19.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 35/2011

tat-18 ta’ Jannar 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 595/2010 fir-rigward ta' estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali għall-użu ta' ċerti ċertifikati tas-saħħa għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, is-serum mill-equidae u prodotti tad-demm trattat, minbarra dawk tal-equidae, għall-manifattura tal-prodotti tekniċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 595/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jemenda l-Annessi VIII, X u XI għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (2) introduċa rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tad-demm u l-prodotti tad-demm tal-equidae u mmodifika r-rekwiżiti eżistenti għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' serum tal-equidae għal skopijiet tekniċi. Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fit-28 ta' Lulju 2010.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 595/2010 jipprovdi għal perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Awwissu 2010 li matulu l-konsenji ta' prodotti sekondarji tal-annimali b'ċertifikat tas-saħħa mimli u ffirmat skont il-mudelli rilevanti taċ-ċertifikati, kif stipulat fil-Kapitlu 2, il-Kapitlu 4(A) u l-Kapitlu 4(D) rispettivament tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 595/2010 għandhom jiġu aċċettati mill-Istati Membri.

(3)

Minħabba d-diffikultajiet biex jadattaw għar-regoli l-ġodda, xi operaturi ekonomiċi ewlenin talbu estensjoni ta' dak il-perjodu tranżizzjonali.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (3) għandu japplika mill-4 ta' Marzu 2011 u jintroduċi rekwiżiti ġodda għall-importazzjonijiet; il-perjodu tranżizzjonali għandu jittawwal skont dan.

(5)

Biex ma jkunx hemm tfixkil tal-kummerċ tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jkollhom ċertifikati tas-saħħa mimlija u ffirmati skont il-mudelli rilevanti taċ-ċertifikati stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel it-28 ta' Lulju 2010, dan ir-Regolament għandu japplika retroattivament mill-1 ta' Settembru 2010.

(6)

Jinħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza biex ma jkunx hemm tfixkil tal-kummerċ li potenzjalment jista' jseħħ.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 595/2010 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Għal perjodu ta’ tranżizzjoni sal-4 ta’ Marzu 2011, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw konsenji ta' ħalib u prodotti tal-ħalib, serum mill-equidae u prodotti tad-demm trattat, minbarra dawk tal-equidae, għall-manifattura ta’ prodotti tekniċi, li jkollhom ċertifikat tas-saħħa mimli u ffirmat skont il-mudelli rilevanti taċ-ċertifikati, kif stipulat fil-Kapitolu 2, il-Kapitolu 4(A) u l-Kapitolu 4(D) tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Sat-30 ta’ April 2011, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw konsenji bħal dawn jekk iċ-ċertifikati ta’ saħħa li jkollhom magħhom ikunu mtlew u ġew iffirmati qabel il-5 ta’ Marzu 2011.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Settembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 173, 8.7.2010, p. 1.

(3)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.