25.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 177/2011

tal-24 ta’ Frar 2011

li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2010/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 187 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Mill-bidu tas-sena tas-suq 2010/2011, iż-żieda fil-prezz dinji taċ-ċereali kienet verament mgħaġġla, iktar miż-żieda fil-prezz ta’ qabel fis-sena tas-suq 2007/2008. Il-prezz dinji tal-qamħ komuni għola wkoll b’65 % minn Lulju tal-2010. Wara dik id-data, l-iżviluppi fil-prezzijiet taċ-ċereali fis-suq tal-Unjoni kellhom l-istess xejra. Il-prezz tal-qamħ komuni fis-suq tal-Unjoni żdied b’iktar minn 90 % sakemm ġie stabbilit għal madwar EUR 280/tunnellata. Il-prezz taċ-ċereali l-oħra fis-suq tal-Unjoni kellhom l-istess xejra, il-qamħ ta’ Rouen u l-qamħirrun ta’ Bordeaux kienu iżjed minn EUR 215/tunnellata. L-iżviluppi fil-prezz fis-suq dinji taċ-ċereali ġeneralment ġejjin mill-fatt li l-produzzjoni ma tlaħħaqx mad-domanda.

(2)

Huwa mistenni li s-suq dinji taċ-ċereali għal tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 jibqa’ bl-istess prezzijiet għoljin, huwa stmat li l-ħażniet mondjali se jkunu 342 miljun tunnellata fi tmiem is-sena tas-suq 2010/2011, jiġifieri 62 miljun tunnellata anqas mit-tmiem tas-sena tas-suq 2009/2010.

(3)

Il-kwota ta’ importazzjoni bid-dazju mnaqqas għall-qamħ komuni ta’ kwalità baxxa u medja miftuħa permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1067/2008 (2), u l-kwota ta’ importazzjoni bid-dazju mnaqqas għax-xgħir għall-għalf miftuħa permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2305/2003 (3) ma ntużawx wisq fl-2010, b’perċentwali ta’ 13 % u ta’ 5 % rispettivament. Dan in-nuqqas ta’ użu huwa mistenni li jkompli fl-2011, speċjalment minħabba li l-fornituri tradizzjonali tal-Unjoni, ir-Russja u l-Ukraina, ħadu passi biex inaqqsu l-esportazzjoni.

(4)

Iż-żamma ta’ prezz dinji għoli sal-aħħar tas-sena tas-suq 2010/2011 flimkien man-nuqqas previst fl-użu ta’ kwoti tal-importazzjoni bid-dazju mnaqqas fl-2011, qegħdin jheddu li jfixxklu l-provvista fis-suq tal-Unjoni matul l-aħħar xhur tas-sena tas-suq 2010/2011. F’dan il-kuntest, sabiex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni meħtieġa biex iżżomm il-bilanċ fis-suq tal-Unjoni, huwa xieraq li jkun hemm sospensjoni temporanja tad-dazji għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-qamħ komuni ta’ kwalità baxxa u medja u tax-xgħir għall-għalf miftuħin permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 2305/2003 rispettivament, sat-30 ta’ Ġunju 2011, tmiem is-sena tas-suq 2010/2011.

(5)

Madankollu, m’għandhomx jiġu ppenalizzati l-operaturi f’każijiet fejn diġà tkun intbagħtet il-kunsinna taċ-ċereali għall-importazzjoni fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-ħin meħtieġ għat-trasport u l-operaturi għandhom jitħallew iqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ċ-ċereali skont l-iskema ta’ sospensjoni tad-dazji doganali previsti f’dan ir-Regolament għall-prodotti kollha fejn it-trasport dirett lejn id-destinazzjoni fl-Unjoni jkun inbeda talanqas sat-30 ta’ Ġunju 2011. Għandha tiġi stabbilita wkoll l-evidenza li trid tingħata biex tiġġustifika t-trasport dirett lejn l-Unjoni u d-data ta’ meta t-trasport ikun inbeda.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni għall-prodotti rilevanti tal-kodiċi tan-NM 1001 90 99 , ta’ kwalunkwe kwalità barra l-kwalità għolja skont id-definizzjoni fl-Anness II għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 642/2010 (4), u n-NM 1003 00 hija sospiża għas-sena tas-suq 2010/2011, għall-importazzjonijiet kollha li jsiru skont il-kwoti tariffarji bid-dazju mnaqqas miftuħa permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1067/2008 u (KE) Nru 2305/2003.

2.   Fejn it-trasport taċ-ċereali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jsir direttament għal destinazzjoni fl-Unjoni, u dan it-trasport ikun inbeda tal-anqas sat-30 ta’ Ġunju 2011, is-sospensjoni tad-dazji doganali skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ tgħodd għall-finijiet tar-rilaxx tal-prodotti kkonċernati fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa.

Għandha tiġi pprovduta evidenza tat-trasport dirett lejn l-Unjoni u tad-data meta t-trasport ikun inbeda, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti, permezz tad-dokument oriġinali tat-trasport.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.

(3)   ĠU L 342, 30.12.2003, p. 7.

(4)   ĠU L 187, 21.7.2010, p. 5.