26.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 296/2011

tal-25 ta’ Marzu 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2011/178/PESK tat-23 ta’ Marzu 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2011/178/PESK tipprevedi, inter alia, miżuri restrittivi ulterjuri fil-konfront tal-Libja, inkluż projbizzjoni ta' titjiriet fl-ispazju tal-ajru Libjan, projbizzjoni fuq inġenji tal-ajru Libjani fl-ispazju tal-ajru tal-Unjoni, u dispożizzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-miżuri introdotti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (2), inkluż dispożizzjoni biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-ħidmiet umanitarji fil-Libja.

(2)

Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa biex jiġu implimentati, b'mod partikolari bl-għan li jiġi żgurat li jiġu applikati b'mod uniformi mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (3) għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*) (Lista Militari Komuni) jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għall-użu fil-Libja;

(b)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għall-użu fil-Libja;

(c)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatat(a) mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness I, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe provvediment ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Libja jew għall-użu fil-Libja;

(d)

il-provvediment, b'mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport marbuta mal-provvista ta’ persunal merċenarju armat fil-Libja jew għall-użu fil-Libja;

(e)

il-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jaħarbu mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għall-provvediment ta' għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal finijiet umanitarji jew użu protettiv, jew għal bejgħ jew forniment ieħor ta' armi u materjal relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta' għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finazjarja relatati mat-tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kondizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw il-provvediment lil persuni, entitajiet jew korpi fil-Libja ta’ għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatat mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, jew relatat ma' tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, meta l-awtorità kompetenti tkun tqis li din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni ta' nies ċivili u ta' żoni b'popolazzjoni ċivili fil-Libja li jkunu taħt theddida ta’ attakk, bil-kondizzjoni li, fil-każ tal-provvediment ta' għajnuna relatata ma' oġġetti jew teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, l-Istat Membru kkonċernat ikun ta notifika minn qabel lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-ħwejjeġ protettivi, inklużi sdieri rinfurzati bil-metall u elmi, esportati b'mod temporanju fil-Libja mill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u ta' żvilupp u persunal assoċjat għall-użu tagħhom personali biss.

(*)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.”."

(2)

L-Artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

“Artikolu 4a

1.   Għandu jkun ipprojbit li inġenji tal-ajru jew trasportaturi tal-ajru reġistrati fil-Libja, jew li jkunu l-proprjetà ta' jew operati minn ċittadini jew entitajiet Libjani:

(a)

itiru fuq it-territorju tal-Unjoni;

(b)

jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Unjoni għal kwalunkwe skop; jew,

(c)

joperaw xi servizz tal-ajru minn jew lejn l-Unjoni,

ħlief fil-każ meta t-titjira partikolari tkun ġiet approvata minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jew fil-każ ta’ nżul ta’ emerġenza.

2.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4b

1.   Għandu jkun ipprojbit li inġenji tal-ajru jew trasportaturi tal-ajru fl-Unjoni, jew li jkunu l-proprjetà ta' jew operati minn ċittadini jew entitajiet tal-Unjoni, jew ta’ entitajiet inkorporati jew ikkostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru:

(a)

itiru fuq it-territorju tal-Libja;

(b)

jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Libja għal kwalunkwe skop; jew,

(c)

joperaw xi servizz tal-ajru minn jew lejn il-Libja.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika f’każ ta' titjiriet:

(i)

li l-uniku skop tagħhom ikun umanitarju, bħall-forniment jew l-iffaċilitar tat-forniment ta' għajnuna, inklużi provvisti mediċi, ikel, ħaddiema umanitarji u għajnuna relatata;

(ii)

għal evakwazzjonijiet mil-Libja;

(iii)

awtorizzati permezz tal-paragrafu 4 jew 8 tal-UNSCR 1973 (2011); jew,

(iv)

meqjusin mill-Istati Membri, li jaġixxu taħt l-awtorizzazzjoni mogħtija fil-paragrafu 8 tal-UNSCR 1973 (2011), bħala meħtieġa għall-benefiċċju tal-poplu Libjan.

3.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, b'mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”.

(3)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011) jew il-paragrafu 19, 22 jew 23 tal-UNSCR 1973 (2011).

2.   L-Anness III għandu jikkonsisti f'persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi mhux koperti mill-Anness II, li, f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni u entitajiet involuti jew kompliċi fil-kmand, il-kontroll, jew inkella d-direzzjoni, il-kummissjoni ta’ abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż billi jkunu involuti jew kompliċi fl-ippjanar, il-kmand, l-ordni jew it-tmexxija ta’ attakki, bi ksur tad-dritt internazzjonali, inkluż il-bumbardamenti mill-ajru, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili, jew bħala persuni, entitajiet jew korpi li jkunu awtoritajiet Libjani, jew bħala persuni, entitajiet jew korpi li kisru jew għenu fil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1970 (2011) jew UNSCR 1973 (2011) jew ta' dan ir-Regolament, jew bħala persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni ta’ kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn ta' hawn fuq, jew entitajiet jew korpi li jkunu l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew minn persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness II.”.

(4)

L-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 6a

Fir-rigward ta’ persuni, entitajiet u korpi mhux innominati fl-Annessi II jew III, li fihom ikollhom sehem persuna, entità jew korp innominati f'dawk l-Annessi, l-obbligu li jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuna, l-entità jew il-korp innominati ma għandux jipprevjeni tali persuni, entitajiet jew korpi mhux innominati milli jwettqu negozju leġittimu sakemm dan in-negozju ma jinvolvix li jsiru disponibbli xi fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuna, entità jew korp innominati.”.

(5)

L-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 8a

Bħala deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness IV, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jkunu l-proprjetà ta' persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil persuni, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jkunu jqisu xierqa, meta huma jqisu li jkun meħtieġ għal skopijiet umanitarji, bħall-forniment ta’ għajnuna, inklużi provvisti mediċi, ikel, il-forniment tal-elettriku, ħaddiema umanitarji u għajnuna relatata, jew evakwazzjonijiet mil-Libja. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu.”.

(6)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

L-ebda pretensjoni, inklużi dawk għal kumpens jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni ta’ tpaċija jew pretensjoni koperta minn garanzija, f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kienet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi b'konformità mal-UNSCR 1970 (2011) jew UNSCR 1973 (2011), inklużi miżuri tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru f’konformità ma’, kif rikjest bi, jew b’konnessjoni ma’, l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jew miżuri koperti b'dan ir-Regolament, ma għandhom jiġu sodisfatti favur l-awtoritajiet Libjani, jew favur kwalunkwe persuna, entità jew korp li tressaqhom f’isimhom jew għall-benefiċċju tagħhom.

M'għandha tinħoloq l-ebda responsabbiltà min-naħa ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fir-rigward ta' azzjonijiet imwettqa minnhom f'bona fede fl-implimentazzjoni tal-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament.”.

(7)

Fil-punt (a) tal-Artikolu 13(1), ir-referenza għall-Artikolu 4 hija sostitwita b'referenza għall-Artikolu 5.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 78, 24.3.2011, p. 24.

(2)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53.

(3)  ĠU L 58, 3.3.2011, p. 1.