27.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/15 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 62/2011
tas-26 ta’ Jannar 2011
li jeskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES minn ċerti limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-2011, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali (multiannwali) għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali [multiannwali] għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 29(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-rapporti mressqa mid-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Isvezja,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 jistipula d-dispożizzjonijiet għall-istabbiliment ta' limitazzjonijiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku. |
(2) |
Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, l-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1124/2010 tad-29 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2011 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku (2) stabbilixxa limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd għall-2011 fil-Baħar Baltiku. |
(3) |
Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007, il-Kummissjoni tista’ teskludi s-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 mill-ambitu ta’ ċerti limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd meta l-qabdiet tal-merluzz kienu taħt ċertu livell fl-aħħar perjodu ta’ rappurtar. |
(4) |
Fid-dawl tar-rapporti mressqa mill-Istati Membri u tal-parir tal-STECF, is-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 għandhom ikunu esklużi fl-2011, mill-ambitu ta' dawk il-limitazzjonjiet tal-isforz tas-sajd. |
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1124/2010 japplika mill-1 ta’ Jannar 2011. Biex tkun żgurata l-koerenza ma’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika retroattivament minn dik id-data. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 8(1)(b), (3), (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1098/2007 ma għandux japplika għas-Subdiviżjonijiet 27 u 28.2 tal-ICES fis-sena 2011.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1.