|
7.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 119/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 439/2011
tas-6 ta’ Mejju 2011
dwar deroga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinanti li jintuża għall-finijiet tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati sabiex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kap Verde fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [tal-Komunità] (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 89 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 815/2008 (3) il-Kap Verde ngħata deroga mir-regoli ta’ oriġini stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li permezz tagħha seta’ jqis ċerti prodotti tas-sajd magħmulin fil-Kap Verde minn ħut li mhux ta’ oriġini bħala li joriġinaw fil-Kap Verde. Din id-deroga skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2010. |
|
(2) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 894/2010 (4) il-Kap Verde ngħata żieda fil-kwantitajiet stipulati fl-2010 fir-rigward ta’ tnejn mit-tliet kategoriji ta’ prodotti tas-sajd koperti mir-Regolament (KE) Nru 815/2008. Il-kwantitajiet tad-deroga tqajmu skont dan għal 2 500 tunnellata għal qatgħat tal-Kavalli ppreparati u ppreservati u għal 875 tunnellata għal qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati u ppreservati. |
|
(3) |
Permezz tal-ittra ddatata l-21 ta’ Ottubru 2010 il-Kap Verde ressaq talba għal estensjoni ta’ din id-deroga. B’ittri ddatati t-3 u l-21 ta’ Diċembru 2010, u l-14 ta’ Jannar 2011 huwa ressaq informazzjoni komplementari b’appoġġ għal din it-talba. |
|
(4) |
It-talba hija estensjoni għal sena u volum ta’ 2 500 tunnellata għal qatgħat tal-Kavalli ppreparati u ppreservati u għal 875 tunnellata għal qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati u ppreservati. |
|
(5) |
Bejn l-2008 u l-2010 l-kwantitajiet annwali totali mogħtija oriġinalment ikkontribwixxew, sa ċertu punt sinifikanti, għat-titjib tas-sitwazzjoni fis-settur għall-ipproċessar tal-ħut u, sa ċertu punt, għat-tiġdid tal-flotta mhux industrijali tal-Kap Verde, li hija ta’ importanza vitali għal dak il-pajjiż. Madankollu, sabiex il-flotta tal-Kap Verde tiġġedded kompletament għal-livell previst jeħtieġ żieda fil-kapaċità disponibbli sabiex tiġi pprovduta biżżejjed materja prima oriġinarja lill-industriji għall-ipproċessar tal-ħut tal-Kap Verde. |
|
(6) |
It-talba turi li, mingħajr id-deroga, l-abbiltà tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut tal- Kap Verde sabiex tkompli tesporta lejn l-Unjoni tista’ tiġi affetwata b’mod sinifikanti, li tista’ tkun ta’ deterrent għal aktar żvilupp tal-flotta tal-Kap Verde għal sajd żgħir pelaġiku. |
|
(7) |
Id-deroga sservi biex tagħti lill-Kap Verde biżżejjed ħin sabiex iħejji lilu nnifisu sabiex jikkonforma mar-regoli għall-akkwist tal-oriġini preferenzjali. Huwa meħtieġ perjodu sabiex jiġi żgurat li l-isforzi sabiex tiġġedded il-flotta tas-sajd lokali jibqgħu għaddejin u b’hekk il-Kap Verde jttejjeb l-abbiltà tiegħu li jipprovdi lis-settur lokali għall-ipproċessar tal-ħut b’ħut ta’ oriġini. |
|
(8) |
Peress li l-estensjoni hija mitluba għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2011, sabiex tiġi żgurata kontinwità tal-importazzjoni mill-Kap Verde lejn l-Unjoni, għandha tingħata deroga ġdida b’effetti retroattivi mill-1 ta’ Jannar 2011. |
|
(9) |
Sabiex jingħata permess li d-deroga temporanja tiġi limitata għall-perjodu meħtieġ sabiex il-Kap Verde jikseb konformità mar-regoli, id-deroga għandha tingħata għal perjodu ta’ sena fir-rigward ta’ 2 500 tunnellata għal qatgħat tal-Kavalli ppreparati u ppreservati u għal 875 tunnellata għal qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati u ppreservati. |
|
(10) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jistipula r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effiċjenti b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Kap Verde, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u l-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skont id-deroga konċessa b’dan ir-Regoalment. |
|
(11) |
Sabiex jiġi permess monitoraġġ aktar effiċjenti tal-operat tad-deroga, huwa meħtieġ li jiġi stipulat l-obbligu għall-awtoritajiet tal-Kap Verde, skont l-Artikolu 89(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, sabiex jibagħtu b’mod regolari lill-Kummissjoni dettalji taċ-ċertifikati ta’oriġini tal-Formola A li ngħataw. |
|
(12) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Permezz tad-deroga mill-Artikoli 72, 73, 75 sa 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, il-kavalli, it-tumbrell u qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) bil-kodiċi NM 1604 15 11 u ex 1604 19 98 prodotti fil-Kap Verde minn ħut mhux oriġinanti għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fil-Kap Verde skont l-arranġamenti stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal prodotti esportati mill-Kap Verde u ddikjarati għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, fejn ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011, sal-kwantitajiet elenkati fl-Anness meta mqabbla ma’ kull prodott importat.
Artikolu 3
Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.
Artikolu 4
1. L-awtoritajiet doganali tal-Kap Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1.
2. Dan li ġej għandu jitniżżel fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikat tal-oriġini Formola A maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kap Verde skont dan ir-Regolament: “Deroga — Regolament (KE) Nru 439/2011”.
3. Kull tliet xhur l-awtoritajiet kompetenti tal-Kap Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li nħarġulhom ċertifikati tal-oriġini Formola A skont dan ir-Regolament u n-numri ta ‘serje ta’ dawn iċ-ċertifikati.
Artikolu 5
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.
(2) ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.
ANNESS
|
Nru tal-Ordni |
Kodiċi NM |
Deskrizzjoni tal-merkanzija |
Perjodu |
Kwanità (f’piż nett ta’ tunnellati) |
|
09.1647 |
1604 15 11 ex 1604 19 98 |
Kavalli (Scomber Colias, Scomber Japonicus, Scomber Scombrus) qatgħat, ippreparati jew ippreservati |
1.1.2011 sal-31.12.2011 |
2 500 |
|
09.1648 |
ex 1604 19 98 |
Tumbrell (Auxis thazard, Auxis Rochei) qatgħat, ippreparati jew ippreservati |
1.1.2011 sal-31.12.2011 |
875 |