9.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 344/2011

tat-8 ta’ April 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(3), l-Artikolu 38(b), u l-Artikolu 40 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (“logo organiku tal-UE”) huwa wieħed mill-indikazzjonijiet obbligatorji li għandu jintuża fir-rigward tal-ikel ippakkjat minn qabel li juri termini li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), filwaqt li l-użu tal-logo huwa fakultattiv għal dawk il-prodotti importati minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jippermetti l-użu tal-logo organiku tal-UE fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti skont dak ir-Regolament.

(2)

Il-konsumaturi għandhom jiġu assigurati li l-prodotti organiċi ġew prodotti b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2). Għal dik il-fini, it-traċċabbiltà ta’ kull prodott li jkollu l-logo organiku tal-UE fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni hija fattur importanti. Għalhekk, jidher li huwa utli li għandu jingħad b'mod iktar ċar li l-operaturi li ressqu lill-intrapriżi tagħhom għas-sistema ta’ kontroll tal-biedja organika biss jistgħu jużaw il-logo organiku tal-UE għall-finijiet ta’ tikkettar.

(3)

Ir-reġistrazzjoni tal-logo organiku tal-UE bħala trejdmark fl-Unjoni u f'reġistri internazzjonali hija indipendenti mir-regoli tar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u (KE) Nru 889/2008 li japplikaw l-użu tal-logo nnifsu. Sabiex l-indipendenza ta’ dawk ir-regoli tkun ċara, għandha titneħħa r-rabta bejn dawk ir-regoli u kwalunkwe reġistrazzjoni.

(4)

Wara t-tibdil tas-sistema tat-tikkettar organiku u fl-istennija tal-inklużjoni tar-regoli speċifiċi tal-Unjoni dwar it-tagħsir tal-inbid organiku, għad hemm inċertezza kbira fis-settur rigward il-possibbiltà li jiġi prodott l-inbid b'referenza għall-produzzjoni organika. Sabiex ikun permess li l-inbid prodott fis-snin tal-inbid 2010/2011 u 2011/2012 mill-għeneb organiku jinbiegħ mingħajr indikazzjonijiet obbligatorji mitluba bl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, sakemm il-prodotti inkwistjoni jikkonformaw mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (3) jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, jidher li huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikoli 95(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 rigward ċerti dispożizzjonijiet tat-tikkettar għal dawn il-prodotti sal-31 ta’ Lulju 2012. L-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2010.

(5)

Wara l-valutazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) dwar l-użu tal-estratt tal-klin bħala addittiv tal-ikel (4), is-sustanza tal-“estratt tal-klin” ġiet awtorizzata għall-użu bħala antiossidant u maħtura bin-numru E fil-Parti D tal-Anness III għad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta Frar 1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (5). Bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jkun permess l-użu tal-estratt tal-klin fl-ipproċessar tal-ikel organiku bħala addittiv tal-ikel, jekk jintuża bħala tali, bl-inklużjoni ta’ dak il-prodott fl-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju dwar il-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 57, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tat-tikkettar, il-logo organiku tal-UE għandu jintuża biss jekk il-prodott ikkonċernat isir skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (*1) u ta’ dan ir-Regolament, mill-operaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ kontroll imsemmija fl-Artikoli 27, 28, 29, 32 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.

(*1)   ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25.” "

(2)

Fl-Artikolu 95 għandu jiddaħħal il-paragrafu 10a li ġej:

“10a   Fir-rigward tal-inbid, il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fil-paragrafu 8 għandu jiskadi fil-31 ta’ Lulju 2012.

Il-ħażniet ta’ nbejjed prodotti, ippakkjati u ttikkettati qabel il-31 ta’ Lulju 2012 skont ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm jinħlew il-ħażniet.”

(3)

Fit-Taqsima A tal-Anness VIII, wara l-addittiv tal-ikel E 341(i) (il-fosfat monokalċiku), għandha tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

“B

E 392*

Estratti tal-klin

x

x

Meta jkunu ġejjin mill-produzzjoni organika biss u jekk għall-estrazzjoni jintuża biss l-etanol”

(4)

Il-punt 9 tal-parti A tal-Anness XI jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punt (2) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1.

(4)  The EFSA Journal (2008) 721, p. 1.

(5)   ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1.