23.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 165/2011

tat-22 ta’ Frar 2011

li jipprovdi għal tnaqqis minn ċerti kwoti tal-kavalli allokati lil Spanja għall-2011 u fis-snin sussegwenti minħabba s-sajd żejjed fl-2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1) , u b’mod partikulari l-Artikolu 105(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kwota tas-sajd għall-kavalli fiż-żona VIIIc, IX u X; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1 kienet allokata lil Spanja bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 53/2010 (2) għall-2010 u bir-Regolament (UE) Nru 57/2011 għall-2011 (3).

(2)

Il-kwota tas-sajd għall-kavalli għall-2010 tnaqqset wara iskambji li saru minn Spanja ma' Franza u l-Portugall, skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd] (4).

(3)

Il-Kummissjoni sabet li kien hemm inkonsistenzi fid-dejta Spanjola dwar is-sajd tal-kavalli fl-2010 billi għamlet kontroverifika ta' din id-dejta hekk kif din ġiet irreġistrata u rrapurtata fi stadji differenti fil-katina tal-valur mill-qbid sal-ewwel bejgħ. Dawn l-inkonsistenzi ġew ikkorroborati iktar permezz tat-twettiq ta' diversi verifiki, missjonijiet ta' verifika u spezzjonijiet fi Spanja skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009. L-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi li dan l-Istat Membru qabeż il-kwota tiegħu tal-kavalli fis-sena 2010 b'19 621 tunnellata.

(4)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet li Stat Membru jkun qabeż il-kwoti tas-sajd li kienu allokati lilu, il-Kummissjoni għandha tnaqqas il-kwoti tas-sajd tal-futur ta’ dak l-Istat Membru.

(5)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jgħid li t-tnaqqis mill-kwoti tas-sajd għandu jsir fis-sena jew fis-snin ta’ wara billi jiġu applikati ċerti fatturi ta’ multiplikazzjoni mogħtija f’dak il-paragrafu.

(6)

It-tnaqqis li japplika għas-sajd żejjed fl-2010 huwa ogħla mill-kwota allokata lil Spanja għall-2011 għall-istokk ikkonċernat.

(7)

L-istokk tal-kavalli inkwistjoni bħalissa jinsab f'limiti bijoloġiċi sikuri u l-parir xjentifiku jindika li x'aktarx jibqa' hekk fil-futur prevedibbli. L-applikazzjoni bis-sħiħ u minnufih tat-tnaqqis mill-kwoti tal-kavalli għal Spanja għall-2011 iwassal biex dan is-sajd jingħalaq kompletament għall-2011. Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' dan il-każ, l-għeluq għalkollox x'aktarx se jinvolvi riskji serji ta' konsegwenzi soċjoekonomiċi sproporzjonati kemm fis-settur tas-sajd ikkonċernat kif ukoll fl-industrija tal-ipproċessar assoċjata miegħu. Biex wieħed iżomm bilanċ u b'kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, huwa meqjus li jkun xieraq li f'dan il-każ partikolari, it-tnaqqis meħtieġ biex ipatti għall-ammont ta' sajd żejjed, isir fuq perjodu ta' 5 snin, mill-2011 sal-2015 u, jekk ikun meħtieġ, li l-bqija tat-tnaqqis isir mill-kwota tal-kavalli allokati fis-snin li jiġu eżatt wara.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwota tas-sajd għall-kavalli (Scomber scombrus) fiż-żona VIIIc, IX u X; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1 li kienu allokati lil Spanja bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 57/2011 fl-2011 għandha titnaqqas kif jidher fl-Anness.

Artikolu 2

Il-kwota tas-sajd għall-kavalli (Scomber scombrus) fiż-żona VIIIc, IX u X; l-ilmijiet tal-UE tas-CECAF 34.1.1 li tista’ tiġi allokata lil Spanja fis-snin bejn l-2012 u l-2015 u, fejn xieraq, il-kwota tas-sajd għall-istess stokk li tista' tiġi allokaat lil Spanja fis-snin sussegwenti għandha titnaqqas kif jidher fl-Anness.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 21, 26.1.2010, p. 1.

(3)   ĠU L 24, 27.1.2011, p. 1.

(4)   ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.


ANNESS

Stokk

Kwota Inizjali għall-2010

Kwota adattata għall-2010

Qabdiet stabbiliti għall-2010

Differenza fil-kwota tal-qabdiet (sajd żejjed)

Fattur ta' multiplikazzjoni tal-Artikolu 105(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (sajd żejjed * 2)

Tnaqqis għall-2011

Tnaqqis għall-2012

Tnaqqis għall-2013

Tnaqqis għall-2014

Tnaqqis għall-2015 u, fejn japplika, għas-snin sussegwenti

MAC/8C3411

27 919

24 604

44 225

–19 621

(79,7 % tal-kwota għall-2010)

–39 242

4 500

5 500

9 748

9 747

9 747