1.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/61


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 316/2011

tat-30 ta' Marzu 2011

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella stipulata fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li tiġi provduta informazzjoni tariffarja vinkolanti li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa' tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (2).

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament tfasslu b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti stipulati fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa' tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Vettura tat-tip “pick-up”użata, attrezzata bi pjattaforma estensibbli għall-irfigħ tat-tagħbija, maħsuba għat-trasport ta' persuni u oġġetti (l-hekk imsejħa “vettura bi skopijiet multipli”), li għandha magna diżil b'ċilindrata ta' 3 200  cm3, gearbox awtomatika, four-wheel drive (4 × 4), u b'distanza bejn il-fusien ta' 320 cm.

Tikkonsisti f'dan li ġej:

kabina b'erba' bibien mgħammra b'żewġ fillieri ta' sits għal ħamsa min-nies, inkluż is-sewwieq. Il-kabina minn ġewwa hija lussuża, b'sits tal-ġilda rregolati bl-elettriku, ċinturini tas-sikurezza bi tliet ankraġġi wara s-sit tas-sewwieq, twieqi li jitħaddmu bl-elettriku u arja kondizzjonata. Hi mgħammra b'riċevitur ta' xandir bir-radju, sistema ta' radjunavigazzjoni u CD/DVD player.

spazju miftuħ għat-tagħbija b'tul intern ta' 156 cm. Il-ġnub u l-bieba tal-ispazju għat-tagħbija għandhom għoli ta' 50 cm. Il-ġnub huma mgħammra b'ħolqiet li magħhom titqabbad it-tagħbija. It-tul tal-ispazju għat-tagħbija jista' jiġi estiż għal 206 cm billi tinfetaħ il-bieba u jiġi mmuntat element f'forma ta' barriera.

8703 33 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tal-kitba fil-kodiċi NM 8703 , 8703 33 u 8703 33 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8704 bħala vettura għat-trasport ta' oġġetti hi eskluża, minħabba l-użu intiż tagħha, li hu inerenti għall-karatteristiċi oġġettivi kollha tagħha u l-apparenza ġenerali, bħala vettura li prinċipalment tfasslet għat-trasport tan-nies. It-tul intern massimu, fl-art, taż-żona għat-trasport ta' oġġetti hu limitat mill-ġnub u mill-bieba meta din tal-aħħar tingħalaq. (Ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8703 u n-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għall-intestatura 8703 ).

Għaldaqstant, il-vettura għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8703 33 90 bħala vettura bil-mutur użata, mfassla prinċipalment għat-trasport tan-nies.