12.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 350/2011

tal-11 ta’ April 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1251/2008 rigward ir-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta’ kunsinni ta’ gajdri tal-Paċifiku maħsuba għall-Istati Membri jew partijiet minnhom b’miżuri nazzjonali rigward il-virus tal-erpete tal-gajdri ostreid herpes 1 μνar (OsHV-1 μνar) approvati bid-Deċiżjoni 2010/221/UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet li jgħaddu l-mard (2) jistipula r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq li jinkludu rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni, biex jiddaħħlu annimali tal-akkwakultura f’żoni fejn hemm miżuri nazzjonali approvati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta’ April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta’ ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi b’konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (3).

(2)

Mill-2008 sal-lum kien hemm żieda fil-mortalità tal-gajdri tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) f’għadd ta’ żoni fl-Irlanda, fi Franza u fir-Renju Unit. L-istudji epidemjoloġiċi li twettqu fl-2009 taw ħjiel li l-kaġun ta’ dan hija, fil-parti l-kbira, razza ta’ virus tal-erpete tal-gajdri-1 (ostreid herpesvirus-1 - OsHV-1), OsHV-1 μνar, li ma ilhiex li ġiet deskritta.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 175/2010 tat-2 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta’ miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas b’rabta mas-sejbien tal-Ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar) (4) ġie adottat bl-għan li jwaqqaf iżjed tixrid ta’ OsHV-1 μνar. Dan introduċa għadd ta’ miżuri għall-kontroll tat-tixrid ta’ din il-marda u għandu jibqa’ japplika sat-30 ta’ April 2011.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE, kif ġiet emendata dan l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/187/UE (5), tippermetti lil dawk l-Istati Membri li huma elenkati fl-Anness III tagħha li jimponu r-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq fuq it-trasportazzjoni ta’ gajdri tal-Paċifiku f’żoni fejn hemm programmi approvati ta’ sorveljanza, biex tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ OsHV-1 μνar f’dawn iż-żoni. Għaċ-ċarezza u s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-rekwiżiti rispettivi għat-tqegħid fis-suq għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1251/2008.

(5)

Biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ OsHV-1 μνar fl-Istati Membri jew f’partijiet minnhom elenkati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE, il-kunsinni ta’ gajdri tal-Paċifiku li huma ddestinati għat-trobbija jew għal żoni ta’ żamma, u għal ċentri ta’ spedizzjoni, ċentri ta’ tisfija jew negozji simili qabel ma jittieklu mill-bnedmin, li jidħlu f’dawn l-Istati Membri jew f’partijiet minnhom iridu jkunu oriġinaw minn żona fejn hemm stat ta’ saħħa ekwivalenti.

(6)

Biex jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, dawn il-kunsinni jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jipprovdi ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Jeħtieġ li jiġu stipulati miżuri tranżitorji biex jippermettu lill-Istati Membri u l-industrija jwettqu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda stipulati f’dan ir-Regolament.

(9)

Biex ma jinfirixx iżjed l-OsHV-1 μνar, dan ir-Regolament għandu japplika minnufih wara d-data ta’ skadenza tar-Regolament (KE) Nru 175/2010.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-punt (b)(ii) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

annimali tal-akkwakultura maħsuba għat-trobbija, żoni ta’ żamma, meded ta’ ilma għas-sajd ripopolati artifiċjalment, faċilitajiet ornamentali miftuħa, jew stokkjar mill-ġdid u għal ċentri ta’ spedizzjoni, ċentri ta’ tisfija u negozji simili qabel il-konsum mill-bniedem fl-Istati Membri jew partijiet minnhom bil-miżuri nazzjonali approvati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (*1);”

(*1)   ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7."

(2)

Mal-Artikolu 8a(1)(a), għandu jiżdied il-punt (iii) li ġej:

“(iii)

l-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE bħala suġġetti għal programm ta’ sorveljanza għal waħda jew iktar mill-mard elenkat fl-ewwel kolonna ta’ din it-tabella;”

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 8b li ġej:

“L-Artikolu 8b

Molluski ħajjin maħsubin biex jintbagħtu f’ċentri ta’ spedizzjoni, ċentri ta’ tisfija jew negozji simili qabel il-konsum mill-bniedem fl-Istati Membri u partijiet minnhom li għandhom miżuri nazzjonali approvati bid-Deċiżjoni 2010/221/UE.

1.   Kunsinni ta’ molluski ħajjin maħsuba għal ċentri ta’ spedizzjoni, ċentri ta’ tisfija, u negozji simili qabel il-konsum mill-bniedem, għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mimli skont il-mudell stabbilit fil-Parti B tal-Anness II u n-noti ta’ spjegazzjoni stabbiliti fl-Anness V, fejn dawn l-annimali:

(a)

jiddaħħlu fi Stati Membri jew f’partijiet minnhom elenkati fit-tieni u r-raba’ kolonna tat-tabella stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/221/UE soġġetti għal programm ta’ sorveljanza għal marda jew għal iżjed minn marda waħda fost dawk li hemm elenkati fl-ewwel kolonna tat-tabella;

(b)

ġejjin mill-ispeċijiet li huma elenkati fil-Parti C tal-Anness II bħala speċijiet suxxettibbli għal mard(a), li għalih(a) japplika programm ta’ sorveljanza skont id-Deċiżjoni 2010/221/UE, kif imsemmi fil-punt (a).

2.   Il-kunsinni tal-molluski ħajjin imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fiċ-ċertifikat mudell tas-saħħa tal-annimali u n-noti ta’ spjegazzjoni kif imsemmi f’dak il-paragrafu.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-kunsinni ddestinati għaċ-ċentri ta’ spedizzjoni, għaċ-ċentri ta’ tisfija jew negozji simili li għandhom sistema ta’ trattament tal-effluwent ivvalidata mill-awtorità kompetenti li:

(a)

tiddiżattiva l-virusijiet fl-involukru; jew

(b)

tnaqqas ir-riskju li jiġi trażmess il-mard fl-ilma naturali għal livell aċċettabbli.”

(4)

L-Anness II huwa ssostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Għal perjodu transizzjonali sal-15 ta’ Mejju 2011, il-kunsinni ta’ gajdri tal-Paċifiku akkumpanjati minn ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġin skont il-Parti A jew B tal-Anness II tar-Regolament (KE) 1251/2008 qabel l-emendi li ddaħlu permezz tar-Regolament preżenti, u ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ skont l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 175/2010 jistgħu jitpoġġew fis-suq sakemm jaslu fid-destinazzjoni aħħarija tagħhom qabel din id-data.

2.   Għal perjodu transizzjonali sal-1 ta’ Lulju 2012, il-kunsinni ta’ annimali tal-akkwakultura akkumpanjati minn ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġin skont il-Parti A jew B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 qabel ma ddaħlu l-emendi mir-Regolament preżenti, jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq sakemm ma japplikawx id-dikjarazzjonijiet rigward l-OsHV-1 μνar stabbiliti fil-Parti II ta’ dawn iċ-ċertifikati u sakemm dawn jaslu fid-destinazzjoni tagħhom qabel din id-data.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)   ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41.

(3)   ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7.

(4)   ĠU L 52, 3.3.2010, p. 1.

(5)   ĠU L 80, 26.3.2011, p. 15


ANNESS

“ANNESS II

PARTI A

Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq ta’ annimali tal-akkwakultura għat-trobbija, għaż-żoni ta’ żamma, għal meded ta’ ilma għas-sajd ripopolati artifiċjalment, għal faċilitajiet ornamentali miftuħa u għall-istokkjar mill-ġdid

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

PARTI B

Mudell taċ-ċertifikat ta’ saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom maħsuba għal aktar ipproċessar, għal ċentri ta’ spedizzjoni u ċentri ta’ tisfija u negozji simili qabel il-konsum mill-bniedem

Image 6

Test ta 'immaġni

Image 7

Test ta 'immaġni

Image 8

Test ta 'immaġni

PARTI Ċ

Lista ta’ speċijiet suxxettibbli għall-mard li għalih il-miżuri nazzjonali huma approvati skont id-Deċiżjoni 2010/221/UE

Marda

Speċi suxxettibbli

Il-Viremija tar-Rebbiegħa tal-Karpjun (SVC)

karpjun ta’ rasu kbira (Aristichthys nobilis), il-ħuta l-ħamra (Carassius auratus), karassju (Carassius carassius), karpjun erbivoru (Ctenopharyngodon idellus), karpjun komuni u l-karpjun koi (Cyprinus carpio), karpjun fiddieni (Hypophthalmichthys molitrix), sheatfish (Silurus glanis) tinka (Tinca tinca) u Orf (Leuciscus idus)

Mard batteriku tal-kliewi (BKD)

Familja: Salmonidae

Vajrus Infettiv tan-Nekrożi Pankreatika (IPN)

Trota tal-Paċifiku (Oncorhynchus mykiss), trota tax-xmajjar (Salvelinus fontinalis), trota kannella (Salmo trutta), Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u Salamun tal-Paċifiku (Oncorhynchus spp.), u whitefish (Coregonus lavaretus)

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris

Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), trota tal-Paċifiku (Oncorhynchus mykiss), trota tal-Artiku (Salvelinus alpinus), trota tax-xmajjar tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus fontinalis), grayling (Thymallus thymallus), trota tal-għadajjar tal-Amerika ta’ Fuq (Salvelinus namaycush) u trota kannella (Salmo trutta).

Ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar)

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas)”