23.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/23


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 283/2011

tat-22 ta’ Marzu 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 633/2007 fir-rigward tal-arranġamenti tranżizzjonali msemmija fl-Artikolu 7

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament dwar l-interoperabilità) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni ta’ protokoll ta’ trasferiment ta’ messaġġ tat-titjira hu intiż li jiġi użat għall-iskambju tad-dejta tat-titjira skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1032/2006 tas-6 ta’ Lulju 2011 li jistipula rekwiżiti għal sistemi awtomatiċi għall-iskambju ta’ tagħrif dwar it-titjiriet bejn ċentri tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għall-iskopijiet ta’ notifikazzjoni, koordinazzjoni u trasferiment ta’ titjiriet (3).

(2)

Sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti tal-punt 6 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 633/2007 tas-7 ta’ Ġunju 2007 li jistipula rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ protokoll ta’ trasferiment ta’ messaġġ tat-titjira użat għan-notifika, il-koordinazzjoni u t-trasferiment ta’ titjiriet bejn ċentri ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (4), uħud mill-Istati Membri jew fornituri tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jridu jaġġornaw mhux biss in-netwerk tal-Protokoll tal-Internet (PI) iżda anke ħafna mis-sistemi tad-dejta tat-titjiriet u l-infrastruttura tan-netwerk. L-aġġornament ta’ dawn is-sistemi qabel l-20 ta’ April 2011 jista’ jkollu impatt finanzjaru sinifikanti fuq l-Istati Membri kkonċernati jew il-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, u għal din ir-raġuni, arranġamenti tranżizzjonali xierqa għandhom jikkontribwixxu biex tkun minimizzata l-ispiża.

(3)

Matul il-perjodu ta’ validità tal-arranġamenti tranżizzjonali, l-Istati Membri jew il-fornituri tas-servizz bl-ajru konċernati għandhom japplikaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-interoperabilità fin-netwerk ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew (minn hawn ’il quddiem (EATMN).

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 633/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 633/2007, fl-Artikolu 7, l-ewwel żewġ paragrafi huma nnumerati u qed jiżdiedu l-paragrafi 3, 4 u 5 li ġejjin:

“3.   Meta Stat Membru jew fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jkun qed jiżviluppa protokoll ta’ trasferiment ta’ messaġġ tat-titjira flimkien mal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1032/2006 bejn is-sistemi tiegħu, is-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Anness I sal-31 ta’ Diċembru 2012.

4.   Meta Stat Membru jew fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jkun ordna jew iffirma kuntratt li jorbot jew ikun żviluppa protokoll ta’ trasferiment ta’ messaġġ tat-titjira għas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex ma jkunux jistgħu jiġu garantiti r-rekwiżiti tal-punt 6 tal-Anness, il-fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jew it-taqsima militari ta’ kontroll jista’ juża verżjonijiet oħra tal-protokoll tal-Internet għall-komunikazzjonijiet ‘peer to peer’ bejn is-sistemi tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2014.

Dawk l-Istati Membri jew il-fornituri tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għandhom jiżguraw li l-komunikazzjonijiet ‘peer to peer’ mis-sistemi tagħhom għal dawk ta’ Stati Membri jew fornituri tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru oħra jkunu konformi mar-rekwiżiti speċifikati fl-Anness I sakemm ftehim bilaterali magħmul qabel l-20 ta’ April 2011 jkun jippermetti l-użu ta’ verżjonijiet oħra tal-protokoll tal-Internet għal perjodu tranżizzjonali li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

5.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jikkomunikaw informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri applikati mill-fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru jew mit-taqsimiet militari ta’ kontroll lill-Kummissjoni qabel l-20 ta’ April 2011 sabiex tkun żgurata l-interoperabilità tas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) u (b) tal-EATMN.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 186, 7.7.2006, p. 27.

(4)  ĠU L 146, 8.6.2007, p. 7.