3.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 205/2011

tat-28 ta’ Frar 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku tal-anti-dumping”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li ġie kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjoni preċedenti u miżuri anti-dumping eżistenti

(1)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw, inter alia, fl-Indja. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju anti-dumping ad valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (3), il-Kunsill emenda l-miżuri imposti bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju anti-dumping impost varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi li huma dettaljati fir-Regolament (KE) Nru 367/2006 (4).

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (5), wara reviżjoni interim li tikkonċerna s-sussidju ta’ produttur Indjan tat-tertuqa PET, il-Kunsill emenda d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq dak il-produttur permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(4)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (6), fuq talba ta’ produttur esportatur ġdid, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ produttur Indjan tat-tertuqa PET. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju anti-dumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li tqies il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. Billi l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, ġiet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(5)

F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (7), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa PET li joriġinaw mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku tal-anti-dumping. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku tal-anti-dumping, limitata għal produttur esportatur Indjan wieħed.

(6)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (8), wara reviżjoni interim parzjali mnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidju lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, il-Kunsill emenda d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq dawn il-kumpaniji permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u d-dazji kumpensatorji definittivi imposti permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 żamm ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-Brażil u l-Iżrael waqt li ċerti kumpaniji ġew eżentati. L-aħħar emenda għar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 f’dan ir-rigward saret permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 367/2006 fir-rigward tal-għoti ta’ eżenzjoni mill-miżuri imposti skont dawk ir-Regolamenti lil esportatur Iżraeljan wieħed ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li toriġina fl-Indja u t-tmeim tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet minn dak l-esportatur (9).

(8)

Għandu jiġu nnutat li Vacmet India Limited hija soġġetta għal dazju residwu tal-anti-dumping ta’ 17,3 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007.

2.   Miżuri kumpensatorji eżistenti

(9)

Għandu jiġu nnutat ukoll li Vacmet India Limited hija soġġetta għal dazju kumpensatorju ta’ 19,1 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

3.   Talba għal reviżjoni interim parzjali

(10)

Fis-7 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping, tressqet minn Vacmet India Limited, produttur esportatur mill-Indja (“l-applikant”). Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni ssuktata tal-miżura fil-livell attwali tagħha m’għadhiex meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping.

4.   Il-bidu ta’ reviżjoni

(11)

Wara li ġie determinat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika fl-14 ta’ Jannar 2010 ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10) (“in-notifika tal-bidu”), il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-applikant.

(12)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali kienet ukoll biex tivvaluta l-ħtieġa, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li tiġi emendata r-rata ta’ dazju li bħalissa hija applikata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri r-rata tad-dazju anti-dumping li tapplika għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja.

(13)

Fl-14 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ħabbret ukoll, permezz ta’ notifika tal-bidu ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (11), il-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji li huma limitati għall-eżami tas-sussidju sa fejn hu kkonċernat l-applikant.

5.   L-investigazzjoni

(14)

L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 (“perijodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “PIR”).

(15)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(16)

Biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta’ skadenza stipulat għal dak l-għan.

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Saret żjara ta’ verifika fil-bini tal-applikant.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(18)

Il-prodott ikkonċernat f’din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament li jimponi l-miżuri fis-seħħ (ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007), jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET), li toriġina fl-Indja, li attwalment taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

2.   Il-prodott simili

(19)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, din l-investigazzjoni wriet li t-tertuqa PET prodotta fl-Indja u esportata lejn l-Unjoni u t-tertuqa PET prodotta u mibjugħa lokalment fis-suq Indjan, kif ukoll it-tertuqa PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

(20)

Għalhekk dawn il-prodotti jitqiesu bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

(a)   Il-valur normali

(21)

Sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, l-ewwel ġie determinat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili kienx rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk dan il-bejgħ domestiku rrappreżentax 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat esportat fl-UE. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-prodott simili kien inbiegħ domestikament mill-applikant f’volumi ġeneralment rappreżentattivi. Dan it-test ta’ rappreżentazzjoni mbagħad sar fuq bażi ta’ tip b’tip. Instab li żewġ tipi ma nbiegħux domestikament.

(22)

Sussegwentament, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies bħala li qiegħed jinbiegħ fil-kors ordinarju tan-negozju skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għal dan il-prodott simili mibjugħ fis-suq Indjan, ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul il-PIR. Instab li aktar minn 90 % tal-bejgħ domestiku kien bi profitt.

(23)

Għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament u li għaddew mit-test ta’ rappreżentazzjoni msemmi fil-premessa (21) ta’ hawn fuq, ġie stabbilit li għal tip ta’ prodott wieħed, it-tranżazzjonijiet domestiċi kollha ma kinux profitabbli u għaldaqstant ma sarux fil-perkors normali tan-negozju skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(24)

Għat-tipi ta’ prodotti li nbiegħu fi kwantitajiet insuffiċjenti u mibjugħa fil-perkors normali tan-negozju fl-Indja, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli minn klijenti mhux relatati skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Għat-tipi l-oħra, jiġifieri t-tip imsemmi fil-premessa (23) hawn fuq u t-tipi mhux mibjugħa domestikament, il-valur normali ġie mibni fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-manifattura mġarrba mill-applikant għall-mudell esportat inkwistjoni biż-żieda ta’ ammont raġonevoli għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (SG&A) u għal profitt skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(25)

Meta wieħed jikkunsidra l-livell għoli ta’ bejgħ domestiku profitabbli li sar fil-perkors normali tan-negozju, l-ispejjeż tal-SG&A u l-profitt kollha kienu bbażati fuq il-bejgħ domestiku kollu tal-prodott simili fis-suq domestiku.

(b)   Il-prezz tal-esportazzjoni

(26)

Fil-każijiet kollha fejn it-tertuqa tal-PET kienet esportata direttament lejn klijenti indipendenti fl-UE, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu stabbiliti skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli.

(27)

Għall-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-UE li sar permezz ta’ kumpanija relatata, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet li fuqhom kienu mibjugħa mill-ġdid il-prodotti impurtati lil xerrej indipendenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(28)

Għal dan l-iskop, saru aġġustamenti għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni. Marġini raġonevoli għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u profitt kien ukoll imnaqqas għal dan il-bejgħ. Il-perċentwali użati biex jiġi kkalkulat il-profitt u l-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi kienu konformi ma’ dawk rappurtati fid-dikjarazzjoni tad-dħul tal-kumpanija relatata.

(c)   Tqabbil

(29)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Għan dan il-għan, ingħatat konċessjoni xierqa f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet, l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż tal-ippakkjar imħallsa mill-applikant fejn applikabbli u ġġustifikat.

(d)   Il-marġini tad-dumping

(30)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti mal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil ma weriex l-eżistenza ta’ dumping.

D.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

(31)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk iċ-ċirkostanzi mibdula allegati mill-applikant jisgħux jiġu kkunsidrati b’mod raġonevoli li huma ta’ natura dejjiema.

(32)

L-investigazzjoni wriet li l-marġini indikattiva ta’ dumping ikkalukulata għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-applikant lill-pajjiżi terzi fil-PIR kienet negattiva wkoll. F’termini ta’ volum, dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-UE.

(33)

Instab ukoll li l-applikant għamel investimenti sinifikanti mill-2007 “l quddiem biex itejjeb il-proċess ta” produzzjoni tiegħu u biex jipproduċi l-materja prima bażika li hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-bidliet irriżultaw, b’mod partikolari, fi tnaqqis ta’spejjeż u għaldaqstant spjegaw l-impatt dirett fuq il-marġini tad-dumping tal-Kumpanija. Din il-bidla fiċ-ċirkostanzi tista’ titqies bħala waħda ta’ natura dejjiema.

(34)

Għalhekk tqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni interim preżenti. Għalhekk, ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura anti-dumping fil-livell attwali tagħha m’għadhiex aktar ġustifikata.

E.   IL-MIŻURI ANTI-DUMPING

(35)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni għal reviżjoni, huwa kkunsidrat xieraq li d-dazju anti-dumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-applikant jiġi emendat għal 0 %.

(36)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 24(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (12), l-ebda prodott m’għandu jkun soġġett kemm għal dazju anti-dumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji għall-fini li tiġi indirizzata l-istess sitwazzjoni li tirriżulta minn dumping jew mill-issussidjar għall-esportazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa (9) hawn fuq, l-applikant huwa soġġett għal dazju kumpensatorju. Billi d-dazju anti-dumping stabbilit għall-applikant huwa ta’ 0 % fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, din is-sitwazzjoni ma tirriżultax f’dan il-każ.

(37)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju applikabbli għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

(38)

Il-kummenti verbali u bil-miktub imressqa mill-partijiet ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet definittivi ġew immodifikati kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 hija b’dan emendata billi jiżdied dan li ġej:

“Vacmet India Limited, Anant Plaza, IInd Floor, 4/117-2 A, Civil Lines, Church Road, Agra-282002, Uttar Pradesh, India

0,0

A992 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FELLEGI T.


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(4)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15

(5)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(9)  ĠU L 242,15.9.2010, p. 6

(10)  ĠU C 8, 14.1.2010, p. 27.

(11)  ĠU C 8, 14.1.2010, p. 29.

(12)  ĠU L 188, 18.7.2009 p. 93.