3.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 206/2011

tat-28 ta' Frar 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(1), 19(1) u 22(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li ġie kkonsultat il-Kumitat ta' Konsulenza,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri kumpensatorji eżistenti

(1)

F'Diċembru 1999, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (2), il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta' tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) (“il-prodott ikkonċernat”) li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 , li joriġinaw fl-Indja. Il-miżuri kellhom l-għamla ta' dazju kumpensatorju ad valorem, li jvarja bejn 3,8 % u 19,1 % impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi msemmija individwalment, b'rata ta' dazju residwali ta' 19,1 % imposta fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji l-oħra kollha. Il-perijodu tal-investigazzjoni oriġinali kien mill-1 ta' Ottubru 1997 sat-30 ta' Settembru 1998.

(2)

F'Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (3) (“ir-Regolament (KE) Nru 367/2006”), il-Kunsill, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, żamm id-dazju kumpensatorju definittiv impost bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 dwar importazzjonijiet ta' film PET li joriġinaw fl-Indja. Il-perijodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni kien mill-1 ta' Ottubru 2003 sat-30 ta' Settembru 2004.

(3)

F'Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (4), wara reviżjoni interim li tikkonċerna s-sussidji lil produttur Indjan tat-tertuqa tal-PET, il-Kunsill emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq din il-kumpanija bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(4)

F'Settembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1124/2007 (5), wara reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna s-sussidjar ta' produttur Indjan ieħor tat-tertuqa tal-PET, il-Kunsill emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq din il-kumpanija bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(5)

F'Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (6), il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali mnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidjar ta' ħames produtturi Indjani tal-folja tal-PET, emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq dawn il-kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 367/2006 u d-dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (7).

(6)

F'Ġunju 2010, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 579/2010 (8), wara reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna s-sussidjar ta' produttur Indjan tat-tertuqa tal-PET, il-Kunsill emenda d-dazju kumpensatorju definittiv impost fuq din il-kumpanija bir-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(7)

Għandu jiġi nnutat li Vacmet India Limited bħalissa hija soġġetta għal dazju kumpensatorju ta' 19,1 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

2.   Miżuri anti-dumping eżistenti

(8)

Għandu jiġi nnutat li Vacmet India Limited hija soġġetta għal dazju anti-dumping ta' 17,3 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007.

3.   Il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali

(9)

Fis-7 ta' Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. It-talba, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tas-sussidjar, tressqet minn Vacmet India Limited, produttur esportatur mill-Indja (“l-applikant”). Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li m'għadx hemm bżonn li l-miżura tiġi imposta fil-livell attwali tagħha biex tagħmel tajjeb għas-sussidjar.

(10)

Meta ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret fl-14 ta' Jannar 2010, permezz ta' notifika ppubblikata F'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9) (“in-notifika tal-bidu”), il-bidu ta' reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tas-sussidjar fir-rigward tal-applikant.

(11)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali kellha tivvaluta wkoll il-bżonn, skont ir-riżultati tar-reviżjoni, li tiġi emendata r-rata tad-dazju li bħalissa hija applikata lill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat u li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006, jiġifieri r-rata tad-dazju li tapplika għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja.

(12)

Il-Kummissjoni ħabbret ukoll fl-14 ta' Jannar 2010, permezz ta' notifika tal-bidu ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10), il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping sa fejn hu kkonċernat l-applikant.

4.   L-investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-livell ta' sussidjar kopriet il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2009 (“il-perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “PIR”).

(14)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lill-Gvern tal-Indja u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta' reviżjoni interim parzjali Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(15)

Biex tkun tista' tikseb it-tagħrif meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant. Barra minn hekk, kien mibgħut kwestjonarju lill-Gvern tal-Indja.

(16)

Filwaqt li l-applikant ikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tal-Indja ma bagħtux lura l-kwestjonarju qabel l-iskadenza. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tas-sussidjar. Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-applikant.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat f’din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament li jimponi l-miżuri fis-seħħ (ir-Regolament (KE) Nru 367/2006), jiġifieri tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET), li toriġina fl-Indja, u li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 .

2.   Il-prodott simili

(18)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, din l-investigazzjoni wriet li lt-tertuqa tal-PET prodotta fl-Indja u esportata lejn l-Unjoni u t-tertuqa tal-PET prodotta u mibjugħa lokalment fis-suq Indjan, kif ukoll it-tertuqa tal-PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

(19)

Għalhekk, dawn il-prodotti jitqiesu li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

C.   SUSSIDJAR

1.   Introduzzjoni

Skemi Nazzjonali

(20)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni mressqa mill-applikant u l-industrija tal-Unjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta' sussidji, ġew investigati:

(a)

L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji;

(b)

L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni;

(c)

L-Iskema ta' Awtorizzazzjoni bil-quddiem (qabel magħrufa bħala l-Iskema tal-Liċenzja bil-Quddiem);

(d)

Sussidji Kapitali.

(21)

L-iskemi (a) sa (c) speċifikati hawn fuq huma bbażati fuq l-Att tal-1992 dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolamentazzjoni) (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu 1992 (“l-Att dwar il-Kummerċ Barrani”). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-Gvern tal-Indja biex joħroġ notifiki dwar il-politika tal-esportazzjoni u l-importazzjoni. Dawn huma mogħtija fil-qosor fid-dokumenti tal-“Politika tal-Kummerċ Barrani”, li jinħarġu mill-Ministeru tal-Kummerċ kull ħames snin u jiġu aġġornati regolarment. Żewġ dokumenti tal-Politika tal-Kummerċ Barrani huma rilevanti għall-PIR ta' dan il-każ, jiġifieri, FT-policy 04-09 u FT-policy 09-14. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja stabbilixxa wkoll il-proċeduri li jirregolaw l-FT-policy 04-09 u l-FT-policy 09-14 f'“Manwal tal-Proċeduri, Volum I” (“HOP I 04-09” u “HOP I 09-14” rispettivament). Il-Manwal tal-Proċeduri jiġi aġġornat ukoll fuq bażi regolari.

(22)

L-iskema speċifikata hawn fuq fil-punt (d) hija amministrata mill-awtoritajiet tal-Istat ta' Uttar Pradesh.

2.   L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji (“DEPBS”)

(a)   Bażi Legali

(23)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-DEPBS tinsab fil-paragrafi 4.3 tal-FT-policy 04-09 u l-FT-policy 09-14 kif ukoll fil-Kapitolu 4 tal-HOP I 04-09 u tal-HOP I 09-14.

(b)   Eliġibbiltà

(24)

Kull produttur-esportatur jew negozjant-esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(c)   Implimentazzjoni prattika tad-DEPBS

(25)

Esportatur jista' japplika għall-krediti tad-DEPBS li jiġu kkalkulati bħala perċentwali tal-valur ta' prodotti esportati skont din l-iskema. Dawn ir-rati DEPBS kienu stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani għal ħafna mill-prodotti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Huma jkunu ddeterminati fuq il-bażi tan-Normi Standard ta' Input-Output (standard input-output norms, “SIONs”), billi jkun ikkunsidrat il-kontenut preżunt importat ta' inputs fil-prodott esportat u l-inċidenza tad-dazju doganali tal-importazzjoni fuq dawn l-importazzjonijiet preżunti, mingħajr ma jingħata każ jekk id-dazji tal-importazzjoni effettivament tħallsux jew le.

(26)

Biex tkun eliġibbli għall-benefiċċji taħt din l-iskema, kumpanija trid tesporta. Fiż-żmien tat-transazzjoni ta' esportazzjoni, għandha ssir dikjarazzjoni mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li tindika li l-esportazzjoni qed isseħħ skont id-DEPBS. Sabiex il-merkanzija tkun esportata, l-awtoritajiet Indjani tad-dwana joħorġu polza tal-esportazzjoni waqt il-proċedura li matulha l-merkanzija tintbagħat. Dan id-dokument juri, inter alia, l-ammont ta' kreditu DEPBS li għandu jkun mogħti għal dik it-transazzjoni ta' esportazzjoni. F'dan il-punt, l-esportatur ikun jaf il-benefiċċju li ser jirċievi. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu l-polza tal-esportazzjoni, il-Gvern tal-Indja ma jkollu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti tal-kreditu tad-DEPBS.

(27)

Instab li skont l-istandards tal-kontabilità Indjani, il-krediti tad-DEPBS jistgħu jitniżżlu fuq il-bażi tad-dovuti bħala dħul fil-kontijiet tal-kummerċ, malli jiġi sodisfatt l-obbligu tal-esportazzjoni. Dawn il-krediti jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti ta' kwalunkwe prodott – ħlief prodotti kapitali u prodotti fejn ikun hemm restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni. Prodotti importati b'dawn il-krediti jistgħu jinbiegħu fis-suq domestiku (soġġetti għal taxxa tal-bejgħ) jew użati mod ieħor. Il-krediti tad-DEPBS huma trasferibbli mingħajr l-ebda ostakolu u validi għal perijodu ta' 12-il xahar mid-data tal-ħruġ.

(28)

L-applikazzjoni għal krediti DEPBS tiġi ffajljata elettronikament u tista' tkopri ammont mingħajr limitu ta' transazzjonijiet tal-esportazzjoni. De facto ma japplikawx skadenzi stretti għal krediti DEPBS. Is-sistema elettronika użata għall-immaniġġjar tad-DEPBS ma teskludix awtomatikament it-transazzjonijiet tal-esportazzjoni li jaqbżu l-iskadenza għas-sottomissjoni msemmija fil-Kapitolu 4.47 tal-HOP I 04-09 u 09-14. Barra minn hekk, kif stipulat b'mod ċar fil-Kapitolu 9.3 tal-HOP I 04-09 u 09-14, l-applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni dejjem jistgħu jiġu kkunsidrati soġġetti għall-impożizzjoni ta' penali minuri (jiġifieri 10 % tal-intitolament).

(29)

Instab li l-applikant uża din l-iskema matul il-PIR.

(d)   Konklużjonijiet dwar id-DEPBS

(30)

Id-DEPBS tipprovdi sussidji fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu ta' DEPBS huwa kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Indja peress li l-kreditu eventwalment ikun użat sabiex ipatti għad-dazji ta' importazzjoni, għalhekk inaqqas id-dħul tal-Gvern tal-Indja mid-dazji li kieku jkunu dovuti. Barra minn hekk, il-kreditu DEPBS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għax iżid il-likwidità tal-kumpanija.

(31)

Barra dan, id-DEPBS huwa assoċjat fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huwa meqjus bħala speċifiku u kumpensabbli skont l-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament bażiku.

(32)

Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta' ħlas lura tad-dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura tad-dazju fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Ma tikkonformax mar-regoli stabbiliti fl-Anness I, il-partita (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura tad-dazju) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għas-sostituzzjoni tal-ħlas lura tad-dazju) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, esportatur m'għandu l-ebda obbligu li fil-fatt jikkonsma fil-proċess tal-produzzjoni l-prodotti importati bla ħlas ta' dazju u l-ammont ta' kreditu mhuwiex ikkalkulat b'konnessjoni mal-inputs li fil-fatt jintużaw fil-produzzjoni. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda sistema jew proċedura stabbilita għall-konferma ta' liema inputs jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk ħlas żejjed tad-dazji tal-importazzjoni seħħx skont it-tifsira tal-partita (i) tal-Anness I, u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, esportatur huwa eliġibbli għall-benefiċċji DEPBS irrispettivament minn jekk jimportax xi inputs jew le. Sabiex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed li esportatur sempliċiment jesporta prodotti mingħajr ma juri li kwalunkwe materjal ta' input kien importat. Għalhekk, anki esportaturi li jakkwistaw l-inputs tagħhom kollha lokalment u ma jimportaw ebda prodott li jista' jkun użat bħala input, jibqgħu intitolati għall-benefiċċji mid-DEPBS.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(33)

Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku u l-metodoloġija tal-kalkolu użata għal din l-iskema fir-Regolament (KE) Nru 367/2006, l-ammont ta' sussidji kumpensabbli kien ikkalkulat f’termini tal-benefiċċju mogħti lir-reċipjent u li nstab li jeżisti matul il-PIR. F'dan ir-rigward, kien ikkunsidrat li l-benefiċċju huwa mogħti lir-reċipjent fil-waqt meta ssir transazzjoni ta' esportazzjoni skont din l-iskema. F'dak il-mument, il-Gvern tal-Indja huwa obbligat li jċedi d-dazji doganali, u dan jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Wara li l-awtoritajiet doganali joħorġu polza tal-esportazzjoni li turi, fost oħrajn, l-ammont ta' kreditu DEPBS li għandu jingħata għal dik it-transazzjoni tal-esportazzjoni, il-Gvern tal-Indja m'għandu l-ebda diskrezzjoni dwar jekk jagħtix is-sussidju jew le. Fid-dawl ta' dan, huwa kkunsidrat xieraq li jiġi valutat il-benefiċċju taħt id-DEPBS bħala s-somma tal-krediti gwadanjati fuq it-transazzjonijiet kollha ta' esportazzjoni li saru taħt din l-iskema matul il-PIR.

(34)

Meta saru talbiet iġġustifikati, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-krediti hekk stabbiliti biex wieħed jasal għall-ammont tas-sussidju bħala n-numeratur, skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta' sussidju ġie allokat fuq il-fatturat kollu tal-esportazzjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa kontinġenti mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b'referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(35)

Ir-rata ta' sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR jammonta għal 7,9 %.

3.   L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (“EPCGS”)

(a)   Bażi legali

(36)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-EPCGS tinsab fil-Kapitolu 5 tal–FT-policy 04-09 u tal-FT-policy 09-14 kif ukoll fil-Kapitolu 5 tal-HOP I 04-09 u tal-HOP I 09-14

(b)   Eliġibbiltà

(37)

Il-manifatturi-esportaturi, in-negozjanti-esportaturi “marbuta” ma' manifatturi sekondarji u dawk li jipprovdu servizz huma eliġibli għal din l-iskema.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(38)

Skont il-kondizzjoni ta' obbligu ta' esportazzjoni, kumpanija hija awtorizzata li timporta prodotti kapitali (prodotti kapitali ġodda u –minn April 2003 – prodotti użati sa massimu ta' 10 snin) b'rata mnaqqas ta' dazju tad-dwana. Għal dan l-għan, il-Gvern tal-Indja joħroġ liċenzja EPCGS fuq applikazzjoni u pagament ta' ħlas. Minn April 2000, l-iskema tipprovdi għal rata tad-dazju tal-importazzjoni mnaqqsa ta' 5 % applikabbli għall-prodotti kapitali kollha importati skont l-iskema.

(39)

Id-detentur ta' liċenzja EPCGS jista' wkoll ifittex il-prodotti kapitali minn pajjiżu stess. F'dan il-każ, il-manifattur indiġenu ta' prodotti kapitali jista' japprofitta ruħu mill-benefiċċju ta' importazzjoni ħielsa mid-dazju ta' komponenti meħtieġa għall-manifattura ta' dawn il-beni kapitali. Alternattivament, il-manifattur indiġenu jista' jitlob il-benefiċċju ta' esportazzjoni meqjus fir-rigward tal-provvista ta' prodotti kapitali lid-detentur ta' liċenzja EPCGS.

(40)

Instab li l-applikant uża din l-iskema matul il-PIR.

(d)   Konklużjoni dwar l-iskema tal-EPCG

(41)

L-EPCGS tipprovdi sussidji fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis fid-dazju jikkostitwixxi kontribut finanzjarju mill-Gvern tal-Indja billi din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul mid-dazju, li kieku kien ikun dovut lilu. Barra minn hekk, it-tnaqqis tad-dazju jagħti benefiċċju lill-esportatur, għax id-dazji ffrankati mill-importazzjoni jtejbu l-likwidità tal-kumpanija.

(42)

Barra minn hekk, l-EPCGS hija soġġetta fil-liġi għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni, għaliex liċenzji bħal dawn ma jistgħux jinkisbu mingħajr impenn ta' esportazzjoni. Għalhekk, hija meqjusa bħala speċifika u kumpensabbli skont l-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament bażiku.

(43)

Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta' ħlas lura ta' dazju jew sistema li tissostitwixxu l-ħlas lura ta' dazju permissibbli fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Il-prodotti kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta' dawn is-sistemi permissibbli, kif stabbilit fl-Anness I, partita (i), tar-Regolament bażiku, għax mhumiex ikkonsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(44)

L-ammont ta' sussidju kien ikkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tad-dazju doganali mhux imħallas fuq prodotti kapitali importati mifruxa fuq perijodu li jirrifletti l-perijodu ta' deprezzament normali ta' dawn il-prodotti kapitali fl-industrija kkonċernata. Skont il-prattika stabbilita, l-ammont ikkalkulat b'dan il-mod, li huwa attribwibbli għall-PIR, kien aġġustat permezz taż-żieda ta' interessi matul dan il-perijodu sabiex ikun rifless il-valur totali tal-benefiċċju maż-żmien. Ir-rata ta' interessi kummerċjali matul il-perijodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni fl-Indja kien ikkunsidrat xieraq għal dan l-iskop. Meta saru t-talbiet ġustifikati, tariffi mħallsa ħlas neċessarjament biex jinkiseb sussidju kienu mnaqqsa skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku.

(45)

Skont l-Artikolu 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta' sussidju ġie allokat fuq il-fatturat ta' esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju jiddependi mill-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b'referenza għall-kwantitajiet immanifatturati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(46)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet li saru taħt din l-iskema, l-investigazzjoni wriet li hemm għadd ta' prodotti li jistgħu jintużaw kemm għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kif ukoll għall-produzzjoni ta' prodotti oħra. Madankollu, ġie nnutat li xi prodotti ntużaw f’unità ta' fabbrika li tintuża unikament għall-produzzjoni tat-tertuqa tal-PET. Għadaqstant, f’termini tal-kalkolu tal-benefiċċju lill-applikant, id-denominatur li għandu jintużaw għal dawn il-prodotti jkun il-fatturat tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u mhux il-fatturat tal-esportazzjoni totali.

(47)

Ir-rata ta' sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR jammonta għal 2,4 %.

4.   Skema ta' Awtorizzazzjoni Bil-Quddiem (Advance Authorisation Scheme, “AAS”)

(a)   Bażi legali

(48)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-iskema tinsab fil-paragrafi 4.1.1 sa 4.1.14 tal-FT-policy 04-09 u FT-policy 09-14 kif ukoll fil-Kapitolu 4.1 sa 4.30 tal-HOP I 04-09 u tal-HOP I 09-14. Din l-iskema kienet imsemmija Skema tal-Liċenzja bil-Quddiem matul l-investigazzjoni preċedenti li wasslet għall-impożizzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 367/2006, tad-dazju kumpensatorju definittiv preżentament fis-seħħ.

(b)   Eliġibbiltà

(49)

L-AAS tikkonsisti f’sitt sottoskemi, kif deskritt f’iktar dettall fil-premessa (50). Dawk is-sottoskemi huma differenti inter alia fl-ambitu tal-eliġibbiltà. Il-manifatturi-esportaturi u n-negozjanti-esportaturi “marbuta” ma' manifatturi ta' sostenn huma eliġibbli għall-esportazzjonijiet fiżiċi AAS u għall-AAS għal sottoskemi ta' rekwiżit annwali. Il-manifatturi-esportaturi li jfornu l-esportatur finali huma eliġibbli għall-AAS għall-provvisti intermedji. Kuntratturi ewlenin li jipprovdu lill-kategoriji ta' “esportazzjoni meqjusa” msemmija fil-paragrafu 8.2 tal-FT-policy 04-09, bħal fornituri ta' unità orjentata lejn l-esportazzjoni (“EOU”), huma eliġibbli għas-sottoskema tal-esportazzjoni meqjusa tal-AAS. Eventwalment, fornituri intermedji għall-manifatturi esportaturi huma eliġibbi għal benefiċċji ta' “esportazzjoni meqjusa” skont is-sottoskemi tal-Ordni għar-Rilaxx bil-Quddiem (“ARO”) u ħruġ ta' ittra ta' kreditu interna immedjatament kif tagħlaq dik ta' qabel.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(50)

Awtorizzazzjonijiet bil-quddiem jistgħu jinħarġu għal:

(i)   Esportazzjonijiet fiżiċi: Din hi s-sottoskema ewlenija. Tippermetti importazzjoni bla dazju ta' materjali ta' input għall-produzzjoni li tirriżulta fi prodott ta' esportazzjoni speċifiku. “Fiżiku” F'dan il-kuntest tfisser li l-prodott għall-esportazzjoni jrid iħalli t-territorju Indjan. Konċessjoni ta' importazzjoni u obbligu ta' esportazzjoni inkluż it-tip ta' prodott ta' esportazzjoni huma speċifikati fil-liċenzja;

(ii)   Rekwiżit annwali: Din l-awtorizzazzjoni mhix konnessa ma' prodott ta' esportazzjoni speċifiku, iżda ma' grupp ta' prodotti aktar wiesa' (eż. prodotti kimiċi u dawk relatati). Id-detentur ta' liċenzja jista'- sa ċertu limitu fil-valur iffissat skont kif tkun marret l-esportazzjoni fil-passat - jimporta bla ħlas ta' dazju kull input li jkun ser jintuża fil-manifattura ta' kull oġġett li jaqa' f’dan il-grupp ta' prodotti. Jista' jagħżel li jesporta kwalunkwe prodott li jirriżulta u li huwa fil-grupp ta' produzzjoni li juża dan il-materjal eżenti mid-dazju;

(iii)   Provvisti intermedji: Din is-sottoskema tkopri l-każijiet meta żewġ manifatturi jkun beħsiebhom jipproduċu prodott wieħed għall-esportazzjoni u jaqsmu l-proċess ta' produzzjoni. Il-manifattur-esportatur li jipproduċi l-prodott intermedju jista' jimporta materjali ta' input mingħajr dazju u jista' jikseb għal dan l-għan AAS għal provvisti intermedji. L-esportatur finali jiffinalizza l-produzzjoni u huwa obbligat li jesporta l-prodott lest;

(iv)   Meqjusa bħala esportati: Din is-sottoskema tippermetti lil kuntrattur prinċipali li jimporta bla ħlas ta' dazju l-inputs meħtieġa fil-produzzjoni ta' prodotti li se jinbiegħu bħala “meqjusa bħala esportati” lill-kategoriji ta' klijenti msemmija fil-paragrafu 8.2(b) sa (f), (g), (i) u (j) tal-FT-policy 04-09. Meqjusa bħala esportati tirreferi għal dawk it-transazzjonijiet li fihom l-oġġetti fornuti ma jħallux il-pajjiż. Numru ta' kategoriji ta' provvista huma kkunsidrati bħala oġġetti meqjusa esportati sakemm il-prodotti jkunu manifatturati fl-Indja, eż. provvista ta' prodotti lejn EOU jew lejn kumpanija lokalizzata f’żona ekonomika speċjali (“SEZ”);

(v)   Advance Release Order (“ARO”): Id-detentur tal-AAS li għandu l-intenzjoni li jġib l-inputs minn sorsi indiġeni, minflok ma jimporta direttament, għandu l-għażla li jġibhom permezz tal-AROs. F'dawn il-każijiet l-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem huma validati bħala AROs u huma endorsjati lill-fornitur indiġenu wara kunsinna tal-oġġetti speċifikati fiha. L-endorsjar tal-ARO tintitola lill-fornitur indiġenu għall-benefiċċji fuq oġġetti meqjusa esportati kif speċifikat fil-paragrafu 8.3 tal-FT-policy 04-09 (fi kliem ieħor AAS għal provvisti intermedji/oġġetti meqjusa esportati, ħlas lura ta' dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa esportati u r-rifużjoni ta' dazju tas-sisa finali). Il-mekkaniżmu ARO jirrifondi t-taxxi u d-dazji lill-fornitur minflok ma jirrifondihom lill-esportatur finali fil-forma ta' ħlas lura/rifużjoni tad-dazji. Ir-rifużjoni tat-taxxi/dazji hija disponibbli għal inputs indiġeni kif ukoll inputs importati;

(vi)   Ittra ta' kreditu interna wara l-oħra: Din is-sottoskema tkopri għal darb'oħra provvisti indiġeni lil detentur tal-Awtorizzazzjoni bil-Quddiem. Id-detentur ta' Awtorizzazzjoni bil-Quddiem jista' javviċina bank biex jiftaħ ittra ta' kreditu interna favur fornitur indiġenu. L-awtorizzazzjoni tiġi vvalidata mill-bank għall-importazzjoni diretta, b'konnessjoni biss mal-valur u l-volum ta' oġġetti miġjuba minn sorsi indiġeni minflok ma jkunu importati. Il-fornitur indiġenu għandu jkun intitolat għal benefiċċji fuq oġġetti meqjusa esportati kif stabbiliti fil-paragrafu 8.3 tal-FT-policy 04-09 (fi kliem ieħor, AAS għal provvisti intermedji/oġġetti meqjusa esportati, ħlas lura ta' oġġetti meqjusa esportati u rifużjoni tad-dazju tas-sisa finali).

(51)

L-applikant irċieva konċessjonijiet skont l-AAS konnessi mal-prodott ikkonċernat matul il-PIR. L-applikant għamel użu minn waħda mis-sottoskemi, jiġifieri l-esportazzjonijiet fiżiċi AAS. Għalhekk mhux neċessarju li jkun stabbilit l-ammont ta' kumpens tas-sottoskemi mhux użati li jibqa'.

(52)

Għal skopijiet ta' verifika mill-awtoritajiet Indjani, detentur ta' Awtorizzazzjoni bil-Quddiem huwa legalment obbligat li jżomm “kont veru u propju tal-konsum u utilizzazzjoni ta' prodotti bla dazju importati/akkwistati domestikament” f’format speċifikat (il-kapitoli 4.26, 4.30 u l-Appendiċi 23 HOP I 04-09 u HOP I 09-14), jiġifieri reġistru tal-konsum attwali. Dan ir-reġistru għandu jkun ivverifikat minn kontabilista estern irreġistrat/kontabilista tal-ispejjeż u x-xogħol li joħroġ ċertifikat li jiddikjara li r-reġistri preskritti u r-rekords relevanti ġew eżaminati u li l-informazzjoni mogħtija skont l-Appendiċi 23 hija vera u korretta F'kull rigward.

(53)

Fir-rigward tas-sottoskema użata matul il-PIR mill-applikant, jiġifieri dik tal-esportazzjonijiet b'mod fiżiku, il-konċessjoni ta' importazzjoni kif ukoll l-obbligu ta' esportazzjoni huma ffissati fil-volum u fil-valur mill-Gvern tal-Indja u jiġu dokumentati fuq l-Awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-waqt tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, it-transazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu dokumentati minn uffiċjali tal-Gvern fuq l-Awtorizzazzjoni. Il-volum tal-importazzjonjiet permessi skont l-AAS huwa determinat mill-Gvern tal-Indja fuq il-bażi ta' regoli standard ta' input-output (“SIONs”) li jeżistu għall-biċċa l-kbira tal-prodotti inkluż il-prodott ikkonċernat. Il-materjal importat biex jintuża bħala input ma jkunx transferibbli u jrid jintuża biex ikun maħdum il-prodott esportat li jirriżulta. L-obbligu ta' esportazzjoni għandu jiġi sodisfatt fil-limitu ta' żmien preskritt wara l-ħruġ tal-liċenzja (24 xahar b'żewġ estensjonijiet possibbli ta' 6 xhur kull wieħed).

(54)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim attwali stabbilixxiet li r-rekwiżiti tal-verifika stipulati mill-awtoritajiet Indjani ma kinux onorati u ma ġewx ittestjati fil-prattika. L-applikant ma żammx sistema li biha wieħed ikun jista' jivverifika liema inputs ġew ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat u f’liema ammonti, kif stipulat mill-Politika tal-Kummerċ Barrani (l-Appendiċi 23) u skont l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, ma kienx hemm rekords ta' konsum effettiv.

(55)

Il-bidliet fl-amministrazzjoni tal-FT-policy 04-09, li saru effettivi fil-ħarifa tal-2005 (it-trasmissjoni mandatorja tar-reġistru tal-konsum lill-awtoritajiet Indjani fil-kuntest tal-proċedura ta' redenzjoni) għadhom ma ġewx applikati fil-każ tal-applikant. Għalhekk, l-implimentazzjoni de facto ta' din id-dispożizzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata, f’dan l-istadju.

(d)   Konklużjoni dwar l-AAS

(56)

L-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni hija sussidju fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri kontribut finanzjarju tal-Gvern tal-Indja li jagħti benefiċċju lill-esportatur investigat.

(57)

Barra dan, l-AAS għall-esportazzjonijiet b'mod fiżiku hija b'mod ċar kontinġenti fil-liġi fuq kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk hija meqjusa bħala speċifika u kumpensabbli skont l-Artikolu 4(4), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament bażiku. Mingħajr obbligu li tesporta, kumpanija ma tistax tikseb benefiċċji minn din l-iskema.

(58)

Is-sottoskema użata fil-każ preżenti ma tistax titqies bħala sistema permissibbli ta' ħlas lura tad-dazju jew sistema ta' sostituzzjoni ta' ħlas lura tad-dazju fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Dan ma jikkonformax mar-regoli stabbiliti fl-Anness I il-partita (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għal ħlas lura tad-dazju) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għal sostituzzjoni tal-ħlas lura tad-dazju) tar-Regolament bażiku. Il-Gvern tal-Indja ma applikax effettivament is-sistema jew il-proċedura ta' verifika l-ġdida jew l-antika tiegħu sabiex jikkonferma jekk kinux ikkunsmati inputs, u F'liema ammonti, fil-produzzjoni tal-prodott esportat (l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta' skemi li jissostitwixxu l-ħlas lura tad-dazju, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-SIONs għall-prodott ikkonċernat ma kinux preċiżi biżżejjed. Is-SIONs infushom ma jistgħux jitqiesu bħala sistema ta' verifika tal-konsum attwali, għaliex l-għamla ta' dawk in-normi standard ma tippermettix lill-Gvern tal-Indja li jivverifika b'biżżejjed preċiżjoni liema ammonti ta' inputs ġew ikkunsmati fil-produzzjoni għall-esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Gvern tal-Indja m'għamilx eżami addizzjonali bbażat fuq l-inputs effettivament użati fil-produzzjoni, għalkemm dan normalment jeħtieġ li jsir fin-nuqqas ta' sistema ta' verifika applikata b'mod effettiv (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku).

(59)

Is-sottoskema hija għalhekk kumpensabbli.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(60)

Fin-nuqqas ta' sistemi permessi ta' ħlas lura tad-dazju jew sistemi ta' sostituzzoni ta' ħlas lura, il-benefiċċju kumpensabbli huwa r-remissjoni tad-dazji tal-importazzjoni totali normalment dovuti mal-importazzjoni tal-inputs. F'dan ir-rigward, huwa osservat li r-Regolament bażiku ma jipprovdix biss għall-ammont kumpensatorju tar-remissjoni “żejda” mid-dazji. Skont l-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Anness I(i) tar-Regolament bażiku, huwa biss meta l-kondizzjonijiet tal-Annessi II u III tar-Regolament bażiku jkunu milħuqa li r-remissjoni żejda mid-dazji tkun kumpensata. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet ma kinux sodisfatti fil-każ preżenti. Għalhekk, jekk ma jkunx muri proċess ta' sorveljanza adegwat, l-eċċezzjoni msemmija hawn fuq għal skemi ta' ħlas lura tad-dazju mhix applikabbli u tapplika r-regola normali tal-ammont kumpensatorju fuq l-ammont ta' dazji mhux imħallsa (dħul ċedut), pjuttost milli kwalunkwe remissjoni żejda intenzjonata. Kif stabbilit fl-Annessi II(II) u III(II) tar-Regolament bażiku, mhijiex ir-responsabbiltà tal-awtorità tal-investigazzjoni li tikkalkula din ir-remissjoni żejda. Bil-maqlub ta' dan, skont l-Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, l-awtorità tal-investigazzjoni għandha tistabbilixxi biss evidenza suffiċjenti sabiex tirrifjuta l-adegwatezza tas-sistema ta' verifika allegata.

(61)

L-ammont ta' sussidju għall-applikant li uża l-AAS kien ikkalkolat abbażi ta' dazji tal-importazzjoni ċeduti (dazju doganali bażiku u dazju doganali addizzjonali speċjali) fuq il-materjal impurtat skont is-sottoskema matul il-PIR (numeratur). Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, il-ħlas imġarrab neċessarjament sabiex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-ammont tas-sussidju meta saru talbiet ġustifikati. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta' sussidju kien allokat fuq il-fatturat mill-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għax is-sussidju huwa marbut mal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u ma kienx moghti b'referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(62)

Ir-rata tas-sussidju stabbilita fir-rigward ta' din l-iskema għall-applikant matul il-PIR jammonta għal 0,2 %.

5.   Sussidji Kapitali

(a)   Bażi legali

(63)

F'investigazzjonijiet preċedenti rigward it-tertuqa tal-PET, inkluż l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni, bir-Regolament (KE) Nru 367/2006 tad-dazju kumpensatorju definittiv attwalment fis-seħħ, ġew investigati diversi skemi tal-Istati Indjani li jinvolvu inċentivi mogħtija lil kumpaniji lokali. L-Iskemi tal-Istat jaqgħu taħt it-titlu “Pakkett ta' Skemi ta' Inċentivi” billi jista' jkun hemm tipi differenti ta' inċentivi involuti. L-investigazzjoni preċedenti stabbiliet li l-intitolament ta' kumpanija għal benefiċċji tista' tiġi stipulata fiċ-“Ċertifikat ta' Eliġibbiltà” jew “iċ-Ċertifikat ta' Intitolament”. Madankollu, bħal fl-investigazzjoni preżenti, jista' jkun hemm sussidji ad hoc bħal sussidji kapitali.

(b)   Eliġibilità

(64)

Sabiex ikunu eliġibbli, il-kumpaniji għandhom, bħala regola ġenerali, jinvestu f’żoni inqas żviluppati ta' stat jew permezz tat-twaqqif ta' stabbiliment industrijali ġdid jew permezz tal-ħolqien ta' investiment kapitali fuq skala kbira jew diversifikazzjoni ta' stabbiliment industrijali eżistenti.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(65)

Skont ir-rispons għall-kwestjonarju, fl-2009 l-applikant irċieva ammont sinifikanti bħala sussidju kapitali għat-twaqqif ta' faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda mill-Gvern ta' Uttar Pradesh (“GUP”). Ġie spjegat li dan is-sussidju kapitali mogħti huwa marbut mat-twaqqif ta' faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda, jiġifieri biex jitkopru l-ispejjeż għall-investimenti li saru mill-applikant. Skont l-applikant, kien sussidju pur fl-għamla ta' għotja biex tittejjeb l-ekwità.

(66)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-applikant huwa eliġibbli għal rifużjonijiet tal-VAT u t-Taxxa Ċentrali fuq il-Bejgħ (CST) mid-Dipartiment tat-Taxxa Kummerċjali ta' Uttar Pradesh minħabba l-investimenti li saru qabel. Fiċ-“Ċertifikat tal-Eliġibilità” hemm limitu li l-kumpanija tista' tikklejmja. L-iskema ntużat mill-kumpanija fuq erba' snin. Kull xahar, intalbu rifużjonijiet tal-VAT u s-CST imħallsa fuq bejgħ intrastatali u interstatali rispettivament, inkluż matul il-PIR.

(d)   Konklużjoni

(67)

Is-sussidju kapitali huwa trasferiment dirett ta' fondi, jiġifieri għotja lill-applikant. Huwa sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Huwa kontribut finanzjarju mill-Gvern Statali ta' Uttar Pradesh li jagħti benefiċċju dirett lill-applikant.

(68)

Ir-rifużjoni tal-VAT u s-CST tipprovdi sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Ir-rifużjoni tikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Istat ta' Uttar Pradesh billi din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul fiskali tal-Gvern tal-Istat li kieku kienet tkun dovuta. Barra minn hekk, ir-rifużjoni tat-taxxa tagħti benefiċċju lill-applikant billi t-taxxa ffrankata żżid il-likwidità tal-kumpanija.

(69)

Is-sussidji fil-liġi ma jiddependux mill-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Gvern tal-Istat ta' Uttar Pradesh, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel konklużjoni soda dwar din l-iskema fir-rigward tal-ispeċifiċità u l-applikazzjoni prattika ta' din il-liġi u l-livell ta' diskrezzjoni li l-awtorità tal-għoti għandha meta tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet. Tabilħaqq, ma jistax jiġi determinat b'ċertezza jekk l-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwiex sodisfatt, minħabba li ma jistax jiġi stabbilit li l-Gvern tal-Istat ta' Uttar Pradesh applika kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi għall-għoti tas-sussidju. Għalhekk, anki jekk l-iskema tidher li mhijiex speċifika fil-liġi, għadu mhux ċar li mhijiex speċifika de facto. Konsegwentement, hija meqjusa speċifika u kompensabbli skont l-Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) u l-Artikolu 4(2), ir-raba' subparagrafu tar-Regolament bażiku.

(e)   Kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(70)

Fir-rigward tas-sussidju kapitali mogħti għat-twaqqif ta' faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda, l-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tas-sussidju kapitali mifrux fuq perijodu li jirrifletti l-perijodu normali ta' deprezzament/ħajja utli tal-prodotti kapitali f’din l-industrija billi s-sussidju jista' jiġi marbut mal-akkwist ta' assi fissi. L-interessi għandhom jiġu miżjuda mal-ammont sħiħ sabiex jirriflettu l-valur sħiħ tal-benefiċċju maż-żmien. Ir-rata ta' interessi kummerċjali matul il-perijodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni fl-Indja kien ikkunsidrat xieraq għal dan l-iskop. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidju kien imbagħad allokat fuq il-fatturat totali mill-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għax is-sussidju mhux assoċjat mal-esportazzjoni u ma ngħatax b'referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(71)

Fir-rigward tar-rifużjonijiet tal-VAT u s-CST, l-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat abbażi tal-ammont tar-rifużjonijiet matul il-PIR. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidju (numeratur) kien imbagħad allokat fuq il-fatturat totali mill-esportazzjoni u l-bejgħ domestiku matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq billi s-sussidju mhux assoċjat mal-esportazzjoni u ma ngħatax b'referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(72)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, ir-rata tas-sussidju stabbilita għall-applikant fir-rigward ta' dawn is-sussidji kapitali matul il-PIR jammonta għal 0,5 %.

6.   Ammont ta' sussidji kumpensabbli

(73)

L-applikant bħalissa huwa soġġett għal dazju kumpensatorju ta' 19,1 %.

(74)

Matul ir-reviżjoni interim parzjali preżenti, l-ammont ta' sussidji kumpensabbli għall-applikant, espressi ad valorem, instab li kien ta' 11,0 %, kif imniżżel hawn taħt:

SKEMA→

DEPBS (*1)

EPCGS (*1)

AAS (*1)

CS

Total

KUMPANIJA ↓

%

%

%

%

%

Vacmet India Limited

7,9

2,4

0,2

0,5

11,0

(75)

Wara li tqies dan ta' hawn fuq, il-konklużjoni kienet li l-livell tas-sussidjar fir-rigward tal-produttur esportatur ikkonċernat naqas.

7.   Miżuri kompensatorji

(76)

Ġie eżaminat ukoll jekk iċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward tal-iskemi eżaminati jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta' natura dejjiema.

(77)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-ammont tas-sussidju għall-applikant naqas ferm taħt ir-rata tad-dazju li bħalissa hija applikabbli lilu. Dan it-tnaqqis fil-livell globali tas-sussidju huwa dovut primarjament għal tnaqqis sinifikanti fil-benefiċċji li huma disponibbli bid-DEPBS. Abbażi ta' dak li jidher hawn fuq, jidher li hemm indikazzjonijiet li l-applikant ser ikompli jirċievi s-sussidji fil-futur, f’ammont li jkun inqas minn dak li bħalissa huwa soġġett għalih.

(78)

Ladarba ġie determinat li l-applikant qed jiġi ssussidjat f’livell ħafna iktar baxx minn qabel u li x'aktarx ikompli jirċievi sussidji f’ammont li jkun aktar baxx minn dak determinat fl-investigazzjoni oriġinali, il-livell tal-miżura għandu għalhekk ikun emendat biex jirrifletti s-sejbiet ġodda.

(79)

Fid-dawl ta' dak li jidher hawn fuq, ir-rata emendata tad-dazju kumpensatorju għandha tiġi stabbilita bir-rata l-ġdida ta' sussidjar misjuba matul ir-reviżjoni interim parzjali preżenti, billi l-marġni ta' ħsara kkalkulat fl-investigazzjoni oriġinali kontra s-sussidji għadu ogħla.

(80)

Skont l-Artikolu 24(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 597/2009, l-ebda prodott m'għandu jkun suġġett għal dazju anti-dumping u dazji kompensatorji flimkien għall-fini li tiġi ttrattata l-istess sitwazzjoni li ġejja minn dumping jew sussidjar tal-esportazzjoni. Madankollu, billi d-dazju anti-dumping stabbilit għall-applikant b'riżultat tar-reviżjoni interim dwar l-anti-dumping għaddejja b'mod parallel huwa 0 % fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, din is-sitwazzjoni mhix rilevanti għal dan il-każ.

(81)

Fir-rigward tar-rata tad-dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006, jiġifieri d-dazju speċifikat bħala applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja, qed jiġi nnutat li l-modalitajiet attwali tal-iskemi investigati u l-kumpensabbiltà tagħhom ma nbidlux fir-rigward tal-investigazzjoni preċedenti. Għalhekk, m'hemmx raġuni biex ikun ikkalkulat mill-ġdid is-sussidju u r-rati tad-dazju ta' dawn il-kumpaniji. Konsegwentement, ir-rati tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji kollha minbarra l-applikant ma jinbidlux.

(82)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet ser tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju li tapplika għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(83)

Il-kummenti verbali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet definittivi ġew modifikati kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 hija b'dan emendata billi jiżdied dan li ġej:

“Vacmet India Limited, Anant Plaza, IInd Floor, 4/117-2 A, Civil Lines, Church Road, Agra-282002, Uttar Pradesh, India

11,0

A992 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu F'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FELLEGI T.


(1)   ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)   ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

(3)   ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(4)   ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(5)   ĠU L 255, 29.9.2007, p. 1.

(6)   ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(7)   ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(8)   ĠU L 168, 2.7.2010, p. 1.

(9)   ĠU C 8, 14.1.2010, p. 29.

(10)   ĠU C 8, 14.1.2010, p. 27.

(*1)  Sussidji mmarkati bi stilla huma sussidji tal-esportazzjoni