28.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/23


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 409/2011

tas-27 ta’ April 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 619/2008 li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 161(3), l-Artikolu 164(2)(b) u l-Artikolu 170 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 619/2008 (2) fetaħ sejħa permanenti għall-offerti għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-butir naturali fi blokki bil-kodiċi tal-prodott ex ex 0405 10 19 9700, iż-żejt tal-butir f'kontenituri bil-kodiċi tal-prodott ex ex 0405 90 10 9000 u t-trab tal-ħalib xkumat bil-kodiċi tal-prodott ex ex 0402 10 19 9000 kif ukoll stabbilixxa r-regoli tal-proċedura. b'mod partikolari, jipprevedi perjodi għall-offerti li matulhom jistgħu jitressqu l-offerti.

(2)

Sabiex jirreaġixxi aħjar għad-deterjorazzjoni tas-suq tal-ħalib li seħħet fil-bidu tal-2009, ir-Regolament (KE) Nru 619/2008 ġie emendat sabiex jipprovdi żewġ perjodi tal-offerti fix-xahar. It-titjib sustanzjali tas-sitwazzjoni tas-suq minn dak iż-żmien tippermetti li l-għadd ta’ perjodi tal-offerti jerġa' jiġi stipulat għal darba fix-xahar.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 619/2008 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 619/2008, il-kliem tad-daħla tat-tielet subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Kull perjodu tal-offerti għandu jagħlaq fis-13.00 (ħin ta’ Brussell) tat-tielet Tlieta tax-xahar bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007 p. 1.

(2)   ĠU L 168, 28.6.2008, p. 20.