18.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 475/2011

tat-13 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ November 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”). Billi hemm numru kbir ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), fir-RPĊ, intgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u rati individwali tad-dazju li jvarjaw minn 4,8 % għal 12,8 % ġew imposti fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, waqt li kumpaniji oħra li kkooperaw imma li mhumiex inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta’ dazju ta’ 8,4 %. Permezz tar-Regolament (KE) Nru 249/2008 ġiet stabbilita rata ta’ dazju ta’ 4,3 % għal ċerta kumpanija. Ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 28,8 % għar-RPĊ fuq kumpaniji li jew ma ddikjarawx lilhom infushom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 jistipula li fejn xi produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

ma esportax lejn l-Unjoni l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) (“il-perjodu tal-investigazzjoni”) (l-ewwel kriterju);

mhux relatat ma’ xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma suġġetti għall-miżuri antidumping imposti minn dan ir-Regolament (it-tieni kriterju); u

fil-fatt esporta lejn l-Unjoni l-prodotti kkonċernati wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikattiva lejn l-Unjoni (it-tielet kriterju),

hemmhekk l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur ġdid jingħata r-rata ta’ dazju applikabbli lill-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 8,4 %.

(3)

Il-lista tal-kumpaniji li ngħataw ir-rata ta’ dazju medju b’piż iddifferenzjat ta’ 8,4 % għall-kumpaniji li kkooperaw u li tinsab fir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 ġiet emendata bir-Regolamenti (KE) Nru 249/2008 (3) u (KE) Nru 189/2009 (4) u bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 474/2011 (5).

B.   TALBIET TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(4)

Sitt kumpaniji Ċiniżi applikaw biex jingħataw l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali li ma kinux inklużi fil-kampjun (“trattament lil produttur esportatur ġdid”).

(5)

Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk is-sitt applikanti jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw trattament ta’ produttur esportatur ġdid kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(6)

Intbagħtet formola ta’ applikazzjoni lis-sitt applikanti kollha li ntalbu jipprovdu evidenza biex juru li ssodisfaw it-tliet kriterji msemmija hawn fuq.

(7)

Kumpanija minnhom li talbet trattament ta’ produttur esportatur ġdid ma pprovdietx l-informazzjoni mitluba. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi vverifikat jekk din il-kumpaniji ssodisfatx il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 u t-talba tagħha kellha tiġi miċħuda.

(8)

Kumpanija minnhom irtirat l-applikazzjoni tagħha.

(9)

Kumpanija minnhom la esportat il-prodott ikkonċernat lill-Unjoni u lanqas ma daħlet f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex tesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, ma ssodisfatx it-tielet kriterju u t-talba tagħha għaldaqstant ġiet miċħuda.

(10)

Kumpanija minnhom ma kinetx ikkunsidrata bħala produttur esportatur ġdid peress li hija relatata ma’ produttur esportatur fir-RPĊ li hu suġġett għall-miżuri antidumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1425/2006. Għalhekk ma ssodisfatx it-tieni kriterju u t-talba tagħha għaldaqstant ġiet miċħuda.

(11)

Kumpanija ressqet informazzjoni qarrieqa dwar id-data tal-istabbiliment. Dan jitfa’ dubji dwar il-validità tal-informazzjoni pprovduta, inkluż il-perjodu ta’ żmien li l-prodott ikkonċernat li seta’ jiġi esportat lejn l-UE. It-talba tagħha għaldaqstant ġiet miċħuda.

(12)

L-evidenza pprovduta mill-produttur esportatur Ċiniż li fadal kienet ikkunsidrata biżżejjed biex turi li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006. Dan il-produttur esportatur jista’ għaldaqstant jingħata r-rata tad-dazju applikabbli lill-kumpaniji li jikkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, (jiġifieri 8,4 %) u b’riżultat ta’ dan ismu jkun jista’ jiżdied mal-lista ta’ produtturi esportaturi fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(13)

L-applikanti u l-industrija tal-Unjoni ġew infurmati bis-sejbiet tal-istħarriġ u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(14)

L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u meħuda sewwa inkonsiderazzjoni fejn meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja għandha tiżdied mal-lista ta’ produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 1425/2006:

Kumpanija

Belt

Kodiċi addizzjonali TARIC

Xiamen Good Plastic Co., Ltd.

Xiamen

B109

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(3)   ĠU L 76, 19.3.2008, p. 8.

(4)   ĠU L 67, 12.3.2009, p. 5.

(5)  Ara paġna 2 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.