tal-Artikolu 24(1);

(b)

lil persuna msemmija fl-Artikolu 23b(1) tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun ġiet rikjesta b'deċiżjoni skont l-Artikolu 23b;

(c)

lil persuna msemmija fl-Artikolu 23b(1) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u b’mod partikolari tipproduċi reġistri, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ b’mod komplut u ttemm u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23c;

(d)

lil persuna msemmija fl-Artikolu 23b(1) tissottometti ruħha għal spezzjoni fil-post ordnata b’deċiżjoni skont l-Artikolu 23d.

2.   Il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. Il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu imposti fuq il-bażi ta' kull jum li jgħaddi sakemm l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew il-persuna konċernata tikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta' ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun mill-inqas ta' 3 % tal-fatturat medju ta' kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti jew, fil-każ ta' persuni fiżiċi, it-2 % tad-dħul medju ta' kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jkun ikkalkulat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlas perjodiku ta’ penali.

4.   Ħlas perjodiku ta’ penali jista' jiġi impost għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-AETS.

Artikolu 36c

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti

1.   Qabel jieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi multa u/jew ħlas perjodiku ta’ penali kif previst fl-Artikolu 36a jew punti (a) sa (d) tal-Artikolu 36b(1), il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jagħti lill-persuni li huma soġġetti għall-proċedimenti, l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tal-AETS. Il-Bord tas-Superviżuri tal-AETS għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunita' li jikkummentaw.

2.   Id-dritt ta' difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandu jiġi rispettat bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-AETS, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt għal aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-AETS.

Artikolu 36d

L-iżvelar, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-AETS għandha tiżvela lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkun ġie impost skont l-Artikoli 36a u 36b, sakemm tali żvelar lill-pubbliku ma jippreġudikax b'mod serju s-swieq finanzjarji jew jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2.   Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 36a u 36b għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.   Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 36a u 36b għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jiġi rregolat bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li jitwettaq fit-territorju tiegħu. L-ordni għall-infurzar tiegħu għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni, mingħajr formalità oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta' kull Stat Membru għandu jaħtar għal dan il-fini u għandu jgħarraf lill-AETS u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Meta dawn il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati f'applikazzjoni mill-parti kkonċernata, din tal-aħħar tista' tipproċedi għall-infurzar skont il-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

L-infurzar jista' jiġi sospiż biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandhom ikollhom ġurisdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar qed jitwettaq b'mod irregolari.

4.   L-ammonti tal-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta' penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36e

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni mingħajr limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet li bihom l-AETS tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.”;

(19)

l-Artikolu 37 huwa sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 37

Emendi għall-Annessi

Sabiex tqis l-iżviluppi, inklużi l-iżviluppi internazzjonali, fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji ġodda, il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz ta' atti ddelegati skont l-Artikolu 38a u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 38b u 38c, miżuri biex jiġu emendati l-Annessi, eskluż l-Anness III.”;

(20)

fl-Artikolu 38, il-paragrafu 2 jitħassar.

(21)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 38a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmijin fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 23e(7) u l-Artikolu 37 għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba' snin mill-1 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mill-inqas sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha b'konformità mal-Artikolu 38b.

2.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha simultanjament tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan.

3.   Is-setgħa biex tadotta atti ddelegati tiġi kkonferita lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 38b u 38c.

Artikolu 38b

Revoka tad-delega

1.   Id-delega ta’ setgħat imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 23e(7) u l-Artikolu 37 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax delega ta’ setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel tittieħed l-aħħar deċiżjoni, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għar-revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38c

Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati

1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien tlett xhur mid-data tan-notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perijodu għandu jkun estiż bi tlett xhur.

2.   Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data indikata fih.

L-att iddelegat jista’ jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma joġġezzjonaw għall-att iddelegat fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. F'konformità ma-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att iddelegat.”;

(22)

l-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sal-1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tal-iżviluppi fil-qafas regolatorju u superviżorju għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu f’pajjiżi terzi, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-effetti ta’ dawk l-iżviluppi u tad-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 40 dwar l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni.”;

(23)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 39a

Rapport mill-AETS

Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġiijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-assunzjoni tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha f'konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”.

(24)

fl-Artikolu 40, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu eżistenti jistgħu jkomplu joħorġu gradazzjonijiet tal-kreditu li jistgħu jintużaw għal finijiet regolatorji mill-istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet oħra msemmijin fl-Artikolu 4(1) sakemm ir-reġistrazzjoni ma tkunx ġiet irrifjutata. Meta r-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata, għandu japplika l-Artikolu 24(4) u (5).”;

(25)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 40a

Miżuri tranżitorji relatati mal-AETS

1.   Il-kompetenzi u l-kompiti kollha relatati mal-attività superviżorja u ta' infurzar fil-qasam tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, li ġew konferiti lill-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju kemm jekk le, u fuq il-kulleġġi fejn dawn ikunu ġew stabbiliti, għandhom jintemmu fl-1 ta' Lulju 2011.

Madankollu, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tkun ġiet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew mill-kulleġġ relevanti sas-7 ta' Settembru 2010 m'għandhiex tiġi ttrasferita lill-AETS, u d-deċiżjoni li taċċetta jew tiċħad ir-reġistrazzjoni għandha tittieħed minn dawk l-awtoritajiet jew mill-kulleġġ relevanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, kwalunkwe fajl jew dokument ta' ħidma relatat mal-attività superviżorja u ta' infurzar fil-qasam tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, inkluż kwalunkwe eżami jew azzjoni ta' infurzar li tkun għaddejja, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandha tgħaddi f'idejn l-AETS fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi msemmijin fil-paragrafu 1 għandom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta' ħidma, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandu jiġi ttrasferit lill-AETS malajr kemm jista' jkun u f'kull każ sal-1 ta' Lulju 2011. Dawk l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi għandhom jagħtu wkoll lill-AETS l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment u l-istabbiliment effettiv u effiċjenti tal-attività superviżorja u tal-infurzar fil-qasam tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu.

4.   L-AETS għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġuridiku li jirriżulta minn attività superviżorja u tal-infurzar segwita minn dawk l-awtoritajiet kompetenti u kulleġġi fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe reġistrazzjoni ta' aġenzija li tiggrada l-kreditu, f'konformità mat-termini tal-Kapitolu I tat-Titolu III, minn awtorità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tibqa' valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-AETS.

6.   Sal-1 Lulju 2014 u fl-ambitu tas-superviżjoni li tkun qed twettaq, AETS għandha twettaq tal-anqas verifika waħda tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kollha li jaqgħu taħt il-kompetenzi superviżorji tagħha.”.

(26)

l-Anness I huwa b'dan emendat f'konformità mal-Anness I għal dan ir-Regolament.

(27)

l-Annessi li jinsabu fl-Anness II għal dan huma miżjuda.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Mejju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  ĠU C 337, 14.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2010 għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011.

(4)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(5)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt 2 tat-Taqsima A, l-aħħar paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-opinjonijiet tal-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju maħruġa dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) għandhom ikunu ppreżentati lill-bord perjodikament u għandhom isiru disponibbli għall-AETS fuq talba.”;

(2)

fil-punt 8 tat-Taqsima B, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

Ir-rekords u s-sekwenzi ta' verifika msemmija fil-punt 7 għandhom jinżammu fil-bini tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu rreġistrata għal tal-inqas ħames snin u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-AETS meta jkunu mitluba.”;

(3)

fil-punt 2 tal-Parti II, tat-Taqsima E, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'li ġej:

“2.

kull sena, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

lista tal-akbar 20 klijent tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu skont id-dħul iġġenerat minnhom;

(b)

lista ta’ dawk il-klijenti tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li l-kontribut tagħhom fir-rata ta’ tkabbir fl-iġġenerar ta’ dħul tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu fis-sena finanzjarja ta’ qabel qabeż ir-rata ta’ tkabbir fid-dħul totali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu f’dik is-sena b’fattur ta’ aktar minn 1,5 darba. Kwalunkwe klijent ta’ dan it-tip għandu jkun inkluż f’din il-lista biss fejn f’dik is-sena kellu sehem ta’ aktar minn 0,25 % tad-dħul dinji totali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu fil-livell globali; u

(c)

lista ta' gradazzjonijiet ta' kreditu maħruġa matul is-sena, li tindika l-proporzjon ta' gradazzjonijiet ta' kreditu mhux mitluba fosthom.”.


ANNESS II

L-Annessi li ġejjin għandhom jiżdiedu mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009:

ANNESS III

Lista ta' ksur imsemmija fl-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 36a(1)

I.   Ksur relatat ma’ kunflitti ta’ interess, rekwiżiti organizzattivi jew operattivi

1.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 4(3) billi tapprova gradazzjoni tal-kreditu maħruġa f'pajjiż terz mingħajr ma tikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-paragrafu, sakemm ir-raġuni għal dan il-ksur ikun barra l-għarfien jew il-kontroll tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

2.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) billi tuża l-approvazzjoni ta' gradazzjoni tal-kreditu maħruġa f'pajjiż terz bl-intenzjoni li tevita r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

3.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tistabilixxix bord amministrattiv jew superviżorju.

4.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-interess kummerċjali tagħha ma jtellifx l-indipendenza jew il-preċiżjoni tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu.

5.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi taħtar maniġment għoli li ma jkunx ta' reputazzjoni tajba, b'ħiliet jew esperjenza suffiċjenti, jew li ma jistax jiżgura l-ġestjoni soda u prudenti tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

6.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tielet paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma taħtarx l-għadd meħtieġ ta’ membri indipendenti fil-bord amministrattiv jew superviżorju tagħha.

7.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mar-raba' paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi tistabbilixxi sistema ta’ kumpens għall-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju tagħha li tkun assoċjata mal-prestazzjoni kummerċjali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew li ma tkunx maħsuba biex tiżgura l-indipendenza tal-ġudizzju tagħhom; jew billi tistabbilixxi mandat tal-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju tagħha għal perijodu li jaqbeż il-ħames snin jew għal mandat li jiġedded; jew billi tkeċċi membru indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju ħlief fil-każ ta' mġiba ħażina jew sottoprestazzjoni professjonali.

8.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ħames paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi taħtar membri fil-bord amministrattiv jew superviżorju li ma jkollhomx ħila esperta suffiċjenti fis-servizzi finanzjarji; jew, fejn l-aġenzija li tiggrada l-kreditu toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu ta' strumenti finanzjarji strutturati, billi ma taħtarx mill-inqas membru wieħed indipendenti u membru ieħor tal-bord li jkollu għarfien u esperjenza profonda f’livell għoli tas-swieq fi strumenti finanzjarji strutturati.

9.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mas-sitt paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju jwettqu l-kompiti ta' monitoraġġ ta' kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet imsemmijin fis-sitt paragrafu ta' dak il-punt.

10.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mas-seba' paragrafu tal-punt 2 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-membri indipendenti tal-bord amministrattiv jew superviżorju jippreżentaw perijodikament lill-bord l-opinjoni tagħhom dwar il-kwistjonijiet imsemmijin fis-sitt paragrafu ta' dak il-punt jew jagħmlu dawk l-opinjonijiet disponibbli lill-AETS meta jiġu mitluba.

11.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 3 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tistabbilixxix linji politiċi jew proċeduri adegwati li jiżguraw konformità mal-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament.

12.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma jkollhiex proċeduri amministrattivi jew ta' kontabilità, mekkaniżmi ta' kontroll intern, proċeduri effettivi dwar il-valutazzjoni tar-riskju, jew kontroll effettiv jew arranġamenti ta' salvagwardja għas-sistemi għall-ipproċessar tal-informazzjoni; jew billi ma timplimentax jew ma żżommx proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet jew strutturi organizzattivi kif meħtieġ minn dak il-punt.

13.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 5 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tistabbilixxix jew ma żżommx dipartiment ta' funzjoni ta' konformità (funzjoni ta' konformità) permanenti u effettiv li jopera indipendentement.

14.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 6 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tiżgurax li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li jippermettu li l-funzjoni ta’ konformità twettaq ir-responsabbilitajiet tagħha kif suppost jew independentement, kif stabbilit fl-ewwel pargrafu ta' dak il-punt.

15.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tistabbilixxix arranġamenti organizzattivi jew amministrattivi adatti u effettivi li jipprevjenu, jidentifikaw, jeliminaw jew jimmaniġġjaw u jiżvelaw kull kunflitt ta' interess imsemmi fil-punt 1 tat-Taqsima B tal-Anness I, jew billi ma tagħmilx arranġamenti għaż-żamma ta' rekords dwar it-theddid sinifikanti kollu għall-indipendenza tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu, inkluż it-theddid għar-regoli dwar l-analisti tal-gradazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima C tal-Anness I, kif ukoll is-salvagwardji applikati biex jattenwaw dak it-theddid.

16.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 8 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tapplikax sistemi, riżorsi jew proċeduri adatti biex tiżgura l-kontinwità u r-regolarità fit-twettiq tal-attivitajiet ta' klassifikazjoni tal-kreditu.

17.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 9 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma tistabbilixxix funzjoni ta' rieżami li:

(a)

tkun responsabbli biex perjodikament terġa' teżamina l-metodoloġiji, il-mudelli u s-suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjoni tagħha jew kwalunkwe bidliet jew modifiki sinifikanti għaliha, jew l-adegwatezza ta' dawk il-metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjoni fejn huma jkunu użati jew maħsuba li jkunu użati għall-valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji ġodda;

(b)

li tkun indipendenti mil-linji tan-negozju li huma responsabbli mill-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu; jew

(c)

tirrapporta lill-membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju.

18.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 10 tat-Taqsima A tal-Anness I, billi ma timmonitorjax jew ma tevalwax l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, il-mekkaniżmi ta' kontroll intern u l-arranġamenti tagħhastabbiliti skont dan ir-Regolament jew ma tiħux miżuri xierqa biex tindirizza kull nuqqas.

19.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi tonqos milli tidentifika, telimina jew tamministra u tiżvela, b'mod ċar jew prominenti, kull kunflitt attwali jew potenzjali ta’ interess li jista’ jinfluwenza l-analiżi jew ġudizzji tal-analisti tal-gradazzjonijiet tagħha, l-impjegati tagħha, jew kull persuna oħra fiżika li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu u li huma direttament involuti fil-ħruġ ta' gradazzjoni tal-kreditu jew tal-persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu.

20.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, bil-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta' dak il-punt jew, fil-każ ta’ gradazzjoni tal-kreditu eżistenti, billi ma tiżvelax minnufih li l-gradazzjoni tal-kreditu tista’ tkun potenzjalment affettwata minn dawk iċ-ċirkostanzi.

21.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tivvalutax immedjatament jekk hemmx ġustifikazzjonijiet biex terġà ssir il-gradazzjoni jew biex il-gradazzjoni tal-kreditu eżistenti tiġi rtirata.

22.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 4 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi tipprovdi servizzi ta' konsulenza jew ta' pariri lill-entità ggradata jew xi parti terza relatata dwar l-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, l-obbligi jew l-attivitajiet ta' dik l-entità ggradata jew xi parti terza relatata.

23.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel parti tat-tielet paragrafu tal-punt 4 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-forniment ta’ servizz anċillari ma jippreżentax kunflitt ta’ interess mal-attività tagħha ta’ gradazzjoni tal-kreditu.

24.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 5 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-analisti tal-gradazzjonijiet jew il-persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet ma jagħmlux proposti jew rakkomandazzjonijiet dwar it-tfassil ta’ strumenti finanzjarji strutturati li dwarhom l-aġenzija li tiggrada l-kreditu hija mistennija toħroġ gradazzjoni tal-kreditu.

25.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 6 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tfassalx il-mezzi tar-rappurtaġġ jew tal-komunikazzjoni tagħha biex tiżgura l-indipendenza tal-persuni msemmijin fil-punt 1 tat-Taqsima B mill-attivitajiet l-oħra tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li jitwettqu fuq bażi kummerċjali.

26.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma żżommx rekords tal-inqas għal perijodu ta' tlett snin ladarba r-reġistrazzjoni tagħha tkun irtirata.

27.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(1) billi ma tiżgurax li l-analisti tal-gradazzjonijiet, l-impjegati tagħha jew kull persuna oħra fiżika li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tagħha u li huma direttament involuti fl-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu jkollhom għarfien u esperjenza adatta skont il-kompiti assenjati.

28.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(2) billi ma tiżgurax li persuna msemmija fl-Artikolu 7(1) ma tibdiex jew tipparteċipa f’negozjati rigward imposti jew ħlasijiet ma' kull entità ggradata, parti terza relatata jew kull persuna direttament jew indirettament marbuta mal-entità ggradata bħala kontroll.

29.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 3(a) tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima tieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex tipproteġi l-proprjetà jew ir-rekords fil-pussess tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu minn frodi, serq jew użu ħażin, waqt li jitqiesu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha u n-natura u l-firxa tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu tagħha.

30.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 5 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi timponi konsegwenzi negattivi fuq persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima meta dik il-persuna tirrapporta l-informazzjoni lill-uffiċjal għall-konformità bl-effett li persuna oħra kif imsemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima tkun wettqet imġiba li tikkunsidra bħala illegali.

31.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 6 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma terġax teżamina l-ħidma rilevanti tal-analista tal-gradazzjonijiet matul sentejn qabel it-tluq tiegħu jew tagħha, meta l-analista tal-gradazzjonijiet itemm l-impjieg tiegħu jew tagħha u jingħaqad ma' entità ggradata li hu jew hi kienu involuti fil-gradazzjoni tagħha, jew ditta finanzjarja, li hu jew hi kellhom x'jaqsmu magħha bħala parti mill-kompiti tiegħu jew tagħha fl-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

32.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija f'dak il-punt ma tixtrix, ma tbigħx jew ma tidħolx fi transazzjoni fi kwalunkwe strument finanzjarju imsemmi f'dak il-punt.

33.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 2 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima ma tipparteċipax fi jew tinfluwenza mod ieħor id-determinazzjoni ta' gradazzjoni tal-kreditu kif imsemmi fil-punt 2 ta' dik it-Taqsima.

34.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punti (b), (c) u (d) tal-punt 3 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima ma tiżvelax jew ma tużax jew ma taqsamx informazzjoni, kif imsemmi f'dawk il-punti.

35.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 4 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima ma titlobx jew ma taċċettax flus, rigali jew favuri mingħand xi ħadd li miegħu l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tagħmel in-negozju.

36.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta' dik it-Taqsima ma tokkupax pożizzjoni maniġerjali kruċjali mal-entità ggradata jew parti terza relatata tagħha fi żmien sitt xhur mill-gradazzjoni tal-kreditu.

37.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li l-analista ewlieni tal-gradazzjonijiet mhuwiex involut f’attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew il-partijiet terzi relatati tagħha għal perijodu li jaqbeż erba' snin.

38.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li analista tal-gradazzjonijiet mhuwiex involut f’attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew il-partijiet terzi relatati tagħha għal perijodu li jaqbeż ħames snin.

39.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna li tapprova gradazzjoni tal-kreditu mhijiex involuta f’attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu attivitajiet ta’ gradazzjoni ta' kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew il-partijiet terzi relatati tagħha għal perijodu li jaqbeż seba' snin.

40.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), b'rabta mat-tieni paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel paragrafu ta' dak il-punt mhijiex involuta f'attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-entità ggradata jew partijiet terzi relatati msemmija f'dawk il-punti fi żmien sentejn mit-tmiem tal-perijodi stabbiliti f'dawk il-punti.

41.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(5) billi tintroduċi kumpens jew evalwazzjoni tal-prestazzjoni kontinġenti fuq l-ammont ta’ dħul li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikseb mingħand l-entitajiet iggradati jew partijiet terzi relatati.

42.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(2) billi ma tadottax, ma timplimentax jew ma tinfurzax miżuri adegwati biex tiżgura li l-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa minnha jkunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għaliha u li tkun rilevanti għall-analiżi tagħha skont il-metodoloġiji ta' gradazzjoni tagħha.

43.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(3) billi ma tużax metodoloġiji ta' gradazzjoni li huma rigorużi, sistematiċi, kontinwi u soġġetti għal validazzjoni bbażata fuq l-esperjenza storika, inkluż l-ittestjar retrospettiv.

44.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) billi tirrifjuta li toħroġ gradazzjoni tal-kreditu ta’ entità jew strument finanzjarju għax porzjon mill-entità jew l-istrument finanzjarju kien ingħata gradazzjoni qabel minn aġenzija oħra ta' gradazzjoni tal-kreditu.

45.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) billi ma tirreġistrax l-istanti kollha fejn, fil-proċess ta' gradazzjoni tal-kreditu tagħha, tħalli l-gradazzjonijiet tal-kreditu eżistenti ppreparati minn aġenzija li tiggrada l-kreditu oħra fir-rigward tal-assi sottostanti jew strumenti finanzjarji strutturati u billi ma tipprovdixġustifikazzjoni għall-evalwazzjoni differenti.

46.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(5) billi ma timmonitorjax il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha jew billi ma terġax teżamina l-gradazzjonijiet jew il-metodoloġiji tal-kreditu tagħha fuq bażi kontinwa u mill-inqas kull sena.

47.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tieni sentenza tal-Artikoli 8(5) billi ma tistabbilixxix arranġamenti interni biex timmonitorja l-impatt tal-bidliet tal-kondizzjonijiet makroekonomiċi jew tas-suq finanzjarju dwar il-gradazzjonijiet tal-kreditu.

48.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (b) tal-Artikolu 8(6), fejn il-metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjoni użati f'attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu jinbidlu, billi ma teżaminax mill-ġdid il-gradazzjonijiet tal-kreditu affettwati f'konformità ma' dak il-punt, jew billi ma tqigħedx, sadanittant dawk il-gradazzjonijiet taħt osservazzjoni.

49.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (c) tal-Artikolu 8(6) billi ma tiggradax mill-ġdid gradazzjoni tal-kreditu li tkun ibbażata fuq metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjonili jkunu mibdula jekk l-effett ġenerali kkombinat ta' dawk il-bidliet jaffettwa lil dik il-gradazzjoni tal-kreditu.

50.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 9 billi testernalizza funzjonijiet operattivi importanti b’tali mod li jtellef materjalment il-kwalità tal-kontroll intern tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew il-ħila tal-AETS li tissorvelja l-konformità tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

51.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 4 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, billi toħroġ gradazzjoni tal-kreditu jew ma tirtirax gradazzjoni eżistenti fil-każ fejn in-nuqqas ta' data affidabbli jew il-kumplessità tal-istruttura ta' tip ġdid ta' strument finanzjarju jew il-kwalità tal-informazzjoni disponibbli ma tkunx sodisfaċenti jew tqajjem dubji serji dwar jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tistax tipprovdi gradazzjoni tal-kreditu kredibbli.

52.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(6) billi tuża l-isem tal-AETS jew ta' kwalunkwe awtorità kompetenti b’tali mod li jindika jew jissuġġerixxi l-appoġġ jew l-approvazzjoni mill-AETS jew kwalunkwe awtorità kompetenti oħra tal-gradazzjonijiet tal-kreditu jew kwalunkwe attività ta’ gradazzjoni tal-kreditu tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

53.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 13 billi titlob imposta għall-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 8 sa 12.

54.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu, meta tkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni, tikser l-Artikolu 14(1), billi ma tapplikax għal reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2(1).

II.   Ksur relatat mal-ostakoli għall-attivitajiet superviżorji

1.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tagħmilx arranġamenti għal rekords jew sekwenzi ta' verifika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu tagħha kif meħtieġ minn dawk id-dispożizzjonijiet.

2.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-punt 8 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma żżommx ir-rekords jew sekwenzi ta' verifika msemmija fil-punt 7 ta' dik it-Taqsima fl-uffiċji tagħja għal tal-inqas ħames snin jew billi ma tqigħedx, fuq talba, dawk ir-rekords jew is-sekwenzi ta' verifika għad-dispożizzjoni tal-AETS.

3.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 9 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma żżommx rekords li jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew l-entità ggradata jew xi parti terza relatata skont ftehim, biex tipprovdi servizzi ta' gradazzjoni tal-kreditu għall-perijodu tar-relazzjoni ma' dik l-entità ggradata jew parti terza relatata tagħha.

4.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 11(2) billi ma tagħmilx disponibbli l-informazzjoni meħtieġa jew billi ma tipprovdix dik l-informazzjoni fil-format meħtieġ kif imsemmi f'dak il-paragrafu.

5.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 11(3), flimkien mal-punt 2 tal-Parti I tat-Taqsima E tal-Anness I, billi ma tipprovdix lill-AETS lista tas-servizzi anċillari tagħha.

6.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(3) billi ma tinnotifikax lill-AETS dwar kwalunkwe tibdil materjali fil-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni inizjali skont dak is-subparagrafu.

7.

L-aġenzija ta' gradazzjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 23b(1) billi tipprovdi informazzjoni skorretta jew qarrieqa bħala tweġiba għal talba sempliċi għal informazzjoni skont l-Artikolu 23b(2) jew bħala tweġiba għal deċiżjoni li tkun teħtieġ informazzjoni skont l-Artikolu 23b(3).

8.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (c) tal-Artikolu 23c(1) billi tipprovdi tweġibiet skorretti jew qarrieqa għall-mistoqsijiet li jsiru skont dak il-punt.

III.   Ksur relatat mad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar

1.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 2 tat-Taqsima B tal-Anness I billi ma tiżvelax lill-pubbliku l-ismijiet tal-entitajiet iggradati jew tal-partijiet terzi relatati li mingħandhom tirċievi aktar minn 5 % tad-dħul annwali tagħha.

2.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni parti tat-tielet paragrafu tal-punt 4 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tiżvelax fir-rapport ta' gradazzjoni finali servizz anċillari pprovdut lill-entità ggradata jew kwalunkwe parti terza relatata.

3.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(1) billi ma tiżvelax lill-pubbliku l-metodoloġiji, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjoni li tuża fl-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu tagħha kif deskritt fil-punt 5 tal-Parti I ta' Taqsima E tal-Anness I.

4.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (a) tal-Artikolu 8(6), fejn jinbidlu l-metodoloġiji, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet prinċipali ta' gradazzjoni użati f'attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu, billi ma tiżvelax immedjatament, jew billi tiżvela u ma tużax l-istess mezz ta' komunikazzjoni li ntuża għad-distribuzzjoni tal-gradazzjonijiet ta' kreditu affettwati, l-ambitu probabbli tal-gradazzjonijiet tal-kreditu affettwati.

5.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(1) billi ma tiżvelax fuq bażi mhux selettiva jew fil-ħin deċiżjoni li ma tkomplix il-gradazzjoni tal-kreditu, inklużi r-raġunijiet sħaħ għad-deċiżjoni.

6.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punti 1 jew 2, l-ewwel paragrafu tal-punt 4 jew il-punt 5 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, jew tal-Parti II tat-Taqsima D tal-Anness I, billi ma tipprovdix l-informazzjoni kif meħtieġ minn dawk id-dispożizzjonijiet, meta tippreżenta gradazzjoni.

7.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 3 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, billi ma tinformax lill-entità ggradata tal-inqas 12-il siegħa qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu.

8.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(3) billi ma tiżgurax li l-kategoriji ta' gradazzjoni li huma attribwiti lil strumenti finanzjarji strutturati jkunu distinti b'mod ċar bl-użu ta' simbolu addizzjonali li jiddistingwihom mill-kategoriji ta' gradazzjoni użati għal kull entità, strument finanzjarju jew obbligu finanzjarju oħra.

9.

L-aġenzija ta' klassifikazjoni tal-kreditu tikser l-Artikolu 10(4) billi ma tiżvelax il-politiki jew il-proċeduri tagħha rigward il-gradazzjonijiet tal-kreditu mhux mitluba.

10.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(5) billi ma tipprovdix l-informazzjoni kif meħtieġ minn dak il-paragrafu meta toħroġ gradazzjoni tal-kreditu mhux mitluba jew billi ma tidentifikax gradazzjoni tal-kreditu mhux mitluba bħala tali.

11.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 11(1) billi ma tiżvelax b'mod sħiħ jew ma taġġornax immedjatament l-informazzjoni relatata mal-kwistjonijiet stabbiliti fil-Parti I tat-Taqsima E tal-Anness I.

ANNESS IV

Lista tal-koeffiċjenti marbuta ma' fatturi aggravanti u attenwanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 36a(3)

Il-koeffiċjenti li ġejjin għandhom ikunu applikabbli b'mod kumulattiv mal-ammonti bażiċi imsemmijin fl-Artikolu 36a(2) abbażi ta' kull waħda miċ-ċirkostanzi aggravanti u attenwanti li ġejjin:

I.   Koeffiċjenti ta' aġġustament marbutin ma' fatturi aggravanti

1.

Jekk il-ksur jitwettaq ripetutament, għal kull darba li jiġi ripetut, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta' 1,1.

2.

Jekk il-ksur jitwettaq għal aktar minn sitt xhur, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta' 1,5.

3.

Jekk il-ksur jiżvela dgħufijiet sistemiċi fl-organizzazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, b'mod partikulari fil-proċeduri jew fis-sistemi ta' ġestjoni jew fil-kontrolli interni tagħha, għandu japplika koeffiċjent ta' 2,2.

4.

Jekk il-ksur kellu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-gradazzjonijiet tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5.

5.

Jekk il-ksur twettaq intenzjonalment, għandu japplika koeffiċjent ta' 2.

6.

Jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta' rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,7.

7.

Jekk il-maniġment għoli tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu ma kkoperax mal-AETS fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5.

II.   Koeffiċjenti ta' aġġustament marbutin ma' fatturi attenwanti

1.

Jekk il-ksur ikollu x'jaqsam ma' ksur elenkat fit-Taqsima II jew III tal-Anness III u jkun twettaq għal inqas minn 10 ijiem ta' xogħol, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,9.

2.

Jekk il-maniġment għoli ta' aġenzija li tiggrada l-kreditu jista' juri li ħa l-miżuri meħtieġa kollha biex jipprevjeni l-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,7.

3.

Jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu ressqet il-ksur għall-attenzjoni tal-ESA (AETS) malajr, b'mod effettiv u komplet, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,4.

4.

Jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun ħadet volontarjament miżuri biex tiżgura li ma jkunx jista' jseħħ ksur simili fil-futur, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,6.

”.