|
19.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/4 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 380/2011
tat-18 ta’ April 2011
dwar il-ftuħ ta’ kwota tariffarja għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2011/2012
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS [Ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni]) (1), u partikolarment l-Artikolu 142, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 62(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jkunu disponibbli bi prezz li jikkorrispondi mal-prezz tas-suq dinji, huwa fl-interess tal-Unjoni li, għas-sena tas-suq 2011/2012, tissospendi d-dazji tal-importazzjoni fuq iz-zokkor maħsub għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, għal kwantità li tikkorrispondi għal nofs il-ħtiġijiet tagħha taz-zokkor industrijali. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2) jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti taz-zokkor skont l-Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bin-numru tas-serje 09.4390 (zokkor ta’ importazzjoni industrijali). Madankollu, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 il-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li għalihom għandha tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għandhom ikunu determinati permezz ta’ att legali separat. |
|
(3) |
Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti b'mod korrispondenti l-kwantitajiet tal-importazzjoni ta’ zokkor industrijali li għas sena tas-suq 2011/2012 mhumiex soġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni. |
|
(4) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-dazji fuq l-importazzjoni taz-zokkor industrijali li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 1701 u bin-numru tas-serje 09.4390 għandhom jiġu sospiżi għal kwantità ta’ 400 000 tunnellata bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u t-30 ta’ Settembru 2012.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2011.
Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO