13.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 458/2011

tat-12 ta’ Mejju 2011

li jikkonċerna r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħhom u li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers u s-sistemi tagħhom, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 huwa Regolament separat għall-finijiet tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip stipulata fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 92/23/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 li tirrigwarda t-tajers ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll għat-twaħħil tagħhom (3), Ir-rekwiżiti stipulati f’dik id-Direttiva għandhom jiġu inklużi f’dan ir-Regolament u, fejn ikun meħtieġ, għandhom jiġu adattati biex ikunu aġġornati għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku.

(3)

L-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jkun konformi ma’ dak tad-Direttiva 92/23/KEE. Ir-Regolament għandu għaldaqstant ikopri l-vetturi tal-kategoriji M, N u O.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 jistipula rekwiżiti bażiċi dwar ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stipulati l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għat-tali approvazzjoni tat-tip biex jiġi żgurat li t-tajers użati fuq vettura jkunu jixirqu l-karatteristiċi tat-tagħbija, tal-veloċità u tal-użu ta’ dik il-vettura.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament japplika għal vetturi tal-kategoriji M, N u O kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KEE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tip ta’ vettura fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħha” ifisser vetturi li mhumiex differenti fir-rigward ta’ aspetti essenzjali bħat-tipi ta’ tajers, id-deżinjazzjonijiet tad-daqs minimu u massimu tat-tajers, id-dimensjonijiet tar-roti u l-off-sets kif ukoll il-veloċità u l-kapaċitajiet tat-tagħbija xierqa għall-addattament, u l-karatteristiċi tal-parafangi tar-roti.

(2)

“tip ta’ tajer” tfisser firxa ta’ tajers li mhumiex differenti f’dawn il-karatteristiċi essenzjali li ġejjin:

(a)

il-klassi tat-tajer: C1, C2 jew C3, kif imfisser fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 661/2009, u;

(b)

fil-każ tal-klassi C1, it-tajers, il-karatteristiċi tat-tip ta’ tajer pnewmatiku kif imfissra fil-paragrafu 2.1 tar-Regolament UNECE Nru 30 (4);

(ċ)

fil-każ ta’ tajers tal-klassi C2 jew C3, il-karatteristiċi tat-tip ta’ tajer pnewmatiku kif imfissra fil-paragrafu 2.1 tar-Regolament UNECE Nru 54 (5);

(3)

“deżinjazzjoni tad-daqs tat-tajer” tfisser id-deżinjazzjoni kif imfissra fil-paragrafu 2.17 tar-Regolament UNECE Nru 30 għal tajers tal-klassi C1 u l-paragrafu 2.17 tar-Regolament UNECE Nru 54 għal tajers tal-klassijiet C2 u C3;

(4)

“l-offset tar-rota” tfisser id-distanza mill-wiċċ tal-appoġġ tal-buttun sal-linja taċ-ċentru tar-rimm;

(5)

“struttura ta’ tajer pnewmatiku” tfisser il-karatteristiċi tekniċi ta’ karkassa tat-tajer;

(6)

“tajer normali” tfisser tajer jew tajer run flat maħsub għal użu normali fit-toroq;

(7)

“tajer run flat” ifisser tajer kif imfisser fil-paragrafu 2.4.3 tar-Regolament UNECE Nru 64 (6);

(8)

“tajer żejjed għal użu temporanju” tfisser tajer differenti minn tajer maħsub li jkun immuntat ma’ kwalunkwe vettura għal kundizzjonijiet normali tas-sewqan, imma maħsub biss għal użu temporanju biss taħt kundizzjonijiet ta’ sewqan ristretti;

(9)

“rota” tfisser rota kompluta magħmula minn rimm u diska tar-rota;

(10)

“rota żejda għal użu temporanju” tfisser rota differenti minn waħda mir-roti normali fuq it-tip ta’ vettura;

(11)

“unità” tfisser assemblaġġ ta’ rota u tajer;

(12)

“unità standard” tfisser unità li hija kapaċi titwaħħal mal-vettura għal funzjoni normali;

(13)

“unità żejda” tfisser unità maħsuba biex tiġi mibdula ma’ unità standard f’każ li din tal-aħħar ma’ taħdimx sew u tista’ tkun waħda minn dawn iż-żewġ tipi li ġejjin;

(14)

“unità żejda standard” tfisser assemblaġġ ta’ rota u tajer identiċi f’dawk li huma d-deżinjazzjoni tad-daqs tar-rota u t-tajer, l-offset tar-rota u l-istruttura tat-tajer għal dik immuntata fuq l-istess pożizzjoni tal-fus u għall-varjant u l-verżjoni ta’ vettura partikolari għal funzjoni normali, inklużi r-roti prodotti minn materjal differenti u li jistgħu jużaw disinni ta’ skorfini jew boltijiet tal-immuntar tar-rota differenti, li iżda hija mill-aspetti l-oħra kollha identika għar-rota maħsuba għal funzjoni normali;

(15)

“unità żejda għal użu temporanju” tfisser assemblaġġ ta’ kwalunkwe rota u tajer li ma jaqax fi ħdan id-definizzjoni ta’ unità żejda standard u li jaqa’ fi ħdan xi waħda mid-deskrizzjonijiet ta’ tip ta’ unità żejda għal użu temporanju kif imfissra fil-paragrafu 2.10 tar-Regolament UNECE Nru 64;

(16)

“simbolu tal-kategorija tal-veloċità” tfisser is-simbolu kif imfisser fil-paragrafu 2.29 tar-Regolament UNECE Nru 30 għal tajers tal-klassi C1 u l-paragrafu 2.28 tar-Regolament UNECE Nru 54 għall-klassijiet C2 u C3;

(17)

“indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija” tfisser numru assoċjat mar-rata tat-tagħbija massima tat-tajer b’rabta mat-tifsira fil-paragrafu 2.28 tar-Regolament UNECE Nru 30 għal tajers tal-klassi C1 u l-paragrafu 2.27 tar-Regolament UNECE Nru 54 għal tajers tal-klassijiet C2 u C3;

(18)

“rata ta’ tagħbija massima” tfisser il-massa li tajer jista’ jġorr meta mħaddem b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirregolaw l-utilizzazzjoni speċifikata mill-manifattur tat-tajer;

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħha

1.   Il-manifattur jew ir-rappreżentant tal-manifattur għandu jressaq lill-awtorità għall-approvazzjoni tat-tip, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħha.

2.   L-applikazzjoni għandha titfassal skont il-mudell tad-dokument tal-informazzjoni stipulat fil-Parti 1 tal-Anness I.

3.   Jekk ir-rekwiżiti rilevanti stipulati fl-Anness II f’dan ir-Regolament jiġu sodisfatti, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti approvazzjoni tat-tip tal-KE u toħroġ numru tal-approvazzjoni tat-tip skont is-sistema ta’ numerazzjoni stipulata fl-Anness VII tad-Direttiva 2007/46/KE.

Stat Membru ma jistax jassenja l-istess numru lil tip ieħor ta’ vettura.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti ċertifikat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE stabbilit skont il-mudell stipulat fil-Parti 2 tal-Anness I.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 129, 14.5.1992, p. 95.

(4)  ĠU L 201, 30.7.2008, p. 70.

(5)  ĠU L 183, 11.7.2008, p. 41.

(6)  ĠU L 310, 26.11.2010, p. 18.


ANNESS I

Dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħhom

PARTI 1

Dokument ta’ informazzjoni

MUDELL

Dokument ta’ informazzjoni Nru … dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħhom.

It-tagħrif li ġej, jekk applikabbli, għandu jingħata fi tliet kopji u jinkludi werrej. Kull disinn irid jiġi pprovdut fi skala xierqa u b’dettall suffiċjenti fuq karta ta’ daqs A4 jew folder ta’ format A4. Ir-ritratti, fil-każ li jkun hemm, għandhom juru dettall suffiċjenti.

Jekk is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi oħra msemmija f’dan id-dokument ta’ informazzjoni jkollhom kontrolli elettroniċi, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tagħhom.

0.   ĠENERALI

0.1.   Il-marka (marka tal-fabbrika tal-manifattur): …

0.2.   Tip: …

0.2.1.   L-isem/ismijiet kummerċjali (jekk disponibbli): …

0.3.   Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq il-vettura (b): …

0.3.1.   Fejn jinsab dak l-immarkar: …

0.4.   Kategorija tal-vettura (c): …

0.5.   L-isem u l-indirizz tal-manifattur: …

0.8.   L-isem(ismijiet) u l-indirizz(i) tal-impjant(i) tal-immuntar: …

0.9.   Isem u indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur (jekk jeżisti) …

1.   IL-KARATTERISTIĊI ĠENERALI TAL-BINJA TAL-VETTURA

1.1.   Ritratti u/jew disinji ta’ eżempju rappreżentattiv tal-vettura: …

1.3.   Numru ta’ fusien u roti: …

1.3.1.   L-għadd u l-pożizzjoni tal-fusien mat-tajers f’formazzjoni doppja (twin): …

1.3.2.   L-għadd u l-pożizzjoni ta’ fusien bi steering: …

1.3.3.   Fusien mgħammra (powered axles) (l-għadd, il-pożizzjoni, l-interkonnessjoni): …

2.   MASES U DIMENSJONIJIET (f)  (g)

2.3.   Tul(ijiet) u wisa’(wisgħat) tal-fus

2.3.1.   Tul ta’ kull fus li huwa steered (1): …

2.3.2.   Tul tal-fusien l-oħra kollha (1): …

2.3.3.   Wisa’ tal-aktar fus wiesa’ ta’ wara: …

2.3.4.   Il-wisa’ tal-fus ta’ quddiemnett (imkejla fuq it-tarf ta’ barra tat-tajers għajr għall-bużżieqa mbuzzata ’l barra tat-tajers qrib l-art): …

2.8.   Massa massima ta’ tagħbija teknikament permissibbli ddikjarata mill-manifattur (i)  (3): …

2.9.   Massa massima teknikament permessa fuq kull fus: …

2.11.5.   Il-vettura hija/mhijiex (1) adatta biex tiġbed tagħbijietIngassa fejn ma japplikax.

4.7.   Veloċità ddisinjata massima tal-vettura (f’km/h) (q): …

6.   SASPENXIN

6.6.   Tajers u roti

6.6.1.   Kombinazzjoni(jiet) tajer/rota (r)

(a)

għat-tajers indika;

deżinjazzjoni(jiet) tad-daqs;

indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija (3);

simbolu tal-kategorija ta’ veloċità (3);

koeffiċjent tar-reżistenza għar-rolling (imkejjel skont ISO 28580);

(b)

għar-roti indika l-qis(ien) tar-rimmijiet u l-off-set(s).

6.6.1.1.   Fusien

6.6.1.1.1.   Fus 1: …

6.6.1.1.2.   Fus 2: …

eċċ.

6.6.3.   Pressjoni(jiet) tat-tajer kif rakkomandat mill-manifattur tal-vettura (kPa) …

6.6.4.   Deskrizzjoni tal-kombinazzjoni(ijiet) tal-mezz(i) ta’ qabda fuq is-silġ u tat-tajer/rota fuq il-fus(fusien) ta’ quddiem u/jew ta’ wara adatt/i għat-tip ta’ vettura, kif rrakkomandat mill-manifattur: …

6.6.5.   Deskrizzjoni qasira tal-unità żejda għal użu temporanju (jekk ikun hemm): …

6.6.6.   Deskrizzjoni qasira tas-sistema ta’ monitoraġġ ta’ pressjoni tat-tajers (TPMS) (jekk immuntati mal-vettura): …

9.   KAROZZERIJA

9.16.   Parafangi

9.16.1.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-vettura fejn għandhom x’jaqsmu l-parafangi: …

12.   MIXXELLANJU

12.6.   Apparat li jillimita l-veloċità

12.6.1.   Manifattur(i): …

12.6.2.   Tip(i): …

12.6.3.   In-numru(i) tal-approvazzjoni tat-tip, jekk disponibbli: …

12.6.4.   Veloċità jew medda ta’ veloċitajiet li fihom tista’ tiġi stabbilita l-limitazzjoni tal-veloċità: … km/h

Noti ta’ spjegazzjoni:

PARTI 2

Ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE

MUDELL

Format: A4 (210 × 297 mm)

ĊERTIFIKAT TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

Timbru tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip

Komunikazzjoni li tikkonċerna:

Approvazzjoni tat-tip KE (1)

estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip KE (1)

approvazzjoni tat-tip KE miċħuda (1)

irtirar tal-approvazzjoni tat-tip KE (1)

ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħha

fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru …/2011

Numru tal-approvazzjoni skont it-tip KE: …

Raġuni għall-estensjoni: …

TAQSIMA I

0.1.   Il-marka (marka tal-fabbrika tal-manifattur): …

0.2.   Tip: …

0.2.1.   L-isem/ismijiet kummerċjali (jekk disponibbli): …

0.3.   Mezzi ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkat fuq il-vettura (2): …

0.3.1.   Fejn jinsab dak l-immarkar: …

0.4.   Kategorija tal-vettura (3): …

0.5.   L-isem u l-indirizz tal-manifattur: …

0.8.   L-isem(ismijiet) u l-indirizz(i) tal-impjant(i) tal-immuntar: …

0.9.   L-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur (jekk applikabbli): …

TAQSIMA II

1.   Aktar informazzjoni: ara l-Addendum.

2.   Is-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet: …

3.   Data tar-rapport tat-test: …

4.   Numru tar-rapport tat-test: …

5.   Rimarki (jekk ikun hemm): ara l-Addendum.

6.   Post: …

7.   Data: …

8.   Firma: …

Dokumenti mehmużin

:

Pakkett ta’ informazzjoni

Rapport tat-test


(b)  Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip jikkontjeni karattri mhux rilevanti biex jiddeskrivu t-tip tal-vettura, komponenti jew unità teknika separata koperti minn dan id-dokument ta’ informazzjoni, dawn il-karattri għandhom jiġu rrappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu “?” (eż. ABC??123??).

(c)  Ikklassifikati skont id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2007/46/KE, il-Parti A tal-Anness II.

(f)  Fejn hemm verżjoni waħda b’kabina normali u oħra b’kabina tal-irqad, iż-żewġ settijiet ta’ piżijiet u dimensjonijiet għandhom ikunu ddikjarati.

(g)  Standard ISO 612: 1978 - Vetturi tat-triq - Dimensjonijiet tal-vetturi bil-mutur u vetturi rmunkati - kundizzjonijiet u definizzjonijiet.

(1)  

(g4)

Terminu Nru 6.5.

(i)  Għal trejlers jew semi-trejlers, u għal vetturi bi trejler jew semi-trejler, li japplikaw tagħbija sinifikanti vertikali fuq it-tagħmir ta’ gganċjar jew il-ħames rota, din it-tagħbija, diviża bl-aċċelerazzjoni standard ta’ gravità, hija inkluża fil-massa massima teknikament permissibbli.

(3)  Jekk jogħġbok niżżel l-ogħla u l-inqas valuri għal kull varjant.

(1)  Ingassa fejn ma japplikax.

(q)  Fir-rigward tal-vetturi motorizzati, jekk il-manifattur tal-vettura jippermetti li ċerti funzjonijiet ta’ kontrollur jiġu modifikati (eż. permezz ta’ softwer, ħardwer, aġġornar, selezzjoni, abilitar, diżabilitar) qabel jew wara ma l-vettura tkun bdiet tagħti servizz, bir-riżultat li l-vettura jkollha veloċità massima miżjuda, il-veloċità massima li possibilment tinkiseb permezz tal-aġġustament ta’ dawn il-funzjonijiet ta’ kontrollur tiġi ddikjarata Fir-rigward ta’ trejlers, il-veloċità massima permessa mill-manifattur tiġi ddikjarata

(r)  Fil-każ ta’ tajers bl-iskrizzjoni ZR qabel il-kodiċi tad-dijametru tar-rimm, maħsuba biex jiġu mmuntati fuq vetturi li l-veloċità tad-disinn tal-vettura massima tagħhom taqbeż it-300 km/h, għandha tiġi pprovduta informazzjoni ekwivalenti.

(1)  Ingassa fejn ma japplikax.

(2)  Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip jikkontjeni karattri mhux rilevanti biex jiddeskrivu t-tip tal-vettura, komponenti jew unità teknika separata koperti minn dan id-dokument ta’ informazzjoni, dawn il-karattri għandhom jiġu rrappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu “?” (eż. ABC??123??).

(3)  Kif iddefinita fid-Direttiva 2007/46/KE, l-Anness II, it-Taqsima A

Addendum

għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE Nru …

1.

Aktar informazzjoni:

1.1.

Deskrizzjoni qasira tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-istruttura, id-dimensjonijiet, il-linji u l-materjali kostitwenti tagħha: …

1.2.

Kombinazzjoni(ijiet) tajer/rota (inkluż id-daqs tat-tajer, id-daqs tar-rim u l-offset tar-rota): …

1.3.

Is-simbolu tal-kategorija tal-veloċità minima kompatibbli mal-veloċità massima tad-disinn tal-vettura (għal kull varjant) (għal-tajers immarkati bl-iskrizzjoni ZR qabel il-kodiċi tad-dijametru tar-rimm, maħsuba għall-immuntar fuq vetturi li l-veloċità massima tad-disinn tal-vettura tagħhom tisboq it-300 km/h, għandha tiġi pprovduta informazzjoni ekwivalenti) …

1.4

L-indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija minima kompatibbli mal-massa massima teknikament permissibbli fuq kull fus (ta’ kull varjant) (jekk applikabbli aġġustata skont il-Paragrafi 3.2.2 tal-Anness II) …

1.5.

Kombinazzjoni(ijiet) tajer/rota (inkluż id-daqs tat-tajer, id-daqs tar-rim u l-offset tar-rota) li jrid jintuża mal-mezz(i) ta’ qabda fuq il-borra: …

2.

Vettura tal-kategorija M1 hi/mhix (1) xierqa għall-irmunkar ta’ tagħbijiet u r-rata tat-tagħbija tat-tajers ta’ wara nqabżet b’ … %

3.

Il-vettura hi/mhix (1) approvata skont ir-Regolament UNECE Nru 64 fir-rigward tal-unità żejda tagħha għal użu temporanju.

3.1.

Vettura tal-kategorija M1: iva/le (1), tip 1/2/3/4/5 (1)

3.2.

Vettura tal-kategorija N1: iva/le (1), tip 1/2/3/5 (1)

4.

Il-vettura hi/mhix (1) approvata skont ir-Regolament UNECE Nru 64 fir-rigward tas-sistema tal-monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers tagħha (TPMS).

4.1.

Deskrizzjoni qasira tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers (TPMS) (jekk immuntati mal-vettura): …

5.

Rimarki: …


(1)  Ingassa fejn ma japplikax.


ANNESS II

Rekwiżiti għal vetturi fir-rigward tal-istallazzjoni tat-tajers tagħhom

1.   REKWIŻITI ĠENERALI

1.1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.4, kull tajer immuntat ma’ vettura, inkluż, fejn japplika, kwalunkwe tajer żejjed, għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 u l-miżuri implimentattivi tiegħu.

2.   IMMUNTAR TAT-TAJERS

2.1.

It-tajers li normalment jiġu mmuntati mal-vettura, jiġifieri għajr dawk użati bħala unitajiet żejda għal użu temporanju, għandu jkollhom l-istess struttura.

2.2.

It-tajers kollha li normalment jiġu mmuntati ma’ fus wieħed għandhom ikunu tal-istess tip.

2.3.

L-ispazju li fih iddur ir-rota għandu jkun tali mod li jippermetti moviment bla trażżin meta jintuża d-daqs permissibbli massimu ta’ tajers u wesgħat tar-rimm, b’qies tal-offsets tar-rota mimimi u massimi, fi ħdan il-limiti tal-isteering u s-saspenxin minimi u massimi kif iddikjarati mill-manifattur tal-vettura. Dan għandu jiġi vverifikat permezz ta’ kontrolli bl-ikbar u l-usa’ tajers, b’konsiderazzjoni tat-tollerenzi dimensjonali applikabbli (jiġifieri l-enveloppar massimu) relatati mad-deżinjazzjoni tad-daqs tat-tajers kif speċifikat fir-Regolament UNECE rilevanti.

2.4.

Is-servizz tekniku jista’ jaqbel li ssir proċedura ta’ ttestjar alternattiva (eż. ittestjar virtwali) biex jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 2.3 tal-Anness jiġu ssodisfati.

3.   KAPAĊITÀ TAT-TAGĦBIJA

3.1.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5. ta’ dan l-Anness, ir-rata tat-tagħbija massima ta’ kull tajer kif iddeterminata fil-paragrafu 3.2. ta’ dan l-Anness, inkluż tat-tajer żejjed (jekk ipprovdut), immuntati mal-vettura għandha tkun:

3.1.1.

Fil-każ ta’ vettura mmuntata b’tajers tal-istess tip f’formazzjoni singola: talanqas ugwali għal nofs il-massa massima teknikament permissibbli għall-fus li l-aktar jitgħabba, kif iddikjarat mill-manifattur tal-vettura;

3.1.2.

Fil-każ ta’ vettura mmuntata b’tajers ta’ iktar minn tip wieħed, f’formazzjoni singola: talanqas ugwali għal nofs il-massa massima teknikament permissibbli kif iddikjarata mill-manifattur tal-vettura, fir-rigward tal-fus rilevanti;

3.1.3.

Fil-każ ta’ vettura mmuntata b’tajers tal-klassi C1 f’formazzjoni doppja (twin): talanqas ugwali għal 0,27 drabi tal-massa massima teknikament permissibbli, kif iddikjarata mill-manifattur tal-vettura, fir-rigward tal-fus rilevanti;

3.1.4.

Fil-każ ta’ fusien immuntati b’tajers tal-klassijiet C2 jew C3 f’formazzjoni doppja (twin): talanqas ugwali għal 0,25 drabi, b’referenza għall-indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija għal applikazzjoni doppja, tal-massa massima teknikament permissibbli, kif iddikjarata mill-manifattur tal-vettura, fir-rigward tal-fus rilevanti.

3.2.

Ir-rata tat-tagħbija massima ta’ tajer hija ddeterminata kif ġej:

3.2.1.

Fil-każ ta’ tajers tal-klassi C1, titqies ir-“rata tat-tagħbija massima” kif imsemmija fil-paragrafu 2.31. tar-Regolament UNECE Nru 30.

3.2.2.

Fil-każ ta’ tajers tal-klassi C2 jew C3, titqies il-“it-tabella tal-varjazzjoni tal-kapaċità tat-tagħbija mal-veloċità” kif jissemma fil-paragrafu 2.29 tar-Regolament UNECE Nru 54, li turik, bħala funzjoni tal-indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija u s-simboli tal-kategorija ta’ veloċità nominali, il-varjazzjonijiet tat-tagħbija li jista’ jiflaħ għaliha tajer pnewmatiku b’kunsiderazzjoni tal-veloċità ddisinjata massima tal-vettura.

3.3.

L-informazzjoni relevanti għandha tingħata b’mod ċar fil-manwal ta’ sid il-vettura biex jiġi żgurat li meta jkun meħtieġ jiġu mmuntati tajers alternattivi xierqa b’kapaċità tat-tagħbija adatta, hekk kif il-vettura tibda tagħti servizz.

4.   KAPAĊITÀ TAL-VELOĊITÀ

4.1.

Kull tajer li normalment jiġi mmuntat mal-vettura għandu juri simbolu tal-kategorija tal-veloċità.

4.1.1.

Fil-każ ta’ tajer tal-klassi C1, is-simbolu tal-kategorija tal-veloċità għandu jkun kompatibbli mal-veloċità massima tad-disinn tal-vettura u għandu jqis, fil-każ ta’ tajers tal-kategoriji ta’ veloċità V, W u Y, ir-rata ta’ tagħbija massima kif imfissra fir-Regolament UNECE Nru 30.

4.1.2.

Fil-każ ta’ tajer tal-klassi C2 jew C3, is-simbolu tal-kategorija tal-veloċità għandu jkun kompatibbli mal-veloċità massima tad-disinn tal-vettura u l-kombinazzjoni applikabbli ta’ tagħbija/veloċità miġjuba mit-“tabella tal-varjazzjoni tal-kapaċità tat-tagħbija mal-veloċità” kif imfissra fil-paragrafu 3.2.2 ta’ dan l-Anness.

4.2.

Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 4.1.1 u 4.1.2 m’għandhomx japplikaw għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

4.2.1.

Fil-każ ta’ unitajiet żejda għal użu temporanju li japplika għalihom il-paragrafu 6 ta’ dan l-Anness;

4.2.2.

Fil-każ ta’ vetturi li normalment huma mgħammra b’tajers ordinarji u li xi kultant jiġu mmuntati fuqhom it-tajers għal fuq il-borra (jiġifieri bl-immarkar tas-simbolu tal-borra fuq muntanja bi tliet quċċati jew dak alpin), fejn f’tali każijiet is-simbolu tal-kategorija tal-veloċità tat-tajers għal fuq il-borra għandu jikkorrespondi għal veloċità jew ogħla mill-veloċità massima tad-disinn tal-vettura jew inkella ta’ mhux anqas minn 160 km/h (jew it-tnejn). Madankollu, jekk il-veloċità massima tad-disinn tal-vettura huwa ogħla mill-veloċità korrespondenti għas-simbolu tal-inqas kategorija ta’ veloċità tat-tajers għal fuq il-borra mmuntati, għandha titwaħħal b’mod li jidher fuq ġewwa tal-vettura u f’pożizzjoni prominenti faċilment u permanentement viżibbli għax-xufier, tikketta ta’ twissija dwar il-veloċità massima li tispeċifika l-inqas valur tal-kapaċità tal-veloċità massima tat-tajers għal fuq il-borra mmuntati. Tipi oħra ta’ tajers b’forza ta’ ġbid imtejba għal fuq il-borra (jiġifieri bl-immarkar M + S, imma mingħajr l-immarkar tas-simbolu tal-borra fuq muntanja bi tliet quċċati jew dak alpin) għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 4.1.1 u 4.1.2 ta’ dan l-Anness;

4.2.3.

Fil-każ ta’ vetturi mgħammra b’tajers professjonali off-road bl-immarkar POR. Madankollu, jekk il-veloċità massima tad-disinn tal-vettura huwa ogħla mill-veloċità korrespondenti għas-simbolu tal-inqas kategorija ta’ veloċità tat-tajers għal użu speċjali mmuntati, għandha titwaħħal b’mod li jidher fuq ġewwa tal-vettura u f’pożizzjoni prominenti faċilment u permanentement viżibbli għax-xufier, tikketta ta’ twissija dwar il-veloċità massima li tispeċifika l-inqas valur tal-kapaċità tal-veloċità massima tat-tajers għal użu speċjali mmuntati;

4.2.4.

Fil-każ ta’ vetturi tal-kategoriji M2, M3, N2 jew N3 mgħammra b’apparat tat-trażżin tal-veloċità (SLD) approvat skont ir-Regolament UNECE Nru 89 (1) fejn f’tali każ is-simbolu tal-veloċità tat-tajers għandu jkun kompatibbli mal-veloċità li għaliha hija ffissata l-limitazzjoni. Madankollu, jekk il-manifattur tal-vettura jkun ippreveda li l-veloċità massima tad-disinn tal-vettura huwa ogħla mill-veloċità korrespondenti għas-simbolu tal-inqas kategorija ta’ veloċità tat-tajers immuntati, għandha titwaħħal b’mod li jidher fuq ġewwa tal-vettura u f’pożizzjoni prominenti faċilment u permanentement viżibbli għax-xufier, tikketta ta’ twissija dwar il-veloċità massima li tispeċifika l-kapaċità tal-veloċità massima tat-tajers;

4.2.5.

Fil-każ ta’ vetturi tal-kategoriji M1 jew N1 mgħammra b’sistema integrata li tissodisfa l-funzjoni ta’ trażżin tal-veloċità fejn f’tali każ is-simbolu tal-veloċità tat-tajers għandha tkun kompatibbli mal-veloċità li għaliha hija ffissata l-limitazzjoni. Madankollu, jekk il-manifattur tal-vettura jkun ippreveda li l-veloċità massima tad-disinn tal-vettura huwa ogħla mill-veloċità korrespondenti għas-simbolu tal-inqas kategorija ta’ veloċità tat-tajers immuntati, għandha titwaħħal b’mod li jidher fuq ġewwa tal-vettura u f’pożizzjoni prominenti faċilment u permanentement viżibbli għax-xufier, tikketta ta’ twissija dwar il-veloċità massima li tispeċifika l-kapaċità tal-veloċità massima tat-tajers.

4.3.

L-informazzjoni relevanti għandha tingħata b’mod ċar fil-manwal ta’ sid il-vettura biex jiġi żgurat li meta jkun meħtieġ jiġu mmuntati tajers alternattivi xierqa b’kapaċità tal-veloċità adatta, hekk kif il-vettura tibda tagħti servizz.

5.   KAŻIJIET SPEĊJALI:

5.1.

Fil-każ ta’ trejlers tal-kategoriji O1 u O2 b’veloċità massima tad-disinn tal-vettura ta’ 100 km/h jew anqas u li huma mgħammra b’tajers tal-klassi C1 f’formazzjoni singola, ir-rata tat-tagħbija massima għal kull tajer għandha talanqas tkun ta’ 0,45 drabi tal-massa tal-fus massima teknikament permissibbli fil-każ tal-aktar fuq mgħobbi, kif mistqarr mill-manifattur tat-trejler. Fil-każ ta’ tajers f’formazzjoni doppja (twin) dan il-fattur għandu jkun ta’ talanqas 0,24. F’każijiet hekk, tikketta ta’ twissija dwar il-veloċità operattiva massima, li tispeċifika l-veloċità massima tad-disinn tal-vettura, għandha titwaħħal b’mod permanenti u dejjiema ħdejn l-apparat tal-akkoppjar ta’ quddiem tat-trejler.

5.2.

Fil-każ ta’ vetturi tal-kategoriji M1 u N1, li huma ddisinjati biex ikunu kapaċi jirmunkaw trejler, it-tagħbija addizzjonali imposta fuq l-apparat tal-akkoppjar tat-trejler tista’ twassal biex ir-rati tat-tagħbija massima tat-tajer ta’ wara jinqabżu fil-każ ta’ tajers tal-klassi C1, imma mhux b’aktar minn 15 %. F’każ hekk, il-manwal ta’ sid il-vettura għandu jkun fih informazzjoni u pariri ċari dwar il-veloċità massima permissibbli tal-vettura meta din tkun qed tirmonka trejler, li f’kull każ m’għandha qatt tisboq il-100 km/h, u dwar il-pressjoni fuq it-tajer ta’ wara, li tkun talanqas 20 kPa (0,2 bar) iktar mill-pressjoni(jiet) tat-tajer kif rakkomandati għal użu normali (jiġifieri bla trejler irmunkat).

5.3.

Fil-każ ta’ xi vetturi speċjali, kif elenkati hawn taħt, immuntati b’tajers tal-klassi C2 jew C3, it-“tabella tal-varjazzjoni tal-kapaċità tat-tagħbija mal-veloċità” kif imfissra fil-paragrafu 3.2.2. ta’ dan l-Anness m’għandhiex tapplika. F’każ hekk, ir-rata tat-tagħbija massima tat-tajer li għandha tiġi ċċekkjata kontra l-massa tal-fus massima teknikament permissibbli (ara l-paragrafi minn 3.1.2. sa 3.1.4) għandha tiġi ddeterminata billi tiġi mmultiplikata t-tagħbija korrispondenti għall-indiċi tal-kapaċità tat-tagħbija b’koeffiċjent xieraq li huwa relatat mat-tip ta’ vettura u l-użu tagħha, aktar milli mal-veloċità massima tad-disinn tal-vettura, u r-rekwiżiti tal-paragrafi 4.1.1. u 4.1.2. ta’ dan l-Anness ma japplikawx.

Il-koeffiċjenti xierqa għandhom ikunu dawn li ġejjin:

5.3.1.

1.15 fil-każ ta’ vettura tal-Klassi I jew Klassi A (M2 jew M3), kif imsemmi fil-paragrafu 2.1.1.1. (Klassi I) u 2.1.2.1. (Klassi A) tar-Regolament UNECE Nru 107 (2).

5.3.2.

1.10 fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija N li huma ddisinjati speċifikament biex jintużaw għal distanzi qosra f’applikazzjonijiet urbani u suburbani, bħal vetturi li jikinsu t-toroq jew li jiġbru l-iskart, sakemm il-veloċità massima tad-disinn tal-vettura ma tkunx tisboq is-60 km/h.

5.4.

F’każijiet eċċezzjonali, fejn xi vetturi huma ddisinjati għal kundizzjonijiet ta’ użu li mhumiex kompatibbli mal-karatteristiċi tat-tajers tal-klassi C1, C2 jew C3 u allura jkun meħtieġ li jiġu mmuntati tajers b’karatteristiċi differenti, ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1.1. ta’ dan l-Anness ma japplikawx, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

5.4.1.

It-tajers għandhom jiġu approvati jew skont ir-Regolament UNECE Nru 75 (3) jew ir-Regolament UNECE Nru 106 (4) u;

5.4.2.

L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi għandhom ikunu sodisfatti li t-tajers immuntati jkunu xierqa għall-kundizzjonijiet operattivi tal-vettura. In-natura tal-eżenzjoni u l-mottiv tal-aċċettazzjoni għandhom jiġu mistqarra fir-rapport tat-test kif ukoll taħt ir-rimarki dwar iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip.

6.   ROTI U TAJERS ŻEJDA

6.1.

F’każijiet fejn vettura tkun ipprovduta b’unità żejda, din għandha tkun tikkonsisti f’waħda minn dawn li ġejjin:

6.1.1.

Unità żejda standard tal-istess daqs tat-tajers li jkunu attwalment immuntati mal-vettura;

6.1.2.

Unità żejda għal użu temporanju ta’ tip adattat għall-użu fuq il-vettura; madankollu, il-vetturi ta’ kategoriji għajr M1 or N1 m’għandhomx jiġu mgħammra jew immuntati b’unità żejda għal użu temporanju.

6.1.2.1.

Jekk għandhom jittieħdu prekawzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-immuntar mal-vettura tal-unità żejda għal użu temporanju (eż. l-unità żejda għal użu temporanju għandha tiġi mmuntata biss fuq il-fus ta’ quddiem u għaldaqstant unità standard ta’ quddiem għandha qabelxejn tiġi mmuntata fuq il-fus ta’ wara biex tiġi indirizzata problema bl-unità standard ta’ wara) dan għandu jiġi mistqarr b’mod ċar fil-manwal ta’ sid il-vettura u l-konformità mal-aspetti relevanti tal-paragrafu 2.3 ta’ dan l-Anness għandhom jiġu vverifikati.

6.2.

Kull vettura fornuta b’tajers run flat jew b’unità żejda għal użu temporanju għandu jkollha approvazzjoni tat-tip valida skont ir-Regolament UNECE Nru 64 fir-rigward tar-rekwiżiti li jikkonċernaw it-tagħmir ta’ vetturi b’tajers run flat u b’unitajiet żejda għal użu temporanju.


(1)  ĠU L 158, 19.5.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 255, 29.9.2010, p. 1.

(3)  Għadu ma ġiex ippubblikat. Se jiġi ppubblikat sa Mejju 2011.

(4)  ĠU L 257, 30.9.2010, p. 231.