24.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 172/2011

tat-23 ta’ Frar 2011

li jistabbilixxi l-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 43(a) u (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

(2)

Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet tal-butir jindikaw żbilanċ fis-suq li jista' jiġi eliminat jew imnaqqas mill-ħżin staġjonali. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq, huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-butir sa mill-1 ta’ Marzu 2011.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ċerti prodotti agrikoli (2) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna għall-ħżin privat.

(4)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, se tingħata għajnuna stabbilita minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 l-għajnuna għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-ispejjeż tal-ħżin u x-xejra mistennija fil-prezzijiet għall-butir frisk u l-butir mill-ħażniet.

(6)

Huwa xieraq li tkun stabbilita għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ tal-prodotti kkonċernati u għall-ispejjeż ta’ kuljum għall-ħżin fil-friża u l-iffinanzjament.

(7)

Biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżura preżenti waqt li tkun ikkunsidrata l-prattika eżistenti fl-Istati Membri, l-għajnuna għandha tirrigwarda biss prodotti li tpoġġew kompletament fil-ħżin. Konsegwentement, għandha tiġi pprovduta deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

(8)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, meta t-tagħrif meħtieġ dwar id-dettalji tal-ħżin ikun diġà inkluż fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa xieraq li ma ssirx it-talba biex l-istess tagħrif ikun innotifikat wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif ipprovdut fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

(9)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, l-Istati Membri għandhom jitħallew ineħħu l-ħtieġa li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt meta n-numru tal-kuntratti jkun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet.

(10)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, u b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tal-butir, il-kontrolli kif ipprovduti fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu minn tal-anqas fuq nofs il-kuntratti. Konsegwentament, għandha tkun ipprovduta deroga minn dak l-Artikolu.

(11)

L-ammont ta’ għajnuna applikabbli għall-ħżin privat tal-butir għall-2010 ġie stabbilit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 158/2010 (3) Peress li għandu jiġi stabbilit ammont ġdid għall-2011, dak ir-Regolament għandu jiġi mħassar għal raġunijiet ta’ ċarezza. Għall-istess raġunijiet, dan ir-Regolament għandu jiskadi fl-aħħar data stabbilita għat-tmiem tal-perjodu kontrattwali tal-ħażna.

(12)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jipprovdi għal għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, kemm jekk mielaħ jew mingħajr melħ, kif imsemmi fl-Artikolu 28(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għal kuntratti konklużi mill-1 ta’ Marzu 2011 'l quddiem.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-unità tal-miżura tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin’ li tikkorrispondi mal-kwantità tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, li jiżnu tal-lanqas tunnellata u huma ta’ kompożizzjoni u kwalità omoġena, prodotti f'fabbrika waħda, maħżunin f'maħżen wieħed f'ġurnata waħda.

Artikolu 3

1.   B'deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 l-applikazzjonijiet għandhom isiru biss għall-prodotti li tqiegħdu kompletament fil-ħżin.

2.   Ma għandux japplika l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

3.   L-Istati Membri jistgħu jneħħu r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm il-maniġer tal-maħżen ikun responsabbli li jiddaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fil-punt III tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, tul il-perjodu kollu tat-tneħħija mill-ħżin bejn Awwissu 2011 u Frar 2012, fir-rigward ta’ mill-anqas nofs l-għadd tal-kuntratti, tivverifika permezz ta’ kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tal-butir maħżun.

Artikolu 4

1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:

EUR 18,06 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż stabbiliti tal-ħżin,

EUR 0,35 għal kull tunnellata għal kull ġuranta ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Id-dħul fil-ħżin kuntrattwali għandu jsir bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Awwissu 2011. It-tneħħija mill-ħżin tista' ssir biss mis-16 ta’ Awwissu 2011 'l quddiem. Il-ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin jew mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ Frar tas-sena ta’ wara d-dħul fil-ħżin.

3.   L-għajnuna tista' tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin huwa bejn 90 u 210 ġurnata.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Tlieta sa 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell) dwar il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 158/2010 huwa mħassar.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jiskadi fid-29 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 49, 26.2.2010, p. 14.