24.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 171/2011

tat-23 ta’ Frar 2011

dwar l-awtorizzazzjoni ta’ 6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 bħala addittiv fl-għalf tat-tjur u tal-ispeċi porċina u li temenda r-Regolament (EC) Nru 255/2005 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd irrappreżentat minn DSM Nutritional products Sp. z o.o)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutriment tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ din it-tip ta’ awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi l-valutazzjoni mill-ġdid ta’ addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 kien awtorizzat skont id-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv fl-għalf mingħajr limitu taż-żmien għat-tiġieġ tas-simna, tiġieġ tal-bajd, dundjani tas-simna, ħnienes, qżieqeż tas-simna u qżieqeż nisa, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 255/2005 (3). Dak l-addittiv wara ddaħħal fir-Reġistru Komunitarju tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dak l-addittiv għall-għalf kien awtorizzat ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għal għaxar snin għall-papri permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1500/2007 tat-18 ta’ Diċembru 2007 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-użu ġdid għas-6-phytase EC 3.1.3.26 (Ronozyme) bħala addittiv fl-għalf (4).

(4)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tas-6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, tiġieġ tal-bajd, dundjani tas-simna, ħnienes żgħar, qżieqeż tas-simna u qżieqeż nisa skont l-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, għall-użu ġdid li ma kienx kopert qabel, fuq speċi tat-tjur u fuq speċi porċina, li titlob li dak l-addittiv ikun klassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Tressqet dejta ġdida biex issostni l-applikazzjoni. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2010 (5), li s-6-phytase (EC 3.1.3.26), prodott mill-Aspergillus oryzae (DSM 14223), ma għandux effett negattiv fuq saħħet l-annimali, saħħet il-bniedem jew fuq l-ambjent, u li l-użu tiegħu jista’ jtejjeb id-diġestibilità tal-fosforu. L-Awtorità tikkunsidra li ma hemmx bżonn għal rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tas-6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae (DSM 14223) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Konsegwentament, l-użu ta’ din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

(7)

B’konsegwenza għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ġdida permezz ta’ dan ir-Regolament, l-entrata tas-6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 fir-Regolament (KE) Nru 255/2005 għandha titħassar.

(8)

Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1500/2007 għandu jitħassar.

(9)

Billi l-modifikazzjonijiet fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mhumiex relatati ma’ raġunijiet ta’ sikurezza, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju għar-rimi ta’ ħażniet eżistenti tat-taħlitiet ta’ qabel u tal-għalf kompost.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jtejbu d-diġestibilità”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Fl-Anness II mar-Regolament (KE) Nru 255/2005, l-entrata EC No: 1614(i), addittiv: 6-phytase EC 3.1.3.26, għandha titħassar.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 1500/2007 għandu jitħassar.

Artikolu 4

It-taħlitiet ta’ qabel u l-għalf kompost li fih is-6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 li jkunu ittikkettjati skont id-Direttiva 70/524/KEE u r-Regolament (KE) Nru 255/2005 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm il-ħażniet eżistenti tagħhom jispiċċaw.

It-taħlitiet ta’ qabel u l-għalf kompost li fih is-6-phytase (EC 3.1.3.26) prodott mill-Aspergillus oryzae DSM 14223 li jkunu ittikkettjati skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1831/2003 u (KE) Nru 1500/2007 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm il-ħażniet eżistenti tagħhom jispiċċaw.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)   ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1.

(3)   ĠU L 45, 16.2.2005, p. 3.

(4)   ĠU L 333, 19.12.2007, p. 54.

(5)   The EFSA Journal 2010; 8(10):1862.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem tad-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, l-formula kemikali, deskrizzjoni, l-metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem tal-perjodu tal-awtorizzazzjoni

Unitajiet ta’ attività/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

Il-kategorija tal-additivi żootekniċi. Grupp funzjonarju: sustanzi li jtejbu d-diġestibilità

4a1641(i)

DSM Nutritional Products Ltd irrappreżentat minn DSM Nutritional products Sp. Z o.o.

6-phytase

EC 3.1.3.26

 

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni tas-6-phytase prodott mill-Aspergillus oryzae (DSM 14223) li fiha attività minima ta’:

 

Għamla solida: 5 000  FYT/g (1)

 

Għamla likwida: 20 000  FYT/g

 

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

6-phytase prodott mill-Aspergillus oryzae (DSM 14223)

 

Metodu analitiku  (2)

Metodu kolorimetriku bbażat fuq ir-reazzjoni tal-vanadomolybdate fuq il-fosfat inorganiku prodott bl-azzjoni tas-6-phytase fuq phytate li fih substrat (phytate tas-sodju) b’pH 5,5 u 37 °C, ikkwantifikat skont kurva standard minn fosfat inorganiku.

Tjur għat-tnissil u għall-bajd.

300 FYT

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u t-taħlitiet ta’ qabel, indika t-temperatura għall-ħażna, kemm tista’ ddum il-ħażna, u l-istabbiltà għall-pelleting

2.

Għall-użu f’g ħalf li fih aktar minn 0,23 % ta’ fosforu magħqud mal-phytin.

3.

Għas-sigurtà: Għandu jintlibes tagħmir għall-protezzjoni tan-nifs, nuċċali u ingwanti waqt l-immaniġjar.

Is-16 ta’ Marzu 2021

Tjur oħrajn

250 FYT

Qżieqeż għat-tnissil u speċi ta’ porċini żgħar għat-tnissil

750 FYT

Qżieqeż oħrajn u speċi ta’ porċini żgħar oħra

500 FYT


(1)  1 FYT huwa l-ammont ta’ enzima li jillibera 1 mikromol ta’ fosfat inorganiku kull minuta minn phytate tas-sodju f’pH 5,5 u temperatura ta’ 37 °C.

(2)  Dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza: www.irmm.jrc.be/crl-feed-additives.