21.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/16


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/81/UE

tal-20 ta’ Settembru 2011

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-deltametrin bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2), jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi d-deltametrin.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, id-deltametrin ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra, kif iddefiniti fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

L-Isvezja nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ġunju 2008 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, fis-6 ta’ Mejju 2011, is-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati f’rapport ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali.

(5)

Mill-evalwazzjonijiet li saru, jidher li l-prodotti bijoċidali użati bħala insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra u li fihom id-deltametrin jistgħu jiġu preżunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE. Għaldaqstant jixraq li d-deltametrin jiġi inkluż fl-Anness I għal dik id-Direttiva.

(6)

Ma ġewx evalwati l-użi potenzjali kollha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u l-kompartimenti ambjentali li għadhom ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodott, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(7)

Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-ekosistema akkwatika meta l-prodotti jintużaw għat-trattament ta’ barrieri fuq ġewwa, li jirriżultaw f’emissjonijiet ta’ ċertu skala f’impjant tat-trattament tad-drenaġġ, jixraq li jkun meħtieġ li l-prodotti ma jkunux awtorizzati għal użijiet li jirriżultaw f’tali emissjonijiet, sakemm ma tkunx tressqet dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE kif ukoll tal-Anness VI għaliha, jekk ikun hemm bżonn permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji.

(8)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza attiva deltametrin u wkoll biex jiġi ffaċilitat l-operat kif suppost tas-suq ġenerali tal-prodotti bijoċidali.

(9)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u biex jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(10)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(11)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri ta’ Identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqiegħed fis-suq

Data tal-inklużjoni

Skadenza sa meta għandu jkun hemm konformità mal-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li jkun fihom aktar minn sustanza attiva waħda, li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Data ta’ skadenza tal-inklużjoni

Tip tal-prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

“49

deltametrin

(S)-α-ċjano-3-fenossibenżil (1R,3R)-3-(2,2-dibromovinil)-2,2-karbossilat tad-dimetilċiklopropan

Nru tal-CAS: 52918-63-5

Nru tal-KE: 258-256-6

985  g/kg

fl-1 ta’ Ottubru 2013.

fit-30 ta’ Settembru 2015.

fit-30 ta’ Settembru 2023.

18

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk ix-xenarji ta’ użu jew esponiment u dawk ir-riskji għall-popolazzjonijiet umani u għall-kompartimenti ambjentali li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

Il-prodotti ma għandhomx jiġu awtorizzati għat-trattamenti fuq ġewwa li jirriżultaw f’emissjonijiet fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ fi skala li fiha l-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni wriet li hemm riskji inaċċettabbli, sakemm ma titressaqx dejta li turi li l-prodott se jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 u l-Anness VI, jekk ikun hemm bżonn permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji.”


(*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm