20.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 38/2011

tat-18 ta’ Jannar 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

(1)

F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw, inter alia, fl-Indja. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju antidumping ad valorem li jvarja bejn 0 % u 62,6 % impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3 % fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(2)

F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006 (3), il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju antidumping impost varja bejn 0 % u 18 %, wara li tqiesu s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 (4)).

(3)

F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006 (5), il-Kunsill, wara reviżjoni interim rigward is-sussidjar ta’ produttur tat-tertuqa PET Indjan, Garware Polyester Limited, emenda d-dazju antidumping definittiv impost fuq dik il-kumpanija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001.

(4)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006 (6), fuq talba ta’ produttur esportatur ġdid, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ esportatur Indjan wieħed. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5 % u rata ta’ dazju antidumping ta’ 3,5 % għall-kumpanija kkonċernata wara li tqies il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006. Billi l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, ġiet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(5)

F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (7), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward ta’ produttur esportatur Indjan wieħed.

(6)

F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 (8), il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidju lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq dawn il-Kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u d-dazji kumpensatorji definittivi imposti fuq dawn il-kumpaniji permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 żamm ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-Brażil u l-Iżrael bl-eżenzjoni ta’ ċerti kumpaniji. L-aħħar emenda għar-Regolament 1292/2007 f’dan ir-rigward saret permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 806/2010 (9).

(8)

L-applikant ta’ din ir-reviżjoni interim - Garware Polyester Limited huwa attwalment soġġett għal dazju antidumping definittiv ta’ 14,7 %.

2.   Miżuri kumpensatorji eżistenti

(9)

Għandu wkoll jiġi indikat li Garware Polyester Limited huwa soġġett għal dazju kumpensatorju ta’ 5,4 % fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 15/2009.

3.   Talba għal reviżjoni interim parzjali

(10)

F’Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping, tressqet minn Garware Polyester Limited, produttur esportatur mill-Indja (“Garware” jew “l-applikant”). Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

4.   Il-bidu ta’ reviżjoni

(11)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ Notifika ta’ Inizjazzjoni ppubblikata fl-1 ta’ Diċembru 2009 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10), il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-applikant.

(12)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali tivvaluta wkoll il-bżonn, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li tiġi emendata r-rata ta’ dazju li bħalissa hija applikata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri r-rata tad-dazju antidumping li tapplika għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fl-Indja.

5.   L-investigazzjoni

(13)

L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 (“perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni” jew “PIR”).

(14)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

(15)

Biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta’ skadenza stipulat għal dan l-għan.

(16)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Saret żjara ta’ verifika fil-bini tal-applikant.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat f’din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi l-miżuri fis-seħħ, jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET), li toriġina fl-Indja, li attwalment taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

2.   Il-prodott simili

(18)

Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, din l-investigazzjoni wriet li t-tertuqa PET prodotta fl-Indja u esportata lejn l-Unjoni u t-tertuqa PET prodotta u mibjugħa lokalment fis-suq Indjan, kif ukoll it-tertuqa PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi tal-UE għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

(19)

Dawn il-prodotti għalhekk jitqiesu bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

(a)   Il-valur normali

(20)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili tal-applikant lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ tali bejgħ kienx daqs minn tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ ta’ esportazzjonijiet korrispondenti lejn l-Unjoni.

(21)

Il-Kummissjoni mbagħad identifikat dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa lokalment mill-kumpanija li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(22)

Sar eżami ulterjuri fuq jekk il-bejgħ lokali tal-applikant kienx rappreżentattiv għal kull tip ta’ prodott, jiġifieri jekk il-bejgħ lokali ta’ kull tip ta’ prodott kienx jikkostitwixxi mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-istess tip ta’ prodott tal-Unjoni. Fil-każ ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, imbagħad ġie eżaminat jekk tali bejgħ sarx f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(23)

L-eżami dwar jekk il-bejgħ lokali ta’ kull tip ta’ prodott, mibjugħ lokalment fi kwantitajiet rappreżentattivi, jistax jitqies bħala li sar f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti tat-tip inkwistjoni. Fil-każijiet kollha fejn il-bejgħ domestiku tat-tip ta’ prodott partikolari sar fi kwantitajiet suffiċjenti u f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz lokali effettiv, ikkalkulat bħala medja peżata tal-bejgħ lokali kollu ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR.

(24)

Għal dawk it-tipi ta’ prodotti li fadal fejn il-bejgħ lokali ma kienx rappreżentattiv jew ma nbiegħux f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, il-valur normali ġie mibni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie mibni biż-żieda mal-kosts tal-manifattura tat-tipi esportati, aġġustati fejn meħtieġa, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u ta’ marġini raġjonevoli ta’ qligħ, fuq il-bażi tad-dejta attwali relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ, f’sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(b)   Il-prezz tal-esportazzjoni

(25)

Peress li l-bejgħ tal-esportazzjoni kollu tal-produttur Indjan li qiegħed jikkoopera u li jesporta lejn l-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(ċ)   Tqabbil

(26)

It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet sar fuq il-bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Għan dan l-għan, ingħatat konċessjoni xierqa f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet, l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż tal-ippakkjar imħallsa mill-applikant fejn applikabbli u ġġustifikat.

(d)   Il-marġini tad-dumping

(27)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil ma weriex l-eżistenza ta’ dumping.

D.   IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(28)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura dejjiema.

(29)

F’dan ir-rigward l-investigazzjoni wriet li wara l-investigazzjoni preċedenti, jiġifieri r-reviżjoni ta’ skadenza msemmija fil-premessa (5), Garware għamlet bidliet sinifikanti fil-proċess u fit-teknoloġija ta’ produzzjoni tiegħu. Minflok it-tereftalat tad-dimetil (DMT) il-kumpanija bdiet tuża l-aċidu tereftaliku ppurifikat (PTA) bħala l-materja prima ewlenija. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ dik ir-reviżjoni ta’ skadenza, Garware kien l-uniku produttur esportatur Indjan li kien għadu qiegħed juża t-teknoloġija l-antika bbażata fuq id-DMT. Din il-bidla fit-teknoloġija kif ukoll l-investiment f’impjant ġdid għall-manifattura taċ-ċipep irriżultat fi tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż tal-manifattura bejn ir-reviżjoni ta’ skadenza preċedenti u r-reviżjoni attwali. Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż għandu impatt dirett fuq il-marġni tad-dumping. Din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għalhekk tista’ titqies bħala waħda li għandha natura dejjiema.

(30)

Għandu jiġi indikat ukoll li marġni indikattiv ta’ dumping, ikkalukulat għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-applikant lill-pajjiżi terzi fil-PIR, kien negattiv. F’termini ta’ volum, dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(31)

Għalhekk tqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-bidu ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni interim. Għalhekk ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex aktar ġustifikata.

E.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING

(32)

Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Garware jiġi emendat għal 0 %.

(33)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (11), l-ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għal dazju antidumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji għall-fini li tiġi indirizzata sitwazzjoni waħda, u l-istess, u li tirriżulta minn dumping jew mill-issussidjar għall-esportazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 5 hawn fuq, l-applikant huwa soġġett għal dazju kumpensatorju. Billi d-dazju antidumping stabbilit għall-applikant huwa ta’ 0 % fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, din is-sitwazzjoni ma tirriżultax f’dan il-każ.

(34)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju li tapplika għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma ġew irċevutil-ebda kummenti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt li jikkonċerna lil Garware Polyester Limited, fit-tabella fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Garware Polyester Limited, Garware House, 50-A, Swami Nityanand Marg, Vile Parle (East), Mumbai 400 057, India

0,0

A028 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

G. MATOLCSY


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

(4)  ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

(5)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

(9)  ĠU L 242, 15.9.2010, p. 6.

(10)  ĠU C 291, 1.12.2009, p. 28.

(11)  ĠU L 188, 18.7.2009 p. 93.