24.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 173/2011

tat-23 ta’ Frar 2011

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2095/2005, (KE) Nru 1557/2006, (KE) Nru 1741/2006, (KE) Nru 1850/2006, (KE) Nru 1359/2007, (KE) Nru 382/2008, (KE) Nru 436/2009, (KE) Nru 612/2009, (KE) Nru 1122/2009, (KE) Nru 1187/2009 u (UE) Nru 479/2010 fir-rigward tal-obbligi ta’ notifika fi ħdan l-organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 161(3), l-Artikolu 170, l-Artikolu 171(1) u l-Artikolu 192(2), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 142(q) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (3) jistabbilixxi regoli komuni biex ikunu nnotifikati informazzjoni u dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dawk ir-regoli jkopru, b’mod partikolari, l-obbligu għall-Istati Membri li jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni li tkun għamlet disponibbli l-Kummissjoni u l-validazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess tal-awtoritajiet jew tal-individwi awtorizzati sabiex jibgħatu n-notifiki. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jiffissa prinċipji komuni li japplikaw għas-sistemi ta’ informazzjoni sabiex jiggarantixxu l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà maż-żmien tad-dokumenti u jipprovdi għall-protezzjoni tad-dejta personali.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009, l-obbligu li jintużaw is-sistemi ta’ informazzjoni skont dak ir-Regolament irid jiġi pprovdut fir-Regolamenti li jistabbilixxu obbligu ta’ notifika speċifiku.

(3)

Il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ informazzjoni li tippermetti l-ġestjoni tad-dokumenti u tal-proċeduri b’mod elettroniku fil-proċeduri ta’ ħidma interni tagħha u fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet involuti fil-politika agrikola komuni.

(4)

Huwa kkunsidrat li diversi obbligi ta’ notifiki jistgħu jitwettqu permezz ta’ dik is-sistema skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009, b’mod partikolari dawk ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2095/2005 [tal]-20 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2075/92 fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-tabakk (4), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1557/2006 tat-18 ta’ Ottubru 2006 dwar il-modalitajiet tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1952/2005 fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-kuntratti u l-komunikazzjonijiet tad-data fis-settur tal-ħops (5), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1741/2006 tal-24 ta’ Novembru 2006 li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata r-rifużjoni speċjali ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ laħam dissussat ta’ annimali tal-ifrat adulti maskili li jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali qabel l-esportazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali] (6), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1850/2006 [tal]-14 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħops u l-prodotti tal-ħops (7), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1359/2007 tal-21 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjonijiet speċjali [tal]-esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta’ laħam dissussat [tal]-annimali bovini (8), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008 tal-21 ta’ April 2008 dwar ir-regoli [tal]-applikazzjoni għal-liċenzji [tal]-importazzjoni u [tal]-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (9), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 tas-26 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 479/2008 f’dak li jirrigwarda r-reġistru tal-vinji, il-prospetti obbligatorji u l-istabbiliment ta’ tagħrif għall-monitoraġġ tas-suq, id-dokumenti li jakkumpanjaw il-ġarr tal-prodotti u r-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-vinji tal-inbid (10), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009 tas-7 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (11), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 [tat-]30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (12), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1187/2009 tas-27 ta’ Novembru 2009 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-liċenzji tal-esportazzjoni u r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (13) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 479/2010 tal-1 ta’ Ġunju 2010 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (14).

(5)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza, in-notifiki għandhom jiġu simplifikati. B’mod partikolari, għandu jkun stabbilit li l-Istati Membri li jipproduċu t-tabakk u l-ħops rispettivament biss għandhom ikunu obbligati jibagħtu d-dejta mitluba taħt ir-Regolamenti (KE) Nru 2095/2005, (KE) Nru 1557/2006 u (KE) Nru 1850/2006. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-kontenut ta’ wħud min-notifiki għandu jiġi speċifikat f’dawk ir-Regolamenti.

(6)

L-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jippreżentaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 19(1)(b)(ii) u (iii) tar-Regolament (KE) Nru 436/2009, għandha tintbagħat lill-Eurostat. Għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ amministrazzjoni tajba, in-notifiki kkonċernati għandhom isiru b’mezzi elettroniċi lill-punt ta’ dħul waħdieni għad-dejta fl-Eurostat, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi pprovduti mill-Kummissjoni (Eurostat).

(7)

Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għandha tkun koerenti mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1913/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja tal-ewro fis-settur agrikolu u jemenda ċerti regolamenti (15).

(8)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2095/2005, (KE) Nru 1557/2006, (KE) Nru 1741/2006, (KE) Nru 1850/2006, (KE) Nru 1359/2007, (KE) Nru 382/2008, (KE) Nru 436/2009, (KE) Nru 612/2009, (KE) Nru 1122/2009, (KE) Nru 1187/2009 u (UE) Nru 479/2010 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti u tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2095/2005 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 1

1.   Għal kull ħsad, l-Istati Membri produtturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad, l-informazzjoni li ġejja mogħtija bħala total u, ħlief għall-punt (a), maqsuma skont il-gruppi tal-varjetajiet tat-tabakk mhux maħdum imsemmija fil-paragrafu 3:

(a)

in-numru tal-impriżi tal-ewwel ipproċessar;

(b)

in-numru tal-bdiewa;

(c)

l-erja f’ettari;

(d)

il-kwantità kkonsenjata f’tunnellati;

(e)

il-prezz medju, esklużi t-taxxi u imposti (levies) oħrajn, imħallas lill-bdiewa;

(f)

il-ħażniet f’tunnellati fi tmiem Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad ikkonċernata, miżmuma mill-ewwel proċessur.

Il-prezz imsemmi fil-punt (e) għandu jkun espress f’EUR għal kull kg, billi tintuża, jekk ikun meħtieġ, l-iktar rata tal-kambju reċenti ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

2.   Għal kull ħsad, l-Istati Membri produtturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Lulju tas-sena tal-ħsad li tkun għaddejja, l-informazzjoni li ġejja mogħtija bħala total u maqsuma skont il-gruppi tal-varjetajiet tat-tabakk mhux maħdum imsemmija fil-paragrafu 3:

(a)

l-erja stmata f’ettari;

(b)

il-produzzjoni stmata f’tunnellati.

3.   Il-gruppi tal-varjetajiet tat-tabakk mhux maħdum huma:

(a)   Grupp I: Imqadded bi sħana artifiċjali (flue-cured): tabakk imnixxef fil-fran b’ċirkulazzjoni tal-arja, b’temperatura u b’umdità kkontrollati, b’mod partikolari tat-tip Virginia;

(b)   Grupp II: Ċar imqadded bl-arja (light air-cured): tabakk imnixxef fl-arja mgħotti, ma jitħallhiex jiffermenta, b’mod partikolari tat-tipi Burley u Maryland;

(c)   Grupp III: Skur imqadded bl-arja (dark air-cured): tabakk imnixxef fl-arja mgħotti, jitħalla jiffermenta b’mod naturali qabel ma jiġi kkummerċjalizzat, b’mod partikolari tat-tipi Badischer Geudertheimer, Burley Iffermentat, Havana, Mocny Skroniowski, Nostrano del Brenta u Pulawski.

(d)   Grupp IV: Imqadded bin-nar (fire-cured): tabakk imnixxef bin-nar, b’mod partikolari tat-tipi Kentucky u Salento;

(e)   Grupp V: Imqadded fix-xemx (sun-cured): tabakk imnixxef fix-xemx, imsejjaħ ukoll ‘Varjetajiet Orjentali’, b’mod partikolari tat-tipi Basmas, Katerini u Kaba-Koulak.

4.   L-Istati Membri li kabbru inqas minn 3 000 ettaru fis-sena tal-ħsad preċedenti jistgħu jinnotifikaw biss l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 u fil-punt (a) tal-paragrafu 2 u mogħtija biss bħala total mingħajr ma tkun maqsuma skont il-gruppi tal-varjetajiet tat-tabakk mhux maħdum.

5.   In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 4 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*).

(*)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

2.

L-Artikolu 2 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw irwieħhom li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jipprovduhom bl-informazzjoni mitluba fil-limiti ta’ żmien rilevanti.”

3.

L-Annessi IA, IB, II u III huma mħassra.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 1557/2006 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 5

1.   Għal kull ħsad, l-Istati Membri produtturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-15 ta’ April tas-sena ta’ wara l-ħsad tal-ħops ikkonċernat, l-informazzjoni li ġejja mogħtija bħala total u, ħlief għall-punti (a) u (g), maqsuma skont żewġ gruppi ta’ varjetajiet ta’ ħops (morri u aromatiċi):

(a)

in-numru tal-bdiewa li qed ikabbru l-ħops;

(b)

l-erja maħsuda u l-erja li tkun għadha kemm inżergħet fis-sena tal-ħsad (f’ettari);

(c)

il-kwantità f’tunnellati u l-prezz medju hekk kif il-ħops jitlaq mill-azjenda agrikola tal-ħops mibjugħ skont kuntratti konklużi bil-quddiem;

(d)

il-kwantità f’tunnellati u l-prezz medju hekk kif il-ħops jitlaq mill-azjenda agrikola tal-ħops mibjugħ skont kuntratti oħrajn jew mingħajr kuntratti;

(e)

il-kwantità ta’ ħops f’tunnellati li baqgħet mhux mibjugħa;

(f)

il-produzzjoni tal-aċidu alfa f’tunnellati u l-kontenut medju ta’ aċidu alfa (f’perċentwali);

(g)

il-kwantità ta’ ħops f’tunnellati koperta minn kuntratti konklużi bil-quddiem għall-ħsad li jmiss;

Il-prezzijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) għandhom ikunu espressi f’EUR għal kull kg, billi tintuża, jekk ikun meħtieġ, l-iktar rata tal-kambju reċenti ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (**).

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw irwieħhom li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jipprovduhom bl-informazzjoni mitluba fil-limiti ta’ żmien rilevanti.

(**)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

2.

L-Anness huwa mħassar.

Artikolu 3

L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1741/2006 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 13

Notifika lill-Kummissjoni

1.   Kull xahar, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta’ laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili li jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali qabel l-esportazzjoni skont dan ir-Regolament, fejn dawk il-kwantitajiet jiġu maqsuma skont il-kodiċi bi 12-il figura tan-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni stabbilita mir-Regolament (KEE) Nru 3846/87.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu mhux ikar tard mit-tieni xahar ta’ wara x-xahar meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni tad-dħul fil-maħżen.

2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (***).

Artikolu 4

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1850/2006 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 23

Notifika lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri produtturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena:

(a)

lista taż-żoni ta’ produzzjoni tal-ħops;

(b)

lista taċ-ċentri ta’ ċertifikazzjoni u l-kodiċi għal kull ċentru;

(c)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni kompetenti.

2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (****).

Artikolu 5

Ir-Regolament (KE) Nru 1359/2007 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għas-superviżjoni u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni kif ikun xieraq. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex is-sostituzzjoni tal-prodotti inkwistjoni tkun impossibbli, b’mod partikolari billi tiġi identifikata kull biċċa laħam. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla fil-kundizzjonijiet għas-superviżjoni.”

2.

Fl-Artikolu 10, il-frażi tal-bidu hija sostitwita mit-test li ġej:

“Għal ċertifikati,kif inhu pprovdut fl-Artikolu 5(1), approvati mill-awtoritajiet kompetenti kull tliet xhur u li jkopru qatgħat dissussati prodotti minn irbiegħ ta’ wara, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dan li ġej mhux iktar tard minn tmiem it-tieni xahar ta’ wara kull tliet xhur:”

3.

L-Artikolu 10a li ġej huwa inserit:

“Artikolu 10a

In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*****).

(*****)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 382/2008 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 6 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sas-6 p.m. (ħin ta’ Brussell) f’kull jum tax-xogħol, il-kwantità totali tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet;

(b)

mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar ta’ wara x-xahar li fih tressqu l-applikazzjonijiet, lista tal-applikanti.”

2.

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 6 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sas-6 p.m. (ħin ta’ Brussell) f’kull jum tax-xogħol, il-kwantità totali tal-prodotti li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet;

(b)

mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar ta’ wara x-xahar li fih tressqu l-applikazzjonijiet, lista tal-applikanti.”

3.

L-Artikolu 16 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 16

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

sal-Ġimgħa ta’ kull ġimgħa:

(i)

l-applikazzjonijiet għal-liċenzji bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni mressqa skont l-Artikolu 10(1) jew il-fatt li mit-Tnejn sal-Ġimgħa ta’ dik il-ġimgħa ma tressqet l-ebda applikazzjoni;

(ii)

l-applikazzjonijiet għal-liċenzji mressqa skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 jew il-fatt li mit-Tnejn sal-Ġimgħa ta’ dik il-ġimgħa ma tressqet l-ebda applikazzjoni;

(iii)

il-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenżji skont l-Artikolu 12(6) ta’ dan ir-Regolament jew il-fatt li mit-Tnejn sal-Ġimgħa ta’ dik il-ġimgħa ma nħarġet l-ebda liċenzja;

(iv)

il-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenżji fir-rigward tal-applikazzjonijiet imressqa skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, fejn tiġi indikata d-data meta tressqet l-applikazzjoni u l-pajjiż tad-destinazzjoni, mit-Tnejn sal-Ġimgħa ta’ dik il-ġimgħa;

(v)

il-kwantitajiet li għalihom ġew irtirati l-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 12(5) ta’ dan ir-Regolament, matul dik il-ġimgħa, fejn tiġi indikata d-data meta tressqet l-applikazzjoni;

(b)

sal-14-il jum ta’ kull xahar għax-xahar preċedenti:

(i)

l-applikazzjonijiet għal-liċenzji kif imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008;

(ii)

il-kwantitajiet li għalihom inħarġu l-liċenzji skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament u skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 u li ma ntużawx.

2.   In-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

(a)

il-kwantità skont il-piż tal-prodott jew skont in-numru ta’ rjus għal kull kategorija msemmija fl-Artikolu 10(5);

(b)

it-tqassim tal-kwantitajiet skont id-destinazzjoni għal kull kategorija.”

4.

L-Artikolu 16a li ġej huwa inserit:

“Artikolu 16a

In-notifiki msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (******).

(******)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

5.

L-Anness VIII huwa mħassar.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KE) Nru 436/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Biex il-kwantitajiet ta’ prodotti oħrajn għajr l-inbid jiġu kkonvertiti f’ettolitri ta’ nbid, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw koeffiċjenti li jistgħu jvarjaw skont kriterji oġġettivi differenti li jinfluwenzaw il-konverżjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-koeffiċjenti lill-Kummissjoni flimkien mas-sommarju pprovdut fl-Artikolu 19(1).”

2.

L-intestatura tal-Kapitolu III tat-Titolu II hija sostitwita mit-test li ġej:

“KAPITOLU III

In-notifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri

3.

Fl-Artikolu 19(3), il-frażi tal-bidu tal-ewwel subparagrafu hija sostitwita mit-test li ġej:

“Sabiex ikunu stabbiliti t-tendenzi fil-prezzijiet, l-Istati Membri li l-produzzjoni tal-inbid tagħhom matul l-aħħar ħames snin kienet medjament ta’ iktar minn 5 % tal-produzzjoni totali tal-inbid tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dan li ġej fir-rigward tal-inbejjed imsemmija fil-punt 1 tal-Anness XIb għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*******):

(*******)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”"

4.

L-Artikolu 49 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 49

Notifika

1.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan it-titolu;

(b)

fejn ikun xieraq, l-isem u l-indirizz ta’ kwalunkwe korp li ngħata s-setgħa minn awtorità kompetenti għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan it-titolu.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni:

(a)

kwalunkwe bidla sussegwenti li tikkonċerna l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-miżuri li jkunu ħadu sabiex jimplimentaw dan it-titolu, fejn dawk il-miżuri jkunu ta’ valur speċifiku għall-finijiet tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif jissemma fir-Regolament (KE) Nru 555/2008.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkompila u żżomm aġġornata lista li jkun fiha l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi u tal-awtoritajiet kompetenti bbażata fuq l-informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik il-lista fuq l-Internet.”

5.

L-Artikolu 50 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 50

Notifika

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw irwieħhom li se jkunu jistgħu josservaw l-iskadenzi għan-notifiki stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni rreġistrata skont dan ir-Regolament għal mill-inqas il-ħames snin tal-inbid ta’ wara s-sena tal-inbid li matulha tkun ġiet irreġistrata.

3.   In-notifiki mitluba f’dan ir-Regolament ma għandhomx jippreġudikaw l-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 357/79 dwar stħarriġ statistiku ta’ inħawi tad-dwieli.

4.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (********).

Madankollu, in-notifiki msemmija fl-Artikolu 19(1)(b)(ii) u (iii) għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri f’format elettroniku lil jew għandhom jittellgħu b’mezzi elettroniċi fil-punt ta’ dħul waħdieni għad-dejta fl-Eurostat, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi pprovduti mill-Kummissjoni (Eurostat).

(********)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

Artikolu 8

L-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 612/2009 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 50

Notifika lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

mingħajr dewmien, il-każijiet fejn ikun japplika l-Artikolu 27(1). Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membru l-oħra;

(b)

mhux iktar tard minn tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar meta jkunu ġew aċċettati d-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni, għal kull kodiċi ta’ 12-il-figura, il-kwantitajiet tal-prodotti esportati li mhumiex koperti b’liċenzji tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni għall-każijiet imsemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 42. Il-kodiċijiet għandhom ikunu ggruppati skont is-settur.

2.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*********).

Artikolu 9

Fl-Artikolu 84 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, il-paragrafu 6 li ġej huwa miżjud:

“6.   In-notifiki msemmija fl-Artikolu 40(2) u fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (**********).

Artikolu 10

Ir-Regolament (KE) Nru 1187/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Il-liċenzji tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifużjoni, għandhom jinħarġu fil-ħames jum tax-xogħol ta’ wara l-jum meta jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, sakemm il-kwantitajiet li għalihom ikunu saru applikazzjonijiet għal liċenzji jkunu ġew notifikati skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 479/2010 (***********) u li l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux ġew adottati.

(***********)  ĠU L 135, 2.6.2010, p. 26.”"

2.

Fl-Artikolu 24(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit mit-test li ġej:

“L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr bil-bidla fl-importatur innominat u l-Kummissjoni għandha tinnotifika l-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.”

3.

L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Mhux aktar tard mill-ħames jum tax-xogħol ta’ wara l-iskadenza tal-perjodu biex jitressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, għal kull waħda miż-żewġ partijiet tal-kwota u għal kull kodiċi tal-prodotti tan-nomenklatura tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, il-kwantitajiet koperti b’applikazzjonijiet għal-liċenzji jew, fejn ikun applikabbli, li ma tkun tressqet l-ebda applikazzjoni.

Qabel in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(1) u (2) ġew issodisfati.”

(b)

Fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit mit-test li ġej:

“Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ allokazzjoni tirriżulta fi kwantità għal kull applikant ta’ inqas minn 20 tunnellata, l-applikanti jistgħu jirtiraw l-applikazzjonijiet tagħhom. F’każijiet bħal dawn, huma għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata minnufih. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni, fi żmien tmint ijiem tax-xogħol mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, il-kwantitajiet maqsuma skont il-kodiċijiet tal-prodotti tan-nomenklatura tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, li għalihom ikunu ġew irtirati l-applikazzjonijiet u li għalihom tkun ġiet rilaxxata l-garanzija.”

4.

L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“1.   Il-liċenzji għandhom jinħarġu fuq it-talba tal-operatur, mhux qabel l-1 ta’ Ġunju u mhux akar tard mill-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara. Huma għandhom jinħarġu biss lill-operaturi li l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tagħhom kienu nnotifikati skont l-Artikolu 31(1).

Jekk jinstab li l-informazzjoni pprovduta minn operatur li nħarġitlu liċenzja ma tkunx korretta, il-liċenzja għandha tiġi kkanċellata u l-garanzija għandha tintilef min-naħa tal-operatur.

Sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Frar, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, għaż-żewġ partijiet tal-kwota msemmija fl-Artikolu 28(1), il-kwantitajiet li għalihom ma tkun inħarġet l-ebda liċenzja, maqsuma skont il-kodiċi tal-prodotti tan-nomenklatura tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni.”

(b)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“5.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, għaż-żewġ partijiet tal-kwota msemmija fl-Artikolu 28(1) u, fir-rigward tal-perjodu ta’ 12-il xahar preċedenti kif imsemmi fl-Artikolu 28(1), il-kwantitajiet li ġejjin, maqsuma skont il-kodiċi tal-prodotti tan-nomenklatura tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni:

il-kwantità li għaliha jkunu ġew allokati l-liċenzji,

il-kwantità li għaliha jkunu nħarġu l-liċenzji,

il-kwantità esportata.”

5.

Fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit mit-test li ġej:

“2.   In-notifiki lill-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (************).

(************)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.”"

6.

L-Anness IV, V u VI huma mħassra.

Artikolu 11

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 479/2010, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   B’deroga mill-Artikolu 8, in-notifiki msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*************).

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(3)  ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3.

(4)  ĠU L 335, 21.12.2005, p. 6.

(5)  ĠU L 288, 19.10.2006, p. 18.

(6)  ĠU L 329, 25.11.2006, p. 7.

(7)  ĠU L 355, 15.12.2006, p. 72.

(8)  ĠU L 304, 22.11.2007, p. 21.

(9)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 10.

(10)  ĠU L 128, 27.5.2009, p. 15.

(11)  ĠU L 186, 17.7.2009, p. 1.

(12)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(13)  ĠU L 318, 4.12.2009, p. 1.

(14)  ĠU L 135, 2.6.2010, p. 26.

(15)  ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52.